Tassew Tapprezzahom Int il-Barkiet li Għandek?
PERESS li kienu ġew meħlusin mirakolożament mill-jasar fl-Eġittu, ulied Iżrael għall-bidu kienu ferħanin li setgħu jqimu lil Ġeħova bil-libertà. (Eżo. 14:29–15:1, 20, 21) Madankollu, il-ħarsa tagħhom ma damitx ma nbidlet. Huma bdew igergru dwar is-sitwazzjoni li kienu jinsabu fiha. Għala? Minħabba li bdew jiffokaw iktar fuq id-diffikultajiet li kellhom biex jgħixu fid-deżert milli fuq dak li Ġeħova kien għamel magħhom. Huma qalu lil Mosè: “Għala tellajtuna mill-Eġittu biex immutu fix-xagħri? Għax la hawn ħobż u lanqas ilma, u ruħna xebgħet mill-ħobż [manna] taʼ min jistmerru.”—Num. 21:5.
Sekli wara, is-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem kanta: “Min-naħa tiegħi, fil-qalb tajba bl-imħabba tiegħek fdajt; ħa tifraħ qalbi bis-salvazzjoni tiegħek. Se nkanta lil Ġeħova, għax hu ppremjani.” (Salm 13:5, 6) David ma nesiex l-atti taʼ qalb tajba bl-imħabba li Ġeħova wera lejh. Anzi, hu spiss kien jimmedita fuqhom. (Salm 103:2) Ġeħova ppremja lilna wkoll, u nkunu għaqlin jekk ma niħdux ħafif ħafif dak kollu li għamel magħna. Mela ejja nikkunsidraw xi ftit mill-barkiet li tana Alla u li qegħdin ingawdu llum.
“L-Intimità maʼ Ġeħova”
Is-salmista kanta: “L-intimità maʼ Ġeħova hi taʼ dawk li jibżgħu minnu.” (Salm 25:14) Xi privileġġ għandhom il-bnedmin imperfetti li jkollhom relazzjoni persunali u mill-qrib maʼ Ġeħova! Madankollu, xi ngħidu jekk insiru tant inkwetati fuq l-affarijiet taʼ kuljum li nispiċċaw inqattgħu inqas ħin nitolbu? Aħseb ftit dwar x’jiġri mbagħad mir-relazzjoni tajba li jkollna maʼ Ġeħova. Bħala l-Ħabib tagħna, Ġeħova jistenna li aħna nafdaw fih u niftħu qalbna miegħu fit-talb billi nesprimu l-beżgħat, ix-xewqat, u l-ansjetajiet tagħna miegħu. (Prov. 3:5, 6; Flp. 4:6, 7) Mela m’għandniex aħna nikkunsidraw il-kwalità tat-talb tagħna?
Meta xhud żagħżugħ jismu Paul qagħad jaħseb dwar it-talb tiegħu, irrealizza li għandu bżonn jitjieb. a Hu qal, “Kont ħadt vizzju nirripeti l-istess espressjonijiet fit-talb tiegħi lil Ġeħova.” Meta Paul għamel riċerka fuq is-suġġett mill-Watch Tower Publications Index, hu tgħallem li hemm madwar 180 talba mniżżlin fil-Bibbja. F’dan it-talb, il-qaddejja tal-qedem taʼ Ġeħova esprimew is-sentimenti profondi tagħhom. Paul qal: “Permezz tal-meditazzjoni fuq eżempji Skritturali bħal dawn, tgħallimt inkun speċifiku fit-talb tiegħi. Dan għenni niftaħ qalbi maʼ Ġeħova. Issa hi l-għaxqa tiegħi li nersaq qrib tiegħu permezz tat-talb.”
“L-Ikel fiż-Żmien Xieraq”
Barka oħra li rċivejna mingħand Ġeħova hi l-għadd kbir taʼ veritajiet Skritturali li għandna. Hekk kif ingawdu l-abbundanza taʼ ikel spiritwali bnin, għandna kull raġun ‘ngħajtu bil-ferħ minħabba l-kundizzjoni tajba taʼ qalbna.’ (Is. 65:13, 14) Madankollu, irridu noqogħdu għassa biex ma nħallux influwenzi ħżiena jġegħluna nitilfu l-entużjażmu tagħna għall-verità. Pereżempju, jekk nagħtu kas propaganda apostata jistaʼ jiċċajprilna l-ħsieb tagħna u ma narawx il-valur tal-“ikel [spiritwali] fiż-żmien xieraq” li Ġeħova jipprovdi permezz tal-“l-ilsir leali u għaqli.”—Mt. 24:45-47.
André, li kien ilu jaqdi lil Ġeħova għal bosta snin, għadda minn esperjenza qarsa għax ġie żvijat minħabba l-apostasija. Hu ħass li mbilli jagħti titwila taʼ malajr f’Websajt apostata ma kienx se jkun taʼ periklu. Hu jiftakar u jgħid: “Għal bidu kont miġbud lejn l-hekk imsejħin veritajiet li l-apostati tkellmu dwarhom. Iktar ma eżaminajt dak li qalu, iktar ġegħluni naħseb li għandi raġun nitlaq l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Imma mbagħad, meta għamilt xi riċerka dwar x’jgħidu l-apostati kontra x-Xhieda taʼ Ġeħova, indunajt kemm kienu makakki l-għalliema foloz. L-‘evidenza konkreta’ tagħhom kontrina kienet informazzjoni meħuda barra mill-kuntest. Għalhekk, iddeċidejt li nerġaʼ nibda naqra l-pubblikazzjonijiet tagħna u nattendi l-laqgħat. Malajr irrealizzajt kemm kont tlift.” B’ferħ, André reġaʼ lura lejn il-kongregazzjoni.
“Il-Fratellanza Kollha”
Il-fratellanza tagħna magħquda u kollha mħabba hi barka minn Ġeħova. (Salm 133:1) L-appostlu Pietru kellu raġun jikteb: “Ħobbu l-fratellanza kollha.” (1 Pt. 2:17) Peress li nagħmlu parti mill-fratellanza Kristjana, aħna ngawdu l-imħabba taʼ missirijiet, ommijiet, u aħwa rġiel u nisa spiritwali li jappoġġawna.—Mk. 10:29, 30.
1 Ġw. 1:8) Għandna nistinkaw biex ‘nissaportu lil xulxin u naħfru lil xulxin mill-qalb.’—Kol. 3:13.
Madankollu, diversi ċirkustanzi kultant jistgħu jikkaġunaw tensjoni fir-relazzjoni tagħna maʼ ħutna. Pereżempju, huwa faċli li l-imperfezzjonijiet taʼ xi wħud jirritawna u nibdew nikkritikawhom. Jekk jiġri dan, ikun taʼ għajnuna li niftakru li Ġeħova jħobb lill-qaddejja tiegħu minkejja l-imperfezzjonijiet tagħhom. Iktar minn hekk, “Jekk ngħidu: ‘M’għandniex dnub,’ qed inqarrqu bina nfusna u l-verità m’hijiex fina.” (Żagħżugħa jisimha Ann kellha tgħaddi minn esperjenza xejn pjaċevoli biex titgħallem tapprezza l-valur tas-sħubija Kristjana. Minħabba li sa ċertu punt aġixxiet bħall-iben il-ħali tat-tixbiha li ta Ġesù, hi tbiegħdet mill-kongregazzjoni Kristjana. Wara ġiet f’sensiha u reġgħet lura fil-verità. (Lq. 15:11-24) Ann x’tgħallmet minn din l-esperjenza? Hi tgħid: “Issa li rġajt lura fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, ngħożż lil kull ħu u oħt minkejja l-imperfezzjonijiet tagħhom. Qabel kont inkun pronta nikkritikahom. Imma issa determinata li ma nħalli xejn iċaħħadni mill-barkiet li ngawdi fost sħabi fit-twemmin. Mhux taʼ min inħallu xi ħaġa li toffri d-dinja, tkun xi tkun, iġġegħelna nabbandunaw il-ġenna spiritwali li ngawdu.”
Kun Dejjem Grat għall-Barkiet li Għandek
It-tama li għandna fis-Saltna t’Alla bħala s-soluzzjoni għall-problemi kollha tal-umanità hi teżor imprezzabbli. Meta sirna nafu b’din it-tama qalbna mtliet bl-apprezzament. Ħassejna li konna eżatt bħall-merkant fil-parabbola taʼ Ġesù li “biegħ kulma kellu” biex jixtri “perla waħda taʼ valur kbir.” (Mt. 13:45, 46) Ġesù ma qalx li dan il-merkant ma baqax japprezzaha din il-perla. Bl-istess mod, ejja qatt ma nitilfu l-apprezzament tagħna għat-tama meraviljuża li għandna.—1 Tess. 5:8; Ebr. 6:19.
Ikkunsidra l-eżempju taʼ Jean, li ilha taqdi lil Ġeħova għal iktar minn 60 sena. Hi tgħid: “Dak li għenni nżomm is-Saltna t’Alla f’moħħi hu li nitkellem dwarha maʼ oħrajn. Meta nara għajnejhom jixegħlu minħabba li jkunu fehmu x’inhi s-Saltna, l-effett fuqi jkun wieħed pożittiv. Meta nara d-differenza li tagħmel il-verità tas-Saltna fil-ħajja taʼ student tal-Bibbja ngħid bejni u bejn ruħi, ‘Kemm għandi veritajiet sbieħ x’naqsam maʼ ħaddieħor!’”
Għandna tassew għalfejn inkunu grati għall-bosta barkiet spiritwali li ngawdu. Għalkemm forsi niffaċċjaw provi bħal pereżempju l-oppożizzjoni, il-mard, ix-xjuħija, id-dipressjoni, in-niket minħabba l-mewt taʼ xi ħadd għażiż, u t-tbatijiet ekonomiċi, aħna nafu li dawn huma temporanji. Taħt is-Saltna t’Alla, se jkollna wkoll barkiet fiżiċi flimkien mal-barkiet spiritwali. Kull tbatija li nissaportu issa se titneħħa fis-sistema l-ġdida.—Riv. 21:4.
Sadanittant, ejja nkunu grati għall-barkiet spiritwali li għandna u nuru apprezzament bħalma wera s-salmista li kanta: “Int għamilt ħafna affarijiet, iva, għemejjel taʼ l-għaġeb, O Ġeħova Alla tiegħi, u ħsibijietek huma dwarna; ħadd ma jistaʼ jitqabbel miegħek. Kieku kelli ngħid u nitkellem dwarhom, kienu jkunu ferm iżjed milli nistaʼ nsemmi.”—Salm 40:5.
[Nota taʼ taħt]
a L-ismijiet ġew mibdulin.
[Stampa f’paġna 18]
Aħna niġu mberkin bl-appoġġ spiritwali meta ngħaddu minn xi prova