Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Aħsad Barkiet Permezz tas-Sultan t’Alla Gwidat mill-Ispirtu!

Aħsad Barkiet Permezz tas-Sultan t’Alla Gwidat mill-Ispirtu!

Aħsad Barkiet Permezz tas-​Sultan t’Alla Gwidat mill-​Ispirtu!

“Fuqu jrid jistrieħ l-​ispirtu taʼ Ġeħova.”—IS. 11:2.

1. Xi wħud liema tħassib esprimew dwar il-​problemi li hawn fid-​dinja?

 “F’DINJA li tinsab f’kaos politiku, soċjali, u ambjentali, kif tistaʼ r-​razza umana tibqaʼ teżisti għal 100 sena oħra?” Din kienet il-​mistoqsija li staqsa l-​astrofiżiku Stephen Hawking fl-​2006. Artiklu fil-​ġurnal New Statesman qal: “Aħna la neħħejna l-​faqar u lanqas ġibna l-​paċi dinjija. Għall-​kuntrarju, donnu r-​riżultat kien eżatt l-​oppost. Mhux għax ma pprovajniex. Sabiex tiġi evitata l-​gwerra pprovajna minn kollox, mill-​komuniżmu sas-​suq ħieles; mil-​Lega tan-​Nazzjonijiet sal-​ġbir taʼ ħażna nukleari. Iġġilidna wisq ‘gwerer ħalli ntemmu l-​gwerra’ sabiex nemmnu li nafu kif intemmu l-​gwerra.”

2. Ġeħova kif dalwaqt se jeżerċita s-​sovranità li hi tiegħu bi dritt fuq l-​art kollha?

2 Il-​qaddejja taʼ Ġeħova ma jiskantawx meta jisimgħu stqarrijiet bħal dawn. Il-​Bibbja tgħidilna li l-​bnedmin ma kinux maħluqin biex jiggvernaw lilhom infushom. (Ġer. 10:23) Ġeħova biss għandu d-​dritt li jkun is-​Sovran tagħna. Minħabba f’hekk, hu għandu d-​dritt li jistabbilixxi l-​livelli għalina, li jgħidilna liema skop għandu jkollha ħajjitna, u li jiggwidana lejn dan l-​iskop. Iktar minn hekk, hu dalwaqt se jaġixxi skont l-​awtorità li għandu ħalli jtemm l-​attentati li fallew tal-​bnedmin biex jiggvernaw lilhom infushom. Fl-​istess ħin, hu se jeqred lil dawk kollha li, minħabba li rrifjutaw is-​sovranità li hi tiegħu bi dritt, qed iżommu lill-​bnedmin imjassrin għad-​dnub, għall-​imperfezzjoni, u għall-​“alla taʼ din is-​sistema,” Satana x-​Xitan.—2 Kor. 4:4.

3. Isaija x’bassar dwar il-​Messija?

3 Fid-​dinja l-​ġdida li se tkun Ġenna, Ġeħova se jeżerċita s-​sovranità kollha mħabba tiegħu fuq l-​umanità permezz tas-​Saltna Messjanika. (Dan. 7:13, 14) Rigward is-​Sultan taʼ din is-​saltna, Isaija pprofetizza: “Trid toħroġ fergħa żgħira miz-​zokk taʼ Ġesse; u mill-​għeruq tiegħu rimja se tagħti l-​frott. U fuqu jrid jistrieħ l-​ispirtu taʼ Ġeħova, l-​ispirtu taʼ l-​għerf u taʼ l-​abbiltà li jifhem, l-​ispirtu taʼ l-​għoti taʼ pariri u tas-​setgħa, l-​ispirtu taʼ l-​għarfien u tal-​biżaʼ taʼ Ġeħova.” (Is. 11:1, 2) Alla b’liema modi speċifiċi uża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex jagħti l-​kwalifiki neċessarji lill-​“fergħa żgħira miz-​zokk taʼ Ġesse”—Ġesù Kristu—sabiex jaħkem fuq il-​bnedmin? Liema barkiet se ġġib il-​ħakma tiegħu? U xi rridu nagħmlu biex nirċievu dawn il-​barkiet?

Kwalifikat Minn Alla Biex Jaħkem

4-6. Liema għarfien vitali se jgħin lil Ġesù jaqdi bħala Sultan, Qassis il-​Kbir, u Mħallef għaqli u mimli mogħdrija?

4 Ġeħova jrid li s-​sudditi umani tiegħu jaslu għall-​perfezzjoni taħt il-​gwida taʼ wieħed li hu Sultan, Qassis il-​Kbir, u Mħallef verament għaqli u mimli mogħdrija. Huwa għalhekk li Alla għażel lil Ġesù Kristu u kkwalifikah għal dawn ir-​responsabbiltajiet tant importanti permezz tal-​ispirtu qaddis. Ikkunsidra xi raġunijiet għala Ġesù se jwettaq b’mod perfett l-​irwoli li tah Alla.

5 Ġesù hu l-​iktar wieħed li jaf lil Alla b’mod intimu. L-​Iben uniġenitu ilu jaf lill-​Missier iktar minn kulħadd, x’aktarx għal ħafna biljuni taʼ snin. Matul dan iż-​żmien, Ġesù tant kiseb għarfien profond dwar Ġeħova li setaʼ jiġi deskritt proprju bħala “xbieha t’Alla li ma jidhirx.” (Kol. 1:15) Ġesù nnifsu qal: “Min ra lili ra wkoll lill-​Missier.”—Ġw. 14:9.

6 Wara Ġeħova, Ġesù hu l-​iżjed wieħed li għandu għarfien profond dwar il-​ħolqien kollu, inkluż l-​umanità. Kolossin 1:16, 17 jgħid: “Permezz tiegħu [l-​Iben t’Alla] nħolqu l-​affarijiet l-​oħrajn kollha fis-​smewwiet u fuq l-​art, dawk viżibbli u dawk inviżibbli . . . Ukoll, hu kien qabel l-​affarijiet l-​oħrajn kollha u permezz tiegħu dawn kollha saru jeżistu.” Aħseb ftit dwar dan! Ġesù, bħala l-​“ħaddiem tas-​sengħa” t’Alla, ħa sehem fl-​aspetti l-​oħrajn kollha tal-​ħolqien. Għaldaqstant, hu jifhem kull dettall tal-​univers kollu kemm hu, inkluż il-​moħħ meraviljuż tal-​bniedem. Tabilħaqq, Kristu hu l-​għerf personifikat!—Prov. 8:12, 22, 30, 31.

7, 8. L-​ispirtu t’Alla kif għen lil Ġesù fil-​ministeru tiegħu?

7 Ġesù ġie midluk bl-​ispirtu qaddis t’Alla. Ġesù qal: “L-​ispirtu taʼ Ġeħova qiegħed fuqi, għax Hu dilikni biex inxandar aħbar tajba lill-​foqra, bagħatni nippriedka l-​ħelsien lill-​imjassrin u l-​għoti tad-​dawl lill-​għomja, biex neħles lill-​imgħakksin, biex nippriedka s-​sena aċċettabbli mingħand Ġeħova.” (Lq. 4:18, 19) Meta Ġesù tgħammed, milli jidher, l-​ispirtu qaddis għenu jsir konxju tal-​affarijiet li kien tgħallem matul l-​eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem, inkluż dak li Alla riedu jwettaq matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art bħala l-​Messija.—Aqra Isaija 42:1; Luqa 3:21, 22; Ġwanni 12:50.

8 Minħabba li ngħata l-​qawwa mill-​ispirtu qaddis u kellu ġisem u moħħ perfett, Ġesù ma kienx biss l-​aqwa bniedem li qatt għex fuq l-​art imma kien ukoll l-​aqwa Għalliem. Fil-​fatt, dawk li semgħuh “baqgħu mistagħġbin bil-​mod kif għallimhom.” (Mt. 7:28) L-​ewwel nett, Ġesù kien kapaċi jittratta l-​kaġun tal-​problemi tal-​umanità—id-​dnub, l-​imperfezzjoni, u n-​nuqqas taʼ għarfien dwar Alla. Hu setaʼ jara wkoll x’kien hemm f’qalb in-​nies, u b’hekk għaraf kif jimxi magħhom individwalment.—Mt. 9:4; Ġw. 1:47.

9. Il-​fiduċja tiegħek f’Ġesù bħala Ħakkiem kif tikber meta tirrifletti dwar dak kollu li esperjenza fuq l-​art?

9 Ġesù għex bħala bniedem. L-​esperjenza tiegħu stess bħala bniedem u s-​sħubija mill-​qrib maʼ nies imperfetti għenu ħafna lil Ġesù biex jikkwalifika bħala Sultan. L-​appostlu Pawlu kiteb: “[Ġesù] kellu jsir bħal ħutu f’kollox, biex isir qassis il-​kbir ħanin u leali fis-​servizz lil Alla, sabiex joffri sagrifiċċju propizjatorju għad-​dnubiet tan-​nies. Għax billi hu stess sofra meta kien provat, jistaʼ jidħol għal dawk li qed jiġu provati.” (Ebr. 2:17, 18) Peress li Ġesù ‘ġie provat,’ hu jistaʼ jissimpatizza maʼ dawk li jkunu għaddejjin minn xi prova. Il-​mogħdrija taʼ Ġesù dehret b’mod ċar matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art. Il-​morda, dawk li għandhom xi diżabilità, il-​maħqurin, u saħansitra t-​tfal ħassewhom komdi javviċinawh. (Mk. 5:22-​24, 38-​42; 10:14-​16) Anki l-​ġwejdin u dawk bil-​ġuħ spiritwalment ħassew li setgħu jmorru għandu. Mill-​banda l-​oħra, il-​kburin, in-​nies arroganti, u dawk li ‘ma kellhomx l-​imħabba t’Alla fihom’ ċaħduh, bagħduh, u opponewh.—Ġw. 5:40-​42; 11:47-​53.

10. Ġesù b’liema mod mill-​aqwa ta prova taʼ mħabbtu għalina?

10 Ġesù ta ħajtu għalina. Il-​fatt li Ġesù kien lest li jmut għalina x’aktarx hu l-​aqwa prova li ma jistaʼ jkun hemm ebda ħakkiem aqwa minnu. (Aqra Salm 40:6-​10.) Kristu qal: “Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din, li xi ħadd jagħti ruħu għal ħbiebu.” (Ġw. 15:13) Kuntrarju għall-​ħakkiema umani imperfetti, li spiss jgħixu fil-​lussu minn fuq dahar is-​sudditi tagħhom, Ġesù ta ħajtu stess għall-​umanità.—Mt. 20:28.

Mogħti l-​Qawwa Biex Japplika l-​Benefiċċji tal-​Fidwa

11. Għala jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa f’Ġesù bħala l-​Feddej tagħna?

11 Kemm hu xieraq li Ġesù bħala l-​Qassis il-​Kbir ikun il-​wieħed fuq quddiem nett biex japplika l-​benefiċċji tas-​sagrifiċċju tiegħu bħala fidwa! Fil-​fatt, matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, Ġesù wriena bil-​quddiem dak li se jagħmel bħala l-​Feddej tagħna matul ir-​Renju taʼ Elf Sena tiegħu, li aħna nistgħu ngawdu jekk nibqgħu nuru fedeltà. Hu fejjaq lill-​morda u lil dawk b’diżabilità, qajjem lill-​mejtin, temaʼ lill-​folol, u saħansitra kkontrolla l-​elementi tan-​natura. (Mt. 8:26; 14:14-​21; Lq. 7:14, 15) Iktar minn hekk, dawn l-​affarijiet m’għamilhomx biex joqgħod jiffanfra bl-​awtorità u l-​qawwa li għandu, imma biex juri l-​mogħdrija u l-​imħabba tiegħu. “Irrid,” hu qal lil wieħed marid bil-​ġdiem li talbu bil-​ħniena biex ifejqu. (Mk. 1:40, 41) Ġesù se juri l-​istess mogħdrija matul ir-​Renju Millennjali tiegħu—imma fuq skala globali.

12. Isaija 11:9 kif se jitwettaq?

12 Kristu u dawk li se jaħkmu miegħu se jkomplu l-​programm taʼ edukazzjoni spiritwali li beda Ġesù madwar 2,000 sena ilu. B’hekk se jitwettaq il-​kliem li nsibu f’Isaija 11:9: “L-​art se tkun mimlija bl-​għarfien taʼ Ġeħova bħalma l-​ilmijiet jiksu l-​baħar.” Bla dubju, din l-​edukazzjoni divina se tinkludi istruzzjoni dwar kif nieħdu ħsieb l-​art u l-​ħlejjaq bla għadd li hemm fuqha, bħalma kien inkarigat jagħmel oriġinalment Adam. Sa tmiem l-​1,000 sena, l-​iskop oriġinali t’Alla li nsibu f’Ġenesi 1:28 se jkun twettaq, u s-​sagrifiċċju tal-​fidwa jkun laħaq l-​għan tiegħu kompletament.

Mogħti l-​Qawwa Biex Jiġġudika

13. Ġesù kif wera li kien iħobb is-​sewwa?

13 Kristu hu l-​Wieħed li “nħatar minn Alla biex ikun imħallef tal-​ħajjin u tal-​mejtin.” (Atti 10:42) Għalhekk, kemm hu taʼ faraġ li tkun taf li Ġesù ma jaċċettax tixħim, u li s-​sewwa u l-​fedeltà huma bħal ċinturin marbut tajjeb madwar ġenbejh! (Is. 11:5) Hu wera li kien jobgħod ir-​regħba, l-​ipokrisija, u kull ħażen ieħor. Hu wera wkoll id-​diżapprovazzjoni tiegħu lejn dawk li kienu insensittivi għas-​sofferenzi t’oħrajn. (Mt. 23:1-​8, 25-​28; Mk. 3:5) Iktar minn hekk, Ġesù wera li ma kienx imqarraq mill-​apparenza taʼ barra, “għax hu stess kien jaf x’hemm fil-​bniedem.”—Ġw. 2:25.

14. Illum, Ġesù b’liema mod qed juri li jħobb is-​sewwa u l-​ġustizzja, u x’għandna nistaqsu lilna nfusna?

14 Ġesù jkompli juri li jħobb is-​sewwa u l-​ġustizzja billi jmexxi l-​akbar kampanja taʼ ppritkar u tagħlim li qatt saret fl-​istorja tad-​dinja. Ebda bniedem, ebda gvern uman, u ebda spirtu mill-​agħar ma jistaʼ jżomm lil dan ix-​xogħol milli jitwettaq kompletament kif irid Alla. B’hekk, jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa li meta tkun għaddiet Armageddon, tkun ittrijonfat il-​ġustizzja divina. (Aqra Isaija 11:4; Mattew 16:27.) Staqsi lilek innifsek: ‘Nirrifletti jien fil-​ministeru tiegħi l-​attitudni li kellu Ġesù lejn in-​nies? Qiegħed nagħtih l-​aqwa tiegħi lil Ġeħova, avolja saħħti jew iċ-​ċirkustanzi persunali tiegħi forsi jillimitaw dak li nistaʼ nagħmel?ʼ

15. Jekk inżommu liema ħaġa f’moħħna se niġu megħjunin nagħtuh l-​aħjar li nistgħu lil Alla?

15 Jekk inżommu f’moħħna li x-​xogħol tal-​ippritkar huwa x-​xogħol t’Alla, se niġu megħjunin naqduh b’ruħna kollha. Hu kkmanda biex isir dan ix-​xogħol; qed jidderiġih permezz taʼ Ibnu; u permezz tal-​ispirtu qaddis qed jagħti l-​qawwa lil dawk li jieħdu sehem fih. Tgħożżu int il-​privileġġ li għandek li taqdi bħala ħaddiem bi sħab m’Alla flimkien maʼ Ibnu li hu gwidat mill-​ispirtu? Min ħlief Ġeħova jistaʼ jqanqal lil iktar minn sebaʼ miljun ruħ, li l-​biċċa l-​kbira minnhom jitqiesu bħala nies “komuni u taʼ ftit skola,” biex jaqsmu l-​messaġġ tas-​Saltna man-​nies f’236 pajjiż?—Atti 4:13.

Ħa Jkollok il-​Barka Permezz taʼ Kristu!

16. Ġenesi 22:18 x’jimplika dwar il-​barka t’Alla?

16 Ġeħova qal lil Abraham: “Permezz taʼ nislek il-​ġnus kollha taʼ l-​art se jitbierku minħabba l-​fatt li int smajt minn kliemi.” (Ġen. 22:18) Dan jimplika li dawk l-​uħud li jqisuh bħala unur li jaqdu lil Alla u lil Ibnu jistgħu jħarsu ’l quddiem b’fiduċja lejn il-​barkiet li se jġib in-​Nisel Messjaniku. U llum dawn qed jaqdu bil-​ħeġġa hekk kif iżommu dawn il-​barkiet f’moħħhom.

17, 18. Dwar liema wegħda minn Ġeħova naqraw f’Dewteronomju 28:2, u din xi tfisser għalina?

17 Lin-​nisel naturali t’Abraham, il-​ġens taʼ Iżrael, darba Alla qallu: “Dawn il-​barkiet kollha [li huma mniżżlin fil-​patt tal-​Liġi] jiġu fuqek u jilħquk, għaliex int tibqaʼ tismaʼ minn leħen Ġeħova Alla tiegħek.” (Dt. 28:2) L-​istess jistaʼ jingħad għall-​qaddejja t’Alla llum. Jekk tixtieq ikollok il-​barka taʼ Ġeħova, ‘ibqaʼ ismaʼ’ minn leħnu. Imbagħad, il-​barkiet tiegħu se “jiġu fuqek u jilħquk.” Iżda x’hemm involut f’li wieħed ‘jismaʼ’?

18 Li tismaʼ ċertament jinkludi li tikkunsidra bis-​serjetà dak li tgħid il-​Kelma t’Alla u l-​ikel spiritwali li jipprovdi Alla. (Mt. 24:45) Ifisser ukoll li tobdi lil Alla u lil Ibnu. Ġesù qal: “Mhux kulmin jgħidli, ‘Mulej, Mulej,’ jidħol fis-​saltna tas-​smewwiet, imma min jagħmel ir-​rieda taʼ Missieri li hu fis-​smewwiet.” (Mt. 7:21) U li tismaʼ minn Alla jfisser li minn jeddek tissottometti ruħek lejn l-​arranġament li hu stabbilixxa, jiġifieri, il-​kongregazzjoni Kristjana bl-​anzjani maħturin, l-​“irġiel bħala għotjiet.”—Efes. 4:8.

19. Kif nistgħu niġu mberkin?

19 Fost dawn l-​“irġiel bħala għotjiet” hemm il-​membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna, li huma rappreżentanti tal-​kongregazzjoni Kristjana kollha kemm hi. (Atti 15:2, 6) Fil-​fatt, l-​attitudni tagħna lejn l-​aħwa spiritwali taʼ Kristu hija l-​iktar fattur importanti li se jiddetermina kif aħna niġu ġudikati matul it-​tribulazzjoni l-​kbira li ġejja. (Mt. 25:34-​40) B’hekk, mod wieħed kif nistgħu niġu mberkin hu billi nappoġġaw lealment lill-​midlukin t’Alla.

20. (a) Liema responsabbiltà importanti għandhom l-​“irġiel bħala għotjiet”? (b) Kif nistgħu nuru li napprezzaw lil dawn l-​aħwa?

20 L-​“irġiel bħala għotjiet” jinkludu wkoll lill-​membri tal-​Kumitati tal-​Fergħa, l-​indokraturi li jivvjaġġaw, u l-​anzjani tal-​kongregazzjoni—li lkoll kemm huma ġew maħturin mill-​ispirtu qaddis. (Atti 20:28) Ir-​responsabbiltà primarja taʼ dawn l-​aħwa rġiel hi li jibnu lin-​nies t’Alla “sakemm ilkoll naslu għall-​unità fil-​fidi u fl-​għarfien eżatt dwar l-​Iben t’Alla, għal-​livell taʼ raġel li kiber għalkollox, għall-​qjies taʼ statura li jiġi mill-​milja tal-​Kristu.” (Efes. 4:13) M’għandniex xi ngħidu, huma imperfetti bħalna lkoll. Xorta waħda, aħna nitbierku meta naġixxu b’apprezzament talli jindokrawna bi mħabba.—Ebr. 13:7, 17.

21. Għala huwa urġenti li nobdu lill-​Iben t’Alla?

21 Kristu dalwaqt se jieħu azzjoni kontra s-​sistema mill-​agħar taʼ Satana. Meta dan iseħħ, ħajjitna se tkun f’idejn Ġesù għax hu ngħata l-​awtorità minn Alla biex jiggwida lill-​“folla kbira” mbassra lejn l-​“għejun taʼ l-​ilmijiet tal-​ħajja.” (Riv. 7:9, 16, 17) Għalhekk, ejjew nagħmlu l-​almu tagħna issa biex nissottomettu ruħna minn jeddna u b’apprezzament lejn is-​Sultan taʼ Ġeħova, li hu gwidat mill-​ispirtu.

X’Tgħallimt Minn . . .

Isaija 11:1-​5?

Marku 1:40, 41?

Atti 10:42?

Ġenesi 22:18?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 17]

Il-​mogħdrija taʼ Ġesù kienet evidenti meta hu rxoxta lil bint Ġajru

[Stampi f’paġna 18]

Ġesù Kristu qed imexxi l-​akbar kampanja taʼ ppritkar li qatt saret fl-​istorja