Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Mistoqsijiet mill-Qarrejja
F’Ġenesi 6:3 naqraw: “L-ispirtu tiegħi mhux se jaġixxi bil-paċenzja mal-bniedem għal żmien indefinit għax hu laħam ukoll. Għaldaqstant, jiemu se jkunu mija u għoxrin sena.” Kien Ġeħova qed jillimita l-għomor tal-bniedem għal 120 sena, u Noè dam daqshekk jipprietka dwar id-Dilluvju li kien ġej?
It-tweġiba għaż-żewġ partijiet tal-mistoqsija hija le.
Qabel id-Dilluvju, ħafna bnedmin kienu jgħixu sekli sħaħ. Noè kellu 600 sena meta ġie d-Dilluvju, u għex sakemm kellu 950 sena. (Ġen. 7:6; 9:29) Xi wħud li twieldu wara d-Dilluvju wkoll għexu ħafna iktar minn 120 sena. Arfaksad miet taʼ 438 sena u Selaħ miet taʼ 433 sena. (Ġen. 11:10-15) Iżda, sa żmien Mosè, bniedem kien mistenni jgħix bejn 70 u 80 sena. (Salm 90:10) Għalhekk, Ġenesi 6:3 ma kienx qed jistabbilixxi 120 sena bħala l-għomor massimu jew normali taʼ bniedem.
Allura, huwa l-kliem tal-vers kumment minn Alla lil Noè biex javża lil oħrajn dwar il-qerda li kellha tiġi fi żmien 120 sena? Le. Alla kellem lil Noè diversi drabi. Għaxar versi ’l isfel fir-rakkont naqraw: “Alla qal lil Noè: ‘Wasal quddiemi t-tmiem tal-bnedmin kollha, għaliex minħabba fihom l-art imtliet bil-vjolenza.’” Fis-snin taʼ wara, Noè temm il-biċċa xogħol enormi tal-bini tal-arka, u f’dak il-punt “Ġeħova qal lil Noè: ‘Idħlu fl-arka, int u n-nies kollha taʼ darek.’” (Ġen. 6:13; 7:1) U hemm drabi oħrajn meta Ġeħova informa lil Noè dwar ċerti fatti.—Ġen. 8:15; 9:1, 8, 17.
Ġenesi 8:21.) Huwa importanti li wieħed jinnota li fir-rakkont storiku dwar il-ġrajjiet li seħħew ħafna qabel żmien Adam, insibu espressjonijiet bħal: “Alla ssokta jgħid.” (Ġen. 1:6, 9, 14, 20, 24) Ovvjament, Ġeħova ma kienx qed ikellem lil xi bniedem fuq l-art għax il-bniedem kien għadu ma ġiex maħluq.
Madankollu, dak li naqraw f’Ġenesi 6:3 huwa differenti; la jsemmi lil Noè u lanqas jgħid li Alla kien qed jindirizza lilu. Dan jistaʼ jiġi mifhum bħala sempliċi espressjoni tal-iskop jew id-determinazzjoni t’Alla. (QabbelGħalhekk, huwa loġiku li wieħed jikkonkludi li Ġenesi 6:3 jesprimi d-determinazzjoni t’Alla li jtemm is-sistema korrotta fuq l-art. Ġeħova ħareġ digriet ġudizzjarju biex jagħmel dan fi żmien 120 sena, avolja Noè kien għadu mhux konxju taʼ dan. Iżda għala tpoġġa limitu taʼ żmien? Għala din l-istennija?
L-appostlu Pietru jagħti xi raġunijiet: “Alla qagħad jistenna bil-paċenzja fi żmien Noè, waqt li kienet qed tinbena l-arka, li fiha ftit nies, jiġifieri, tmien erwieħ, inġarrew mill-ilma u ġew salvati.” (1 Pt. 3:20) Tabilħaqq, meta Alla ħa deċiżjoni rigward il-120 sena, kien għad fadal xi affarijiet x’jitwettqu. Madwar 20 sena wara, Noè u martu bdew ikollhom it-tfal. (Ġen. 5:32; 7:6) It-tliet ulied subien tagħhom kibru u żżewġu, u b’hekk saru familja taʼ “tmien erwieħ.” Imbagħad kellhom jibnu l-arka, li kienet biċċa xogħol li tieħu ż-żmien biex titlesta meta tqis kemm kienet kbira l-arka u kemm kienu ftit il-membri tal-familja taʼ Noè. Tabilħaqq, il-paċenzja li Alla wera għal 120 sena ppermettiet li jitwettqu dawn l-affarijiet u għamlet possibbli li tiġi preservata l-ħajja, u b’hekk ippermettiet li tmien bnedmin leali ‘jinġarru mill-ilma u jiġu salvati.’
Il-Bibbja ma tispeċifikax f’liema sena Ġeħova informa lil Noè li kien se jseħħ id-Dilluvju. Peress li wliedu subien kienu twieldu, kibru, u żżewġu, jistaʼ jkun li kien għad fadal xi 40 jew 50 sena biex jiġi d-Dilluvju. Imbagħad Ġeħova qal lil Noè: “Wasal quddiemi t-tmiem tal-bnedmin kollha.” Hu żied jgħid li Noè kellu jibni arka enormi u jidħol fiha hu u l-familja tiegħu. (Ġen. 6:13-18) Matul l-għaxriet taʼ snin li kien fadal, Noè ma pprovdiex biss eżempju taʼ ġustizzja permezz tal-ħajja li għex. Hu qeda bħala “predikatur tal-ġustizzja” li kellu messaġġ ċar taʼ twissija x’jiddikjara—id-determinazzjoni li kellu Alla li jġib qerda fuq dawk li f’dak iż-żmien ma kinux jgħixu skont il-livelli tiegħu. Noè ma kienx jaf minn ħafna qabel f’liema sena dan kellu jiġi, imma kien jaf li żgur kellu jiġi. U int taf li hekk ġara.—2 Pt. 2:5.