Ideat għall-Qima tal-Familja u l-Istudju Persunali
FIL-BIDU tal-2009, il-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja aġġustaw l-iskeda tal-laqgħat tagħhom. Iż-żewġ laqgħat fost il-ġimgħa ngħaqdu, u kulħadd ġie mħeġġeġ juża l-lejla li s-soltu kienet tintuża għal-laqgħa biex minflok tintuża għall-qima tal-familja jew l-istudju persunali. Qiegħed int tieħu vantaġġ mill-arranġament il-ġdid? Qiegħed tibbenefika bis-sħiħ minnu?
Xi wħud ħasbu x’materjal għandhom jagħżlu biex jikkunsidrawh fil-qima tal-familja. Mhijiex l-intenzjoni tal-Ġemgħa li Tiggverna li tistabbilixxi programm wieħed għall-familji kollha. Peress li ċ-ċirkustanzi jvarjaw, huwa xieraq li kull kap tal-familja jew individwu jevalwa kif din l-okkażjoni taʼ kull ġimgħa tistaʼ tintuża bl-aħjar mod.
Xi wħud kienu qed jippreparaw għal-laqgħat tal-kongregazzjoni, imma l-qima tal-familja m’għandhiex għalfejn tkun limitata għal dan. Oħrajn kienu qed jaqraw, jiddiskutu, u anke jirreċtaw informazzjoni Skritturali, speċjalment għall-benefiċċju tat-tfal iż-żgħar. Mhux dejjem ikun neċessarju jew anke mixtieq li jintuża l-metodu taʼ mistoqsija u tweġiba, bħalma jsir f’laqgħat formali. Atmosfera rilassata spiss twassal għal diskussjoni stimulanti u bdil taʼ ideat. Atmosfera bħal din tippromwovi ħsib kreattiv, li jistaʼ jagħmel l-okkażjoni memorabbli u taʼ pjaċir għal kulħadd.
Missier taʼ tlett itfal jikteb: “Dak li konna qegħdin nagħmlu aħna fil-biċċa l-kbira hu bbażat fuq il-qari tal-Bibbja. Ilkoll naqraw il-kapitli minn qabel, it-tfal jagħżlu xi punt għar-riċerka, u mbagħad jippreżentaw dak li jkunu sabu. Michael [taʼ sebaʼ snin] spiss ipinġi stampa jew jikteb paragrafu. David u Kaitlyn [taʼ 13 u 15-il sena] forsi jiktbu dwar rakkont Bibliku mill-ħarsa t’osservatur. Pereżempju, meta konna qegħdin naqraw dwar l-interpretazzjoni li ta Ġużeppi dwar il-ħolma tal-furnar u l-kuppier tal-Fargħun, Kaitlyn kitbet komponiment mill-ħarsa taʼ priġunier li qed jara x-xena tiżvolġi.”—Ġen., kap. 40.
Naturalment, is-sitwazzjonijiet ivarjaw. Dak li jaħdem għal individwu jew familja mhux neċessarjament jaħdem għal ħaddieħor. Il-kaxxa taʼ wara dan l-artiklu tippreżenta għadd taʼ ideat li jistgħu jintużaw waqt perijodi tal-qima tal-familja jew l-istudju persunali. Wisq probabbli tistaʼ taħseb f’ħafna oħrajn.
[Kaxxa/Stampa f’paġni 6, 7]
Għal familji b’adoloxxenti:
• Aqra u ddiskuti Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom.
• Immaġina li qed tgħix fi żminijiet Bibliċi. (Ara It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Ġunju, 1996, paġna 11, paragrafi 17-18.)
• Tkellem dwar miri li jintlaħqu malajr u dawk li jdumu iktar biex jintlaħqu.
• Minn żmien għal żmien, ara u ddiskuti vidjo bbażat fuq il-Bibbja.
• Ikkunsidra s-serje t’artikli fit-Torri tal-Għassa “Għaż-Żgħażagħ.”
Għal koppji bla tfal:
• Iddiskuti kapitli 1, 3, 11-16 tal-ktieb Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja.
• Aqsam dak li sibt mir-riċerka fuq punti mill-qari tal-Bibbja.
• Ipprepara għall-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni jew l-Istudju tat-Torri tal-Għassa.
• Iddiskuti modi kif tistaʼ tespandi l-ministeru tiegħek bħala koppja.
Għal aħwa mhux miżżewġin jew għal dawk fi djar maqsumin reliġjożament:
• Studja pubblikazzjonijiet ġodda li rċivejna fil-konvenzjonijiet distrettwali.
• Aqra l-Yearbook kurrenti u taʼ snin li għaddew.
• Agħmel riċerka dwar mistoqsijiet li huma komuni fit-territorju tiegħek.
• Ipprepara preżentazzjonijiet għall-ministeru tal-għalqa.
Għal familji bi tfal żgħar:
• Irreċta xeni Bibliċi.
• Ilgħab logħob tal-memorja, bħal dak fl-artikli “Għal Reviżjoni Bħala Familja” fi Stenbaħ!
• Kultant, agħmel xi ħaġa kreattiva. (Ara “Studying the Bible—In the Zoo!” fi Stenbaħ! bl-Ingliż tat-8 taʼ Marzu, 1996, paġni 16-19.)
• Ikkunsidra s-serje t’artikli “Għallem lil Uliedek” li tidher fit-Torri tal-Għassa.