X’Tiftakar?
Qrajt bir-reqqa l-ħarġiet reċenti taʼ It-Torri tal-Għassa? Ara jekk tistax twieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin:
• X’ried ifisser Alla meta qal lit-tribù taʼ Levi: “Jien is-sehem tiegħek”?
Kull wieħed mit-tribujiet l-oħra taʼ Iżrael irċieva art bħala wirt imma l-Leviti kellhom lil Ġeħova bħala “s-sehem” tagħhom. (Num. 18:20) Ma kinux se jirċievu art bħala wirt, imma ngħataw privileġġ speċjali taʼ servizz. Xorta waħda, Ġeħova kien se jieħu ħsieb il-bżonnijiet bażiċi tagħhom. Illum dawk li għandhom il-privileġġ li jkabbru l-interessi tas-Saltna jistgħu jkunu fiduċjużi li l-bżonnijiet tal-ħajja tagħhom se jkunu provduti.—9/15, paġni 7-8, 13.
• X’jistaʼ jgħin lil Kristjan jiddeċiedi jekk xi tip taʼ rikreazzjoni hix taʼ benefiċċju jew le?
Biex jiddetermina jekk xi tip taʼ rikreazzjoni tkunx taʼ benefiċċju u togħġobx lil Alla, ikun tajjeb li jistaqsi: X’inhu dak li tinkludi? Meta se nfittixha? Min se jkunu l-ħbieb tiegħi f’din ir-rikreazzjoni?—10/15, paġni 9-12.
• X’jistaʼ jgħin lil koppja jiddiskutu kwistjonijiet li jistgħu jġibu l-firda?
Tkellmu dwarhom meta t-tnejn li intom tkunu kalmi u rilassati. Xi ngħidu jekk żewġek jew martek iżżomm lura biex titkellem? Kun af li “l-ħsieb f’qalb il-bniedem hu bħal ilmijiet fondi, imma min għandu d-dixxerniment se jtellgħu.” (Prov. 20:5) Jekk ittellaʼ barmil ilma minn bir b’għaġla żejda titlef ħafna ilma. Bl-istess mod, jekk int tkellem lil żewġek b’saħħa żejda, hu għandu mnejn ikun irid jiddefendi ruħu u l-opportunità biex tgħinu jiftaħ qalbu tistaʼ tintilef. Minflok, staqsi b’ġentilezza u b’rispett, u kun paċenzjuża jekk żewġek ma jesprimix ruħu malajr daqs kemm tixtiequ int.—10/1, paġni 10-12.
• X’nistgħu nitgħallmu minn Salm 78?
Dan is-Salm jaċċertana li Ġeħova għandu rabta soda mal-aduraturi tiegħu u ma jaqtax qalbu minnhom malajr. Fl-istess ħin, meta nikkunsidraw li Ġeħova għandu sentimenti u li l-kondotta tagħna tistaʼ teffettwa s-sentimenti tiegħu, iġegħelna naħsbu.—10/1, paġna 13.
• X’nistgħu nitgħallmu minn Elija meta kien qalbu maqtugħa?
F’ħin minnhom Elija ħassu mhu tajjeb għal xejn u għajjat: “Biżżejjed!” X’jiswa li jibqaʼ jgħix? B’mod simili, għadd taʼ rġiel u nisa leali msemmijin f’rakkonti Bibliċi huma deskritti bħala li tant ħassewhom imdejqin li xtaqu jmutu—fosthom Rebekka, Ġakobb, Mosè, u Ġob. Illum ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom,” għalhekk ma nissorprendux ruħna li ħafna nies, saħansitra qaddejja leali t’Alla, ikunu qalbhom sewda xi kultant. (2 Tim. 3:1) Jekk qatt issib lilek innifsek f’sitwazzjoni kerha bħal din, segwi l-eżempju t’Elija f’dan ir-rigward: Iftaħ qalbek m’Alla. Wara kollox, Ġeħova huwa “l-Alla taʼ kull faraġ.” (2 Kor. 1:3)—10/1, paġni 18-21.
• Ir-rakkont fi Proverbji 7:6-23 kif jgħinna nevitaw li naraw il-pornografija?
Din is-silta tirrakkonta dwar żagħżugħ li mexa fi triq fejn kien jaf li kienet tgħix mara immorali. Hi stiednet liż-żagħżugħ f’darha. Hu ma setax jirreżisti t-tentazzjoni, u mar warajha. Illum nagħmlu tajjeb li nevitaw siti tal-Internet fejn nafu li hemm vidjos jew stampi sesswali, u għandna bżonn nitolbu għall-għajnuna t’Alla saħansitra qabel ma niltaqgħu maʼ stampi bħal dawn fuq l-Internet.—11/15, paġni 9-10.