Ħalli “l-Liġi tal-Qalb Tajba bl-Imħabba” Tħarislek Ilsienek
Ħalli “l-Liġi tal-Qalb Tajba bl-Imħabba” Tħarislek Ilsienek
“Fetħet fommha bl-għerf, u l-liġi tal-qalb tajba bl-imħabba tinsab fuq ilsienha.”—PROV. 31:26.
1, 2. (a) L-aduraturi taʼ Ġeħova huma inkuraġġiti biex jikkultivaw liema kwalità? (b) X’se jiġi diskuss f’dan l-artiklu?
IL-MESSAĠĠ qawwi li s-Sultan Lemwel taʼ żmien il-qedem irċieva mingħand ommu inkluda kwalifika importanti taʼ mara tajba. “Fetħet fommha bl-għerf,” ġie informat, “u l-liġi tal-qalb tajba bl-imħabba tinsab fuq ilsienha.” (Prov. 31:1, 10, 26) Il-qalb tajba bl-imħabba hi taʼ min jixtieqha fuq ilsien mara għarfa kif ukoll fuq dawk kollha li jridu jogħġbu lil Alla Ġeħova. (Aqra Proverbji 19:22.) Il-qalb tajba bl-imħabba għandha tkun evidenti fil-kliem tal-aduraturi veri kollha.
2 X’inhi l-qalb tajba bl-imħabba? Lil min għandna nuruha? X’se jgħinna npoġġu “l-liġi tal-qalb tajba bl-imħabba” fuq ilsienna? Il-fatt li nagħmlu dan kif se jeffettwa l-komunikazzjoni tagħna mal-membri tal-familja u maʼ sħabna l-Kristjani?
Meta l-Qalb Tajba Hi Motivata Minn Imħabba Leali
3, 4. (a) X’inhi l-qalb tajba bl-imħabba? (b) Il-qalb tajba bl-imħabba kif inhi differenti mill-qalb tajba ġenerali, jew il-qalb tajba umana?
3 Bħalma l-espressjoni nfisha tissuġġerixxi, il-qalb tajba bl-imħabba tinkludi l-karatteristiki tal-imħabba u l-qalb tajba. Din tinvolvi l-qalb tajba, jiġifieri, li tieħu interess persunali f’oħrajn u li turi dak l-interess b’għemejjel t’għajnuna u bi kliem meqjus. Ladarba l-imħabba wkoll hija fattur, li turi l-qalb tajba bl-imħabba jirrikjedi li turi interess fil-benesseri t’oħrajn sforz l-imħabba li għandek għalihom. Madankollu, il-kelma bil-lingwa oriġinali għall-qalb tajba bl-imħabba tfisser iktar minn qalb tajba li ġejja mill-imħabba. Il-qalb tajba bl-imħabba hi l-qalb tajba li minn jeddha u b’lealtà tintrabat maʼ xi ħadd sakemm l-iskop rigward dik il-persuna jintlaħaq.
4 Il-qalb tajba bl-imħabba hi differenti mill-qalb tajba saħansitra b’mod ieħor. Il-qalb tajba ġenerali, jew il-qalb tajba umana, tistaʼ tintwera anki lejn xi ħadd li ma tafux. L-appostlu Pawlu u 275 persuna oħra li kienu miegħu fin-nawfraġju ntwerew dan it-tip taʼ qalb tajba mill-abitanti tal-gżira taʼ Malta—nies li qatt ma kienu ltaqgħu magħhom. (Atti 27:37–28:2) Mill-banda l-oħra, il-qalb tajba bl-imħabba għandha x’taqsam mar-rabta leali bejn individwi li jkunu diġà żviluppaw relazzjoni bejniethom. a Din kienet dak li wrew il-Kenin “ma’ l-ulied kollha taʼ Israel meta kienu telgħin mill-Eġittu.”—1 Sam. 15:6.
Il-Meditazzjoni u t-Talb Huma Essenzjali
5. X’se jgħinna lliġġmu lsienna?
5 Jistaʼ jkun diffiċli li nuru l-qalb tajba bl-imħabba fi kliemna. Billi rrefera għall-ilsien, id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Ħadd mill-bnedmin ma jistaʼ jimmansah. Dan jagħmel ħafna ħsara, ma jitrażżanx, u mimli velenu li jġib il-mewt.” (Ġak. 3:8) X’jistaʼ jgħinna lliġġmu dan il-membru taʼ ġisimna li hu tant diffiċli biex nikkontrollawh? Il-kliem taʼ Ġesù lill-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu jgħinna nifhmu iktar. Hu qal: “Mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.” (Mt. 12:34) Sabiex il-qalb tajba bl-imħabba tħarsilna lsienna, irridu nnaqqxu din il-kwalità f’qalbna—il-persuna ġewwinija tagħna. Ejja naraw kif il-meditazzjoni u t-talb jgħinuna nagħmlu preċiż dan.
6. Għala għandna nimmeditaw b’apprezzament dwar l-għemejjel taʼ qalb tajba bl-imħabba taʼ Ġeħova?
6 Alla Ġeħova hu “għani fil-qalb tajba bl-imħabba,” tgħid il-Bibbja. (Eżo. 34:6) “Il-qalb tajba bl-imħabba tiegħek, O Ġeħova,” kanta s-salmista, “imliet l-art.” (Salm 119:64) L-Iskrittura fiha diversi rakkonti dwar kif Ġeħova wera l-qalb tajba bl-imħabba mal-aduraturi tiegħu. Il-fatt li nieħdu l-ħin biex nimmeditaw b’apprezzament dwar ‘l-għemejjel taʼ Ġeħova’ jistaʼ jnaqqax fina x-xewqa biex nikkultivaw din il-kwalità divina.—Aqra Salm 77:12.
7, 8. (a) Liema għemil taʼ qalb tajba bl-imħabba wettaq Ġeħova għal Lot u familtu? (b) David kif ħassu dwar il-fatt li ntwera l-qalb tajba bl-imħabba t’Alla?
7 Pereżempju, aħseb dwar kif Ġeħova ħeles lin-neputi t’Abraham, Lot, u lil familtu meta Hu qered lil Sodoma, il-belt fejn kienu jgħixu. Hekk kif dak iż-żmien qorob, l-anġli li kienu marru għand Lot ħeġġewh biex jieħu lil familtu u biex jitlaq mill-belt malajr. “Meta baqaʼ jitnikker,” tgħid il-Bibbja, “[l-anġli] qabduh minn idu, lilu, lil martu u liż-żewġt ibniet tiegħu, minħabba l-mogħdrija taʼ Ġeħova għalih, u ħarġuh u ħallewh barra l-belt.” Ma jmissilniex qalbna meta nirriflettu fuq dan l-att taʼ salvazzjoni, u ma nitqanqlux biex nirrikonoxxu li kienet espressjoni tal-qalb tajba bl-imħabba t’Alla?—Ġen. 19:16, 19.
8 Ikkunsidra wkoll l-eżempju tas-Sultan David t’Israel tal-qedem li kanta: “[Ġeħova] qed jaħfirlek l-iżbalji kollha, [hu] qed ifejqek mill-mard kollu tiegħek.” Min jaf kemm David apprezza l-fatt li ntwera l-maħfra għad-dnub tiegħu maʼ Bat-seba! Hu faħħar lil Ġeħova bil-kbir, billi qal: “Bħalma s-smewwiet huma ogħla mill-art, hekk hi superjuri l-qalb tajba bl-imħabba tiegħu maʼ dawk li jibżgħu minnu.” (Salm 103:3, 11) Il-meditazzjoni fuq dawn u rakkonti Skritturali oħrajn timlielna qalbna bi gratitudni għall-qalb tajba bl-imħabba taʼ Ġeħova, u b’hekk nitqanqlu biex infaħħruh u nirringrazzjawh. Iktar ma nkunu grati f’qalbna, iktar inkunu inklinati biex nimitaw l-Alla l-veru.—Efes. 5:1.
9. Liema raġuni qawwija hemm biex l-aduraturi taʼ Ġeħova juru l-qalb tajba bl-imħabba fil-ħajja tagħhom taʼ kuljum?
9 Eżempji Skritturali juru li Ġeħova juri l-qalb tajba bl-imħabba tiegħu—l-imħabba leali tiegħu—lejn dawk li diġà għandhom relazzjoni approvata miegħu. Xi ngħidu għal dawk li m’għandhomx rabta bħal din mal-Alla l-ħaj? Hu Ġeħova aħrax jew kattiv magħhom? Lanqas xejn. “[Alla] hu qalbu tajba maʼ l-ingrati u l-ħżiena,” jgħid Luqa 6:35. “Hu jtellaʼ x-xemx tiegħu fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin u jniżżel ix-xita fuq in-nies sewwa u fuq dawk li m’humiex.” (Mt. 5:45) Qabel ma tgħallimna l-verità u aġixxejna fuqha, aħna rċivejna l-qalb tajba, jew il-qalb tajba ġenerali, t’Alla. Madankollu, bħala l-aduraturi tiegħu, aħna bdejna nirċievu l-imħabba leali tiegħu—il-qalb tajba bl-imħabba tiegħu li ma titħarrikx. (Aqra Isaija 54:10.) Kemm nistgħu nkunu grati għal dan! U x’raġuni qawwija hi din biex nuru l-qalb tajba bl-imħabba fi kliemna kif ukoll f’aspetti oħrajn tal-ħajja tagħna taʼ kuljum!
10. It-talb għala hu għajnuna imprezzabbli biex il-qalb tajba bl-imħabba nagħmluha parti mill-personalità tagħna?
10 Għajnuna imprezzabbli biex nikkultivaw il-qalb tajba bl-imħabba hi l-privileġġ tat-talb. Dan hu għaliex l-imħabba u l-qalb tajba—elementi tal-qalb tajba bl-imħabba—huma aspetti tal-frott tal-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova. (Gal. 5:22) Nistgħu nnaqqxu l-qalb tajba bl-imħabba f’qalbna billi nħallu lilna nfusna niġu gwidati minn dan l-ispirtu. L-iktar mod dirett kif nirċievu l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova hu billi nitolbu għalih. (Lq. 11:13) Huwa xieraq li aħna nitolbu ripetutament għall-ispirtu t’Alla u naċċettaw il-gwida tiegħu. Iva, il-meditazzjoni u t-talb huma essenzjali jekk irridu l-liġi tal-qalb tajba bl-imħabba fuq ilsienna.
Fuq l-Ilsien tal-Imseħbin fiż-Żwieġ
11. (a) Kif nafu li Ġeħova jistenna li l-irġiel juru l-qalb tajba bl-imħabba lejn marthom? (b) Il-liġi tal-qalb tajba bl-imħabba b’liema mod tgħin lil raġel iħares lil ilsienu?
11 L-appostlu Pawlu jħeġġeġ lill-irġiel miżżewġin: “Komplu ħobbu lin-nisa tagħkom, bħalma l-Kristu wkoll ħabb lill-kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha.” (Efes. 5:25) Pawlu fakkarhom ukoll dwar dak li Ġeħova qal lil Adam u Eva. L-appostlu jikteb: “Raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed.” (Efes. 5:31) B’mod ċar, Ġeħova jistenna li l-irġiel jibqgħu magħqudin lealment maʼ marthom, billi dejjem juruhom qalb tajba bl-imħabba. Raġel li lsienu hu gwidat minn imħabba leali ma jikxifx in-nuqqasijiet taʼ martu fil-pubbliku jew jitkellem b’tali mod li jċekkinha. Hu ferħan li jfaħħarha. (Prov. 31:28) Jekk għal xi raġuni jew oħra jqumu l-problemi fir-relazzjoni, il-qalb tajba bl-imħabba tqanqal lir-raġel biex jevita li jumilja lil martu bil-mod kif jitkellem dwarha.
12. Il-kliem taʼ mara kif jistaʼ juri li l-liġi tal-qalb tajba bl-imħabba tiggwida lil ilsienha?
12 Il-liġi tal-qalb tajba bl-imħabba għandha wkoll tiggwida lsien il-mara. Kliemha m’għandux ikun influwenzat mill-ispirtu tad-dinja. Minħabba li għandha “rispett profond lejn żewġha,” titkellem tajjeb dwaru fil-pubbliku u żżid ir-rispett li oħrajn għandhom mnejn diġà jkollhom għalih. (Efes. 5:33) Minħabba li ma tkunx trid tnaqqas ir-rispett li t-tfal għandhom għal missierhom, hi żżomm lura milli ma taqbilx miegħu jew milli tiddubita l-opinjoni tiegħu quddiemhom. Hi tirranġa kwistjonijiet bħal dawn fil-privat. “Il-mara tassew għarfa bniet darha,” tgħid il-Bibbja. (Prov. 14:1) Darha hi post pjaċevoli u komdu għall-familja kollha kemm hi.
13. Il-liġi tal-qalb tajba bl-imħabba fejn għandha taħkem b’mod partikulari, u kif tistaʼ tagħmel dan?
13 Anki fil-privatezza taʼ darhom, l-imseħbin fiż-żwieġ għandhom ikomplu jużaw ilsienhom b’mod li juri li għandhom rispett lejn xulxin. “Qisu li twarrbuhom kollha,” kiteb Pawlu, “il-korla, ir-rabja, il-ħażen, it-tgħajjir, u l-kliem oxxen minn fommkom.” Hu żied: “Ilbsu sentimenti profondi taʼ mogħdrija, u qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u sabar fit-tul. . . . Ilbsu l-imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kol. 3:8, 12-14) Meta t-tfal ikunu mdorrijin jisimgħu kliem kollu mħabba u ħlewwa fid-dar, mhux biss se jiffjorixxu imma wkoll x’aktarx li iktar se jimitaw il-mod kif jitkellmu l-ġenituri tagħhom.
14. Il-kapijiet tal-familja b’liema mod jistgħu jużaw ilsienhom biex ifarrġu lil dawk fil-ħarsien tagħhom?
14 Is-salmista kiteb dwar Ġeħova: “Ħa tfarraġni l-qalb tajba bl-imħabba tiegħek, jekk jogħġbok.” (Salm 119:76) Mod li jispikka li bih Ġeħova jfarraġ lill-poplu tiegħu hu billi jagħtihom twissijiet u gwida. (Salm 119:105) Il-kapijiet tal-familja kif jistgħu jibbenefikaw mill-eżempju taʼ Missierna tas-sema u jużaw ilsienhom biex ifarrġu lil dawk fil-ħarsien tagħhom? Jistgħu jagħmlu dan billi jipprovdu d-direzzjoni u l-inkuraġġiment meħtiġin. X’opportunità mill-aħjar tagħti l-lejla tal-Qima tal-Familja biex niskopru teżori spiritwali!—Prov. 24:4.
Uri Mħabba Leali Lejn Sħabek fit-Twemmin
15. L-anzjani Kristjani u oħrajn maturi spiritwalment kif jistgħu jużaw ilsienhom biex iħarsu lil oħrajn fil-kongregazzjoni?
15 “Ħa jħarsuni l-ħin kollu l-qalb tajba bl-imħabba tiegħek u l-verità tiegħek,” talab is-Sultan David. (Salm 40:11) L-anzjani Kristjani u oħrajn maturi spiritwalment fil-kongregazzjoni kif jistgħu jimitaw lil Ġeħova f’dan ir-rigward? Jekk nużaw ilsienna biex nidderieġu l-attenzjoni lejn informazzjoni Skritturali ċertament ikun att taʼ qalb tajba bl-imħabba.—Prov. 17:17.
16, 17. Liema huma xi modi li bihom nistgħu nuru li kliemna hu gwidat mil-liġi tal-qalb tajba bl-imħabba?
16 X’għandna nagħmlu jekk naraw lil xi Kristjan sejjer lejn direzzjoni li tmur kontra l-prinċipji tal-Bibbja? Ma tqanqalniex il-qalb tajba bl-imħabba biex nużaw ilsienna ħalli nipprovaw nikkoreġuh? (Salm 141:5) Jekk insiru nafu b’xi dnub serju li kkommetta xi sieħeb fit-twemmin, l-imħabba leali tqanqalna biex ninkuraġġixxu lil dak li għamel il-ħażen biex “isejjaħ għandu lill-anzjani tal-kongregazzjoni” sabiex ikunu jistgħu “jitolbu għalih, jidilkuh biż-żejt f’isem Ġeħova.” (Ġak. 5:14) Jekk dak li jkun għamel il-ħażen ma jkellimx lill-anzjani, il-fatt li aħna ma nirrapportawx il-kwistjoni la hu taʼ mħabba u lanqas taʼ qalb tajba. Xi wħud fostna forsi jħossuhom skuraġġiti, waħedhom, mifnijin b’sentimenti taʼ li ma jiswew għalxejn, jew maħkumin minn diżappunti. Mod mill-aħjar kif nuru li l-liġi tal-qalb tajba bl-imħabba hi fuq ilsienna hu billi ‘nikkonslaw lid-dipressi.’—1 Tess. 5:14.
17 Kif għandna nirreaġixxu meta l-għedewwa t’Alla jaqilgħu xnigħat dwar sħabna fit-twemmin? Minflok ma niddubitaw l-integrità taʼ ħutna, għandna nwarrbu kliem bħal dan mingħajr ma ngħidu xejn jew jekk l-akkużatur hu raġunevoli nistgħu nistaqsuh jekk hux verament ċert li hemm bażi għar-rimarki tiegħu. Jekk xi għedewwa tal-poplu t’Alla jkunu jridu jkunu jafu fejn jinsabu ħutna l-Kristjani sabiex jagħmlulhom il-ħsara, l-imħabba leali għal ħutna tqanqalna biex ma nagħtuhomx l-informazzjoni.—Prov. 18:24.
Il-Bniedem tal-“Qalb Tajba bl-Imħabba Se Jsib il-Ħajja”
18, 19. Il-liġi tal-qalb tajba bl-imħabba għala m’għandhiex titbiegħed minn ilsienna meta nittrattaw mal-aduraturi sħabna?
18 L-imħabba leali għandha tidher kull meta nittrattaw maʼ sħabna l-aduraturi taʼ Ġeħova. Anki f’ċirkustanzi diffiċli, il-liġi tal-qalb tajba bl-imħabba m’għandhiex titbiegħed minn ilsienna. Meta l-qalb tajba bl-imħabba taʼ wlied Israel saret “bħan-nida li tgħib kmieni,” Ġeħova ma ħax pjaċir. (Ħos. 6:4, 6) Mill-banda l-oħra, Ġeħova jieħu gost jekk għandna d-drawwa li nuru l-qalb tajba bl-imħabba regolarment. Ikkunsidra kif ibierek lil dawk li jfittxu li juruha.
19 Proverbji 21:21 jgħid: “Min qed jiġri wara s-sewwa u l-qalb tajba bl-imħabba se jsib il-ħajja, is-sewwa u l-glorja.” Waħda mill-barkiet li individwu bħal dan se jesperjenza hi li se jsib il-ħajja—mhux eżistenza qasira imma ħajja mingħajr tmiem. Ġeħova jgħinu biex ‘jaqbad qabda soda mal-ħajja vera.’ (1 Tim. 6:12, 19) Għalhekk, ejja nagħmlu l-almu tagħna biex ‘nipprattikaw il-qalb tajba bl-imħabba maʼ xulxin.’—Żak. 7:9.
[Nota taʼ taħt]
a Għal diskussjoni iktar dettaljata dwar kif il-qalb tajba bl-imħabba hi differenti mil-lealtà, l-imħabba, u l-qalb tajba, ara l-ħarġa tat-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Mejju, 2002, paġni 12-13, 18-19.
Tistaʼ Tispjega?
• Kif tiddeskrivi l-qalb tajba bl-imħabba?
• X’se jgħinna jkollna l-liġi tal-qalb tajba bl-imħabba fuq ilsienna?
• L-imseħbin fiż-żwieġ kif jistgħu juru l-imħabba leali fi kliemhom?
• X’juri li l-liġi tal-qalb tajba bl-imħabba hi fuq ilsienna meta nittrattaw maʼ sħabna fit-twemmin?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 23]
David faħħar bil-kbir il-qalb tajba bl-imħabba taʼ Ġeħova
[Stampa f’paġna 24]
Għandek lejla tal-Qima tal-Familja regulari?