Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’Tiftakar?

X’Tiftakar?

X’Tiftakar?

Ħadt gost taqra l-​ħarġiet reċenti tat-​Torri tal-​Għassa? Ara jekk tistax twieġeb il-​mistoqsijiet li ġejjin:

• Min iddetermina l-​kanoni tal-​kotba li jifformaw l-​Iskrittura Griega Kristjana?

Ma kienx xi kunsill tal-​knisja jew mexxej reliġjuż. Minflok, Kristjani veri, taħt il-​gwida tal-​ispirtu qaddis t’Alla, irrikonoxxew il-​kitbiet li tassew kienu ispirati. Dan hu fi qbil mal-​fatt li waħda mill-​għotjiet mirakolużi tal-​ispirtu, li ngħataw fis-​snin tal-​bidu tal-​kongregazzjoni Kristjana, kienet “dixxerniment taʼ kliem imnebbaħ.” (1 Kor. 12:4, 10)—4/1, paġna 28.

• Liema evidenza hemm minbarra l-​Bibbja li Ġesù kien persunaġġ storiku reali?

Għadd taʼ kittieba sekulari li kienu jgħixu kważi fl-​istess żmien taʼ Ġesù semmewh b’mod speċifiku. Fosthom kien hemm Kornelju Taċitu, li niżżel bil-​miktub l-​istorja taʼ Ruma taħt l-​imperaturi. L-​istorjografu Lhudi Ġużeppi Flavju wkoll kiteb rakkont li fih kien hemm referenza għal “Ġesù li kien jissejjaħ il-​Kristu.”—Jewish Antiquities, XX, 200 (ix, 1)—4/1, paġna 15.

• Ġesù għala ssejjaħ Kristu?

Il-​kelma “Kristu” tfisser “Midluk.” Dan it-​terminu kien użat b’mod xieraq għal Mosè, Aron, u s-​Sultan David ladarba kollha kienu midlukin. Madankollu, Ġesù, il-​Messija mbassar, kien ir-​rappreżentant ewlieni taʼ Ġeħova. Għalhekk, Ġesù b’mod xieraq irċieva t-​titlu “Kristu, Bin l-​Alla l-​ħaj.” (Mt. 16:16)—4/1, paġna 15.

• Alla għala ma kkastigax lil Aron talli għamel l-​għoġol tad-​deheb?

Aron kiser il-​liġi t’Alla dwar l-​idolatrija. (Eżo. 20:3-​5) Però, Mosè talab bil-​ħerqa għal Aron, u t-​talba bil-​ħerqa tiegħu kellha “qawwa kbira.” (Ġak. 5:16) Aron kellu reputazzjoni taʼ fedeltà. U għalkemm in-​nies ipperswadew lil Aron biex jagħmel l-​għoġol, iktar tard wera li qalbu ma kinitx magħhom, għax ngħaqad maʼ wlied Levi man-​naħa taʼ Ġeħova. (Eżo. 32:25-​29)—5/15, paġna 21.

• X’jistaʼ jgħin lil Kristjan ikampa jekk is-​sieħeb jew is-​sieħba fiż-​żwieġ tikkommetti adulterju?

Jekk il-​persuna innoċenti pprovat tgħix fi qbil mal-​prinċipji Bibliċi, m’għandhiex għax tħossha ħatja minħabba t-​tradiment tal-​adulteru. Alla jaf li għandek bżonn il-​faraġ u l-​inkuraġġiment. Jistaʼ jipprovdi faraġ permezz taʼ sħabna l-​Kristjani.—6/15, paġni 30-​31.

• X’nistgħu ngħidu biex inkunu sors taʼ inkuraġġiment għal Kristjani li huma dipressi?

Nistgħu nitkellmu dwar l-​affarijiet pożittivi li għandhom x’jaqsmu mas-​servizz tagħhom lil Ġeħova. Forsi għamlu bidliet kbar f’ħajjithom sabiex isiru Kristjani jew biex jaqdu fil-​ministeru full-​time. Aħna napprezzaw dawn l-​isforzi, u nistgħu nassigurawhom li Ġeħova japprezzahom ukoll. Jekk l-​età avanzata jew is-​saħħa batuta twaqqaf lil uħud leali milli jagħmlu dak kollu li kienu jagħmlu qabel, huma xorta waħda jistħoqqilhom ir-​rispett kollu tagħna għas-​snin taʼ servizz tagħhom. (1 Tess. 5:14)—6/15, paġna 13.

• Ġeħova hu perfett, allura kif jistaʼ jħoss dispjaċir?

Kultant, Alla jbiddel l-​attitudni tiegħu lejn in-​nies. Pereżempju, iktar minn darba, l-​Israelin tal-​qedem telqu lil Ġeħova u segwew allat oħrajn. Ġeħova mbagħad neħħa l-​protezzjoni tiegħu. Madankollu, meta n-​nies iddispjaċiehom mill-​iżball tagħhom u sejħu lil Alla għall-​għajnuna, hu biddel is-​sentimenti tiegħu lejhom, jew ‘iddispjaċieh.’ (Mħ. 2:18)—7/1, paġna 29.

• Kif tistaʼ tnaqqax f’uliedek l-​imħabba għall-​qari?

Ambjent mimli mħabba u l-​eżempju tal-​ġenituri jgħinu biex l-​imħabba għall-​qari titnaqqax fit-​tfal. Ukoll, agħmel il-​kotba disponibbli. Aqra b’leħen għoli. Ħeġġeġ il-​parteċipazzjoni, iddiskutu dak li taqraw. Qabbad lil uliedek jaqrawlek, u ħeġġiġhom biex jagħmlu mistoqsijiet.—7/15, paġna 26.