Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Huwa possibbli li tiddetermina l-ħin eżatt tal-ġurnata li fih Ġesù Kristu ġie msammar maʼ zokk?
Din il-mistoqsija tqum għax jidher li hemm nuqqas taʼ qbil bejn ir-rakkont ispirat tal-mewt taʼ Ġesù li kitbu Marku, wieħed mill-kittieba tal-Evanġelji, u dak li kiteb l-appostlu Ġwanni. Marku jgħid: “Issa kienet it-tielet siegħa meta [s-suldati] sammruh maʼ zokk.” (Mk. 15:25) Skont Ġwanni, kien “madwar is-sitt siegħa” meta Pilatu ta lil Ġesù f’idejn il-Lhud biex isammruh maʼ zokk. (Ġw. 19:14-16) Xi kummentaturi tal-Bibbja taw diversi spjegazzjonijiet biex jipprovaw isolvu din li donnha hi kontradizzjoni. Madankollu, m’hemmx biżżejjed informazzjoni fl-Iskrittura biex tispjega d-differenza bejn iż-żewġ rakkonti. Xorta waħda, jistaʼ jkun t’għajnuna jekk nikkunsidraw kif in-nies kienu jqisu l-ħin lura dak iż-żmien.
Fl-ewwel seklu tal-Era Komuni tagħna, il-Lhud kienu jaqsmu d-dawl tal-jum fi 12-il siegħa, u kienu jibdew jgħoddu minn tlugħ ix-xemx. (Ġw. 11:9) Għaldaqstant, “it-tielet siegħa” kienet mit-tmienja sad-disgħa taʼ filgħodu u s-“sitt siegħa” kienet mill-ħdax taʼ filgħodu sa madwar nofsinhar. M’għandniex xi ngħidu, ix-xemx kienet titlaʼ u tinżel f’ħinijiet differenti matul is-sena. Għalhekk, it-tul tal-perijodu tad-dawl tal-ġurnata kien ivarja, skont l-istaġun. Iktar minn hekk, dak li jkun setaʼ jiddetermina l-ħin tal-ġurnata billi josserva l-pożizzjoni tax-xemx. Minħabba f’hekk, ir-referenzi għall-ħin kienu bejn wieħed u ieħor. L-Iskrittura Griega Kristjana ġeneralment tirreferi għal ġrajjiet bħala li jseħħu fit-tielet, fis-sitt, jew fid-disaʼ siegħa—u dan spiss ifisser li jkunu seħħew madwar dak il-ħin. (Mt. 20:3, 5; Atti 10:3, 9, 30) Referenza iktar speċifika, bħas-“sebaʼ siegħa,” kienet issir biss meta l-ħin kien essenzjali għall-iżvilupp tar-rakkont li jkun qed jiġi rakkontat.—Ġw. 4:52.
Ir-rakkonti tal-Evanġelju jaqblu rigward il-ħin tal-ġrajjiet matul l-aħħar jum taʼ Ġesù fuq l-art. L-erbgħa li huma jindikaw li l-qassisin u x-xjuħ iltaqgħu wara s-sebħ, u mbagħad ħaduh għand il-Gvernatur Ruman Ponzju Pilatu. (Mt. 27:1; Mk. 15:1; Lq. 22:66; Ġw. 18:28) Mattew, Marku, u Luqa kollha jirrapportaw li mis-sitt siegħa, meta Ġesù diġà kien fuq iz-zokk, waqgħet dalma fuq l-art “sad-disaʼ siegħa.”—Mt. 27:45, 46; Mk. 15:33, 34; Lq. 23:44.
Aspett sinifikanti li jistaʼ jkollu effett fuq il-ħin meta Ġesù ġie msammar maʼ zokk hu dan: Il-flaġell jew is-swat kien meqjus bħala parti mill-proċess tat-tismir maʼ zokk. Kultant il-vittma kienet tmut waqt il-flaġell tant kemm kien ikun aħrax. Fil-każ taʼ Ġesù, bilfors li l-flaġell kien aħrax biżżejjed biex ikun neċessarju li raġel ieħor iġorr iz-zokk tat-tortura wara li Ġesù beda jġorru waħdu. (Lq. 23:26; Ġw. 19:17) Jekk il-flaġell kien meqjus bħala l-bidu tal-proċedura tat-tismir maʼ zokk, kellu jgħaddi ftit tal-ħin qabel ma Ġesù jiġi msammar maz-zokk tat-tortura. Għalhekk, individwi differenti għandhom mnejn jagħtu ħinijiet differenti għat-tismir maʼ zokk, skont f’liema fażi tal-proċess huma personalment innotaw il-ħin.
L-appostlu Ġwanni kiteb ir-rakkont tiegħu għaxriet taʼ snin wara l-kittieba l-oħrajn tal-Evanġelju. Għalhekk, hu kellu aċċess għar-rakkonti tagħhom. Huwa minnu li Ġwanni inkluda ħin li donnu jvarja minn dak li kiteb Marku. Madankollu, dan jagħti evidenza ċara li Ġwanni ma qabadx u sempliċement ikkopja r-rakkont taʼ Marku. Kemm Ġwanni kif ukoll Marku kienu mnebbħin minn Alla. Għalkemm m’għandniex biżżejjed informazzjoni Skritturali disponibbli biex nispjegaw id-differenza, nistgħu nafdaw ir-rakkonti tal-Evanġelju.