Nintroduċu l-Edizzjoni bl-Ingliż Simplifikat
GĦANDNA l-pjaċir inħabbru li minn din il-ħarġa tal-edizzjoni għall-istudju tat-Torri tal-Għassa, għal perijodu taʼ sena bi prova, kull xahar se nibdew nippubblikaw simultanjament edizzjoni bl-Ingliż simplifikat. Se jkun fiha l-artikli għall-istudju u, skont l-ispazju li jkun hemm, xi artikli sekondarji. Aħna nemmnu li din se tissodisfa ħtieġa spiritwali vitali għal ħafna mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Għala?
L-Ingliż huwa l-lingwa komuni mitkellma minn ħutna li jgħixu f’pajjiżi bħalma huma l-Fiġi, il-Gana, il-Gżejjer Solomon, il-Kenja, il-Liberja, in-Niġerja, u l-Papwa Ginea Ġdida. Għalkemm ħutna f’dawn il-pajjiżi għandhom mnejn jitkellmu b’lingwi lokali, jew indiġeni, oħrajn, huma spiss jużaw l-Ingliż biex jikkomunikaw fil-laqgħat tal-kongregazzjoni u fil-ministeru tal-għalqa kuljum. Madankollu, l-Ingliż li jużaw hu eħfef minn dak li nużaw fil-pubblikazzjonijiet tagħna. Ukoll, hemm oħrajn fost in-nies taʼ Ġeħova li marru joqogħdu f’pajjiżi fejn iridu jużaw l-Ingliż biex jikkomunikaw, avolja jkunu limitati mhux ħażin bl-Ingliż. Iktar minn hekk, ma jistgħux jattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni li jsiru bil-lingwa taʼ pajjiżhom.
L-artikli li nikkunsidraw kull ġimgħa fl-Istudju tat-Torri tal-Għassa huma l-mezz prinċipali li jżommna fornuti sew b’ikel spiritwali f’waqtu. Għalhekk, biex kull min jattendi jibbenefika bis-sħiħ minn dan il-materjal, l-edizzjoni bl-Ingliż simplifikat tuża vokabolarju iżgħar bi grammatika u sintassi simplifikata. Din l-edizzjoni l-ġdida se jkollha qoxra distintiva. Is-sottitli, il-paragrafi, il-mistoqsijiet bħala reviżjoni, u l-istampi fl-artikli għall-istudju se jkunu jaqblu maʼ dawk fl-edizzjoni normali. B’hekk, kulħadd se jkun jistaʼ jsegwi fi kwalunkwe edizzjoni u jipparteċipa fl-Istudju tat-Torri tal-Għassa. Biex tara d-differenza fil-kliem fiż-żewġ edizzjonijiet, ara l-eżempju hawn taħt mit-tieni paragrafu tal-ewwel artiklu għall-istudju f’din il-ħarġa.
Hi t-tama tagħna li dan il-provvediment ġdid se jwieġeb it-talb taʼ ħafna li qalu lil Ġeħova: “Għinni nifhem, sabiex nitgħallem il-kmandamenti tiegħek.” (Salm 119:73) Aħna fiduċjużi li dawk li huma limitati bl-Ingliż, kif ukoll xi tfal iżgħar li jitkellmu bl-Ingliż, b’hekk se jkunu jistgħu jippreparaw aħjar għall-Istudju tat-Torri tal-Għassa kull ġimgħa. Nirringrazzjaw ħafna lil Ġeħova li għax ‘iħobb il-fratellanza kollha’ qed juża lill-“ilsir leali u għaqli” biex jagħti abbundanza taʼ ikel spiritwali.—1 Pt. 2:17; Mt. 24:45.
Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova