Kif Ġesù Jigglorifika l-Ġustizzja t’Alla
Kif Ġesù Jigglorifika l-Ġustizzja t’Alla
“Alla [ta lil Ġesù] bħala offerta propizjatorja permezz tal-fidi f’demmu. Dan kien sabiex juri l-ġustizzja tiegħu.”—RUM. 3:25.
1, 2. (a) Il-Bibbja x’tgħallimna dwar il-kundizzjoni tal-umanità? (b) F’dan l-artiklu liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?
IR-RAKKONT Bibliku dwar ir-ribelljoni fil-ġnien tal-Għeden hu magħruf sew. Ilkoll kemm aħna nħossu l-effetti tad-dnub t’Adam bħalma hu spjegat f’dan il-kliem: “Permezz taʼ bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għax kollha dinbu.” (Rum. 5:12) Nipprovaw kemm nipprovaw nagħmlu dak li hu sewwa, aħna niżbaljaw, u għalhekk għandna bżonn il-maħfra t’Alla. Anki l-appostlu Pawlu lmenta: “Ma nagħmilx it-tajjeb li nixtieq, imma nipprattika l-ħażin li ma nixtieqx. Bniedem miżerabbli li jien!”—Rum. 7:19, 24.
2 Ladarba lkoll kemm aħna nitwieldu midinbin, huwa raġunevoli li nistaqsu dawn il-mistoqsijiet importanti: Kif kien possibbli li Ġesù taʼ Nazaret jitwieled ħieles mid-dnub li jintiret, u għala tgħammed? Il-ħajja taʼ Ġesù kif igglorifikat il-ġustizzja taʼ Ġeħova? Fuq kollox, il-mewt taʼ Kristu x’wettqet?
Il-Ġustizzja t’Alla Sfidata
3. Satana kif qarraq b’Eva?
3 L-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, bi bluha ċaħdu s-sovranità t’Alla favur it-tmexxija tas-“serp oriġinali, dak li hu msejjaħ Xitan u Satana.” (Riv. 12:9) Ikkunsidra kif ġara dan. Satana sfida l-mod ġust kif Alla Ġeħova jaħkem. Hu għamel dan billi staqsa lil Eva: “Veru li Alla qalilkom li ma tistgħux tieklu minn kull siġra tal-ġnien?” Eva rripetiet il-kmand ċar t’Alla li ma kellhomx imissu siġra speċifika waħda, għax inkella jmutu. Imbagħad Satana akkuża lil Alla li kien qed jigdeb. “Żgur li ma tmutux,” qal ix-Xitan. Hu kompla jqarraq b’Eva billi ġegħelha temmen li Alla kien qed iċaħħadha minn xi ħaġa tajba u li jekk tiekol il-frotta kienet se ssir bħal Alla, billi jkollha indipendenza morali.—Ġen. 3:1-5.
4. L-umanità kif ġiet taħt is-sovranità rivali taʼ Satana?
4 Bażikament, Satana insinwa li l-umanità se tkun iktar ferħana jekk tkun indipendenti minn Alla. Minflok m’appoġġa l-ġustizzja t’Alla bħala sovran, Adam semaʼ minn martu u ngħaqad magħha f’li jiekol il-frotta projbita. B’hekk, Adam tilef il-waqfa perfetta tiegħu quddiem Ġeħova u ġabna taħt il-madmad kiefer tad-dnub u l-mewt. Fl-istess ħin, l-umanità ġiet taħt is-sovranità rivali taʼ Satana, “l-alla taʼ din id-dinja.”—2 Kor. 4:4, Għaqda Biblika Maltija; Rum. 7:14.
5. (a) Ġeħova kif wera li żamm kelmtu? (b) Alla liema tama ta lid-dixxendenti t’Adam u Eva?
5 Fi qbil mal-kelma infallibbli tiegħu, Ġeħova ta s-sentenza tal-mewt lil Adam u Eva. (Ġen. 3:16-19) Imma dan ma fissirx li l-iskop t’Alla kien falla. ’Il bogħod minn hekk! Meta kkundanna lil Adam u Eva, Ġeħova ta lid-dixxendenti futuri tagħhom raġuni meraviljuża għal tama. Hu għamel dan billi ħabbar l-iskop tiegħu li jqajjem ‘nisel’ li Satana kien se jisħaqlu għarqubu. Madankollu, dan in-Nisel imwiegħed kien se jirkupra mill-ġerħa fl-għarqub u kien se ‘jisħaq [lil Satana] f’rasu.’ (Ġen. 3:15) Il-Bibbja tagħti iktar dettalji dwar din it-tema billi tgħid dan li ġej rigward Ġesù Kristu: “Għalhekk intwera l-Iben t’Alla, jiġifieri, biex ikisser l-għemejjel tax-Xitan.” (1 Ġw. 3:8) Imma l-imġiba u l-mewt taʼ Ġesù kif igglorifikaw il-ġustizzja t’Alla?
It-Tifsira tal-Magħmudija taʼ Ġesù
6. Kif nafu li Ġesù ma wiritx id-dnub minn Adam?
6 Bħala raġel adult, Ġesù kien se jkun ekwivalenti b’mod eżatt għal Adam, li xi darba kien perfett. (Rum. 5:14; 1 Kor. 15:45) Dan ifisser li Ġesù kellu jitwieled perfett. Dan kif kien possibbli? L-anġlu Gabrijel ta din l-ispjegazzjoni ċara lil Marija omm Ġesù: “L-ispirtu qaddis jiġi fuqek, u l-qawwa mingħand l-Iktar Għoli tgħattik bid-dell tagħha. Għal din ir-raġuni wkoll dak li jitwieled jissejjaħ qaddis, Bin Alla.” (Lq. 1:35) Kmieni fil-ħajja taʼ Ġesù, milli jidher Marija qalet lil Ġesù ċerti fatti dwar it-twelid tiegħu. B’hekk, darba minnhom meta Marija u Ġużeppi, il-missier adottiv taʼ Ġesù, sabu lil Ġesù fit-tempju t’Alla, it-tfajjel staqsa: “Ma kontux tafu li għandi nkun f’dar Missieri?” (Lq. 2:49) Evidentement, minn età żgħira Ġesù kien jaf li kien Bin Alla. Għalhekk, kien importanti ħafna għalih li jigglorifika l-ġustizzja t’Alla.
7. Ġesù liema affarijiet prezzjużi kellu?
7 Ġesù wera l-interess kbir li kellu fl-affarijiet spiritwali billi kien jattendi regolarment il-laqgħat għall-qima. Bil-moħħ perfett tiegħu, hu żgur li tgħallem u fehem kull ħaġa li semaʼ u qara fl-Iskrittura Ebrajka. (Lq. 4:16) Hu kellu wkoll xi ħaġa oħra prezzjuża—ġisem uman perfett li setaʼ jiġi sagrifikat għan-nom tal-umanità. Meta tgħammed, Ġesù kien qed jitlob u għandu mnejn kien qed jaħseb fil-kliem profetiku taʼ Salm 40:6-8.—Lq. 3:21; aqra Ebrej 10:5-10. a
8. Ġwanni l-Għammied għala ma riedx iħalli lil Ġesù jitgħammed?
8 Ġwanni l-Għammied għall-ewwel ma riedx iħalli lil Ġesù jitgħammed. Għala? Għax Ġwanni kien qed jgħammed lil-Lhud b’simbolu tal-indiema tagħhom mid-dnub kontra l-Liġi. Bħala qarib tiegħu, Ġwanni żgur kien jaf li Ġesù kien raġel ġust, u għalhekk ma kellux bżonn jindem. Ġesù assigura lil Ġwanni li kien xieraq Għalih li jitgħammed. “B’dan il-mod,” spjega Ġesù, “hu xieraq biex nagħmlu kulma hu sewwa.”—Mt. 3:15.
9. Il-magħmudija taʼ Ġesù xi ssimbolizzat?
9 Bħala bniedem perfett, Ġesù setaʼ rraġuna li hu, bħal Adam, kellu l-potenzjal li jnissel razza perfetta. Madankollu, Ġesù qatt ma xtaq futur bħal dan għax ma kinitx ir-rieda taʼ Ġeħova għalih. Alla bagħat lil Ġesù fuq l-art biex iwettaq l-irwol tan-Nisel, jew Messija, imwiegħed. Dan kien jinkludi li Ġesù jissagrifika l-ħajja umana perfetta tiegħu. (Aqra Isaija 53:5, 6, 12.) Naturalment, il-magħmudija taʼ Ġesù ma kellhiex l-istess tifsira bħalma għandha tagħna. Ma kinitx tinvolvi dedikazzjoni lil Ġeħova, ladarba Ġesù kien diġà parti mill-ġens dedikat taʼ Israel. Minflok, il-magħmudija taʼ Ġesù ssimbolizzat il-preżentazzjoni tiegħu nnifsu biex jagħmel ir-rieda t’Alla bħalma hi spjegata fl-Iskrittura għall-Messija.
10. Ir-rieda t’Alla għall-Messija x’kienet tinkludi, u Ġesù kif ħassu dwar dan?
10 Ir-rieda taʼ Ġeħova għal Ġesù inkludiet li jipprietka l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla, jagħmel dixxipli, u jippreparahom għax-xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli fil-futur. Il-preżentazzjoni li Ġesù għamel tiegħu nnifsu inkludiet ukoll il-fatt li kien lest jissaporti persekuzzjoni u mewta krudila biex jappoġġa s-sovranità ġusta t’Alla Ġeħova. Minħabba li Ġesù verament kien iħobb lil Missieru tas-sema, hu tgħaxxaq jagħmel ir-rieda t’Alla u kien taʼ sodisfazzjon kbir għalih li jippreżenta lil ġismu bħala sagrifiċċju. (Ġw. 14:31) Kien ferħan ukoll għax kien jaf li l-valur tal-ħajja perfetta tiegħu setaʼ jiġi offrut lil Alla bħala fidwa biex jixtrina lura mill-jasar tad-dnub u l-mewt. Approva Alla l-preżentazzjoni li Ġesù għamel tiegħu nnifsu biex jerfaʼ dawn ir-responsabbiltajiet kbar? Iva, tabilħaqq!
11. Ġeħova kif wera li approva lil Ġesù bħala l-Messija mwiegħed, jew Kristu?
11 L-erbaʼ kittieba tal-Evanġelju kollha jixhdu għall-espressjoni ċara t’approvazzjoni t’Alla Ġeħova hekk kif Ġesù telaʼ mill-ilmijiet tax-Xmara Ġordan. “Jien rajt l-ispirtu nieżel bħal ħamiema mis-sema,” jixhed Ġwanni l-Għammied, “u jibqaʼ [fuq Ġesù] . . . U jien rajtu dan, u xhedt li dan hu l-Iben t’Alla.” (Ġw. 1:32-34) Iktar minn hekk, f’din l-okkażjoni Ġeħova ddikjara: “Dan hu Ibni, il-maħbub, li lilu jien approvajt.”—Mt. 3:17; Mk. 1:11; Lq. 3:22.
Leali sal-Mewt
12. Ġesù x’għamel fit-tliet snin u nofs wara l-magħmudija tiegħu?
12 Għat-tliet snin u nofs taʼ wara, Ġesù ntefaʼ b’ruħu u b’ġismu jgħallem lin-nies dwar Missieru u dwar is-sewwa tas-sovranità t’Alla. Peress li kien jivvjaġġa mal-Art Imwiegħda kollha bil-mixi kien iħossu għajjien, imma xejn ma setaʼ jwaqqfu milli jagħti xhieda bir-reqqa dwar il-verità. (Ġw. 4:6, 34; 18:37) Ġesù għallem lil oħrajn dwar is-Saltna t’Alla. Billi b’mod mirakoluż fejjaq lill-morda, temaʼ lill-folol bil-ġuħ, u saħansitra rxoxta lill-mejtin, hu wera x’se twettaq is-Saltna għall-umanità.—Mt. 11:4, 5.
13. Ġesù x’għallem rigward it-talb?
13 Minflok ma ħa personalment il-krettu għat-tagħlim u x-xogħlijiet taʼ fejqan tiegħu, Ġesù ħalla eżempju li jispikka billi b’umiltà dderieġa t-tifħir kollu lejn Ġeħova. (Ġw. 5:19; 11:41-44) Ġesù għamel magħruf ukoll l-iktar affarijiet importanti li dwarhom għandna nitolbu. Fit-talb tagħna għandna nitolbu biex l-isem t’Alla, Ġeħova, “jitqaddes” u biex is-sovranità ġusta t’Alla tieħu post il-ħakma mill-agħar taʼ Satana sabiex ‘ikun li jrid Hu, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.’ (Mt. 6:9, 10) Ġesù ħeġġiġna wkoll biex naġixxu fi qbil maʼ talb bħal dan billi ‘nibqgħu nfittxu l-ewwel is-saltna u s-sewwa’ t’Alla.—Mt. 6:33.
14. Għalkemm Ġesù kien perfett, għala kien jeħtieġ sforz min-naħa tiegħu biex iwettaq l-irwol li kellu fl-iskop t’Alla?
14 Hekk kif iż-żmien għall-mewta tiegħu bħala sagrifiċċju kien qed joqrob, Ġesù sar iktar konxju tar-responsabbiltà kbira li kien qed iġorr. L-iskop u r-reputazzjoni taʼ Missieru kienu jiddependu mill-fatt li Ġesù kellu jissaporti ġuri inġust u mewta krudila. Ħamest ijiem qabel mewtu, Ġesù talab: “Issa ruħi mnikkta, u x’naqbad ngħid? Missier, salvani minn din is-siegħa. Madankollu, għalhekk wasalt għal din is-siegħa.” Wara li esprima dawn is-sentimenti umani naturali, Ġesù mingħajr egoiżmu beda jiffoka fuq il-kwistjoni tal-akbar importanza u talab: “Missier, igglorifika lil ismek.” Ġeħova mill-ewwel wieġeb: “Jien igglorifikajtu u nerġaʼ nigglorifikah.” (Ġw. 12:27, 28) Iva, Ġesù kien lest li jgħaddi mill-akbar prova taʼ integrità li ebda bniedem qatt kellu jiffaċċja. Imma nistgħu nkunu ċerti li dan il-kliem li semaʼ mingħand Missieru tas-sema ta lil Ġesù fiduċja qawwija li kien se jkollu suċċess f’li jigglorifika u jivvendika s-sovranità taʼ Ġeħova. U tabilħaqq kellu suċċess!
Dak li Wettqet il-Mewt taʼ Ġesù
15. Eżatt qabel ma miet, Ġesù għala qal: “Twettaq”?
15 Hekk kif Ġesù kien qed jieħu l-aħħar nifs agonizzanti tiegħu waqt li kien imdendel fuq iz-zokk tat-tortura, hu qal: “Twettaq!” (Ġw. 19:30) Kemm irnexxielu jwettaq affarijiet kbar Ġesù bl-għajnuna t’Alla matul it-tliet snin u nofs mill-magħmudija tiegħu sa mewtu! Meta Ġesù miet, kien hemm terremot qawwi, u l-uffiċjal tal-armata Rumana li kien inkarigat mill-esekuzzjoni ġie mqanqal jgħid: “Żgur li dan kien Bin Alla.” (Mt. 27:54) L-uffiċjal milli jidher ra lil Ġesù jiġi mwaqqaʼ għaċ-ċajt minħabba li sostna li hu Bin Alla. Minkejja dak kollu li sofra, Ġesù żamm l-integrità tiegħu u wera li Satana hu giddieb mill-agħar. Rigward dawk kollha li jappoġġaw is-sovranità t’Alla, Satana għamel din l-isfida: “Il-bniedem jagħti kull ma jkollu għal ħajtu!” (Ġob 2:4, Għaqda Biblika Maltija) Bil-lealtà tiegħu, Ġesù wera li Adam u Eva setgħu baqgħu leali waqt il-prova tagħhom li kienet ħafna iktar faċli. Fuq kollox, il-ħajja u l-mewt taʼ Ġesù kkonfermaw u gglorifikaw is-sewwa tas-sovranità taʼ Ġeħova. (Aqra Proverbji 27:11.) Wettqet xi ħaġa oħra l-mewt taʼ Ġesù? Iva, tabilħaqq!
16, 17. (a) Ix-xhieda taʼ Ġeħova taʼ qabel il-Kristjanità għala setaʼ jkollhom waqfa ġusta miegħu? (b) Ġeħova kif ippremja l-lealtà taʼ Ibnu, u l-Mulej Ġesù Kristu xi jkompli jagħmel?
16 Ħafna qaddejja taʼ Ġeħova għexu qabel ma Ġesù ġie fuq l-art. Huma gawdew waqfa ġusta m’Alla u ngħataw tama taʼ rxoxt. (Is. 25:8; Dan. 12:13) Imma fuq liema bażi legali setaʼ l-Alla l-qaddis, Ġeħova, ibierek lill-bnedmin midinbin b’mod daqstant tal-għaġeb? Il-Bibbja tispjega: “Alla tah [lil Ġesù Kristu] bħala offerta propizjatorja permezz tal-fidi f’demmu. Dan kien sabiex juri l-ġustizzja tiegħu, għax kien qed jaħfer id-dnubiet li seħħew fil-passat waqt li Alla kien qed jeżerċita t-tolleranza; sabiex juri l-ġustizzja tiegħu f’dan iż-żmien stabbilit, biex ikun ġust anki meta jiddikjara ġust lill-bniedem li jkollu fidi f’Ġesù.”—Rum. 3:25, 26. b
17 Ġeħova ppremja lil Ġesù billi rxoxtah għal pożizzjoni superjuri għal dik li kellu qabel ma ġie fuq l-art. Issa Ġesù jgawdi l-immortalità bħala ħliqa spirtu glorjuża. (Ebr. 1:3) Bħala Qassis il-Kbir u Sultan, il-Mulej Ġesù Kristu jkompli jgħin lis-segwaċi tiegħu jigglorifikaw il-ġustizzja t’Alla. U kemm aħna grati li Missierna tas-sema, Ġeħova, jippremja lil dawk kollha li jagħmlu dan u jaqduh b’lealtà bħalma għamel Ibnu!—Aqra Salm 34:3; Ebrej 11:6.
18. L-artiklu li jmiss fuqiex se jiffoka?
18 Bnedmin leali sa minn żmien Abel gawdew relazzjoni mill-qrib maʼ Ġeħova għax eżerċitaw fidi u kellhom fiduċja fin-Nisel imwiegħed. Ġeħova kien jaf li Ibnu kien se jżomm l-integrità u li l-mewt tiegħu kienet se tipprovdi tpattija perfetta għad-“dnub tad-dinja.” (Ġw. 1:29) Il-mewt taʼ Ġesù hi taʼ benefiċċju wkoll għan-nies li qed jgħixu llum. (Rum. 3:26) Allura, liema barkiet tistaʼ tgawdi permezz tal-fidwa taʼ Kristu? Dan se jkun is-suġġett tal-artiklu li jmiss.
[Noti taʼ taħt]
a Hawnhekk l-appostlu Pawlu jikkwota minn Salm 40:6-8 skont it-traduzzjoni tas-Settanta Griega, li tinkludi l-kliem “ħejjejt ġisem għalija.” Din il-frażi ma tinstabx fil-manuskritti li huma disponibbli tal-Iskrittura Ebrajka tal-qedem.
b Ara “Mistoqsijiet mill-Qarrejja” f’paġni 6 u 7.
Int Kif Twieġeb?
• Il-ġustizzja t’Alla kif ġiet sfidata?
• Il-magħmudija taʼ Ġesù xi ssimbolizzat?
• Il-mewt taʼ Ġesù x’wettqet?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 9]
Taf x’kienet tissimbolizza l-magħmudija taʼ Ġesù?