Ibqaʼ Ibni lill-Kongregazzjoni
Ibqaʼ Ibni lill-Kongregazzjoni
“Ibqgħu farrġu lil xulxin u ibnu lil xulxin.”—1 TESS. 5:11.
1. Liema barkiet ingawdu peress li ninsabu fil-kongregazzjoni Kristjana, imma liema sfidi għandna mnejn xorta niffaċċjaw?
IL-FATT li int membru tal-kongregazzjoni Kristjana tabilħaqq hu barka kbira. Int għandek relazzjoni tajba maʼ Ġeħova. Peress li tistrieħ fuq il-Kelma tiegħu bħala gwida, int protett mill-konsegwenzi ħżiena taʼ ħajja mhix Kristjana. Int imdawwar minn ħbieb ġenwini li jriduk tirnexxi. Iva, il-barkiet huma ħafna. Madankollu, il-biċċa l-kbira mill-Kristjani qed jissieltu ma’ xi problema jew oħra. Xi wħud minnhom forsi għandhom bżonn l-għajnuna biex jifhmu l-affarijiet iktar profondi tal-Kelma t’Alla. Oħrajn huma morda jew dipressi, jew forsi qed ibatu l-konsegwenzi taʼ deċiżjonijiet mhux għaqlin. U lkoll kemm aħna rridu ngħixu f’dinja mbiegħda minn Alla.
2. Kif għandna nwieġbu għat-tbatijiet taʼ ħutna, u għala?
2 Ħadd minna ma jħobb jara lil sħabu l-Kristjani jsofru jew jitħabtu. L-appostlu Pawlu xebbah il-kongregazzjoni maʼ ġisem u qal li “jekk membru wieħed isofri, il-membri l-oħra kollha jsofru miegħu.” (1 Kor. 12:12, 26) F’ċirkustanzi bħal dawn, aħna għandna nistinkaw biex nappoġġaw lil ħutna. Hemm għadd taʼ rakkonti Skritturali li fihom membri tal-kongregazzjoni għenu lil oħrajn jilqgħu u jegħlbu l-isfidi tagħhom. Hekk kif issa nikkunsidraw dawn ir-rakkonti, aħseb dwar kif tistaʼ toffri għajnuna b’modi simili għal dawk li se jiġu deskritti. Kif tistaʼ tgħin lil ħutek spiritwalment, u b’hekk tibni lill-kongregazzjoni taʼ Ġeħova?
“Ħaduh Magħhom”
3, 4. Akwila u Prixilla b’liema mod għenu lil Apollo?
3 Meta Apollo mar joqgħod Efesu, diġà kien evanġelizzatur żeluż. “Billi kien imħeġġeġ bl-ispirtu,” jgħid ir-rakkont tal-Atti, “beda jitkellem u jgħallem b’eżattezza dwar Ġesù, imma kien jaf biss bil-magħmudija taʼ Ġwanni.” Il-fatt li Apollo ma kienx jaf dwar il-magħmudija “fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-ispirtu qaddis” x’aktarx li kien ifisser li jew kien ngħata xhieda minn xi dixxipli taʼ Ġwanni l-Għammied jew minn xi segwaċi taʼ Ġesù qabel Pentekoste tas-sena 33 E.K. Għalkemm Apollo kien żeluż, kien hemm xi kwistjonijiet importanti li ma kienx jifhimhom. Is-sħubija maʼ sħabu fit-twemmin kif għenitu?—Atti 1:4, 5; 18:25; Mt. 28:19.
4 Il-koppja Kristjana Akwila u Prixilla semgħu lil Apollo jitkellem bil-qlubija fis-sinagoga, ħaduh magħhom, u komplew jgħallmuh. (Aqra Atti 18:24-26.) Dan kien att taʼ mħabba. Naturalment, Akwila u Prixilla żgur li avviċinaw lil Apollo b’manjiera tattikuża u taʼ għajnuna, billi ma ġegħluhx iħossu li kien qed jiġi kritikat. Kienet sempliċement kwistjoni taʼ li ma kienx jaf dwar l-istorja tal-kongregazzjoni Kristjana tal-bidu. U bla dubju Apollo kien grat lejn il-ħbieb ġodda tiegħu talli qasmu dawn id-dettalji importanti miegħu. Armat b’din l-informazzjoni, Apollo “kien t’għajnuna kbira” għal ħutu fl-Akaja u ta xhieda qawwija.—Atti 18:27, 28.
5. Eluf taʼ pubblikaturi tas-Saltna joffru liema għajnuna kollha mħabba, u b’liema riżultat?
5 Ħafna fil-kongregazzjoni Kristjana llum huma grati ħafna lejn dawk li għenuhom jifhmu l-Bibbja. Żviluppaw bosta ħbiberiji dejjiema bejn l-istudenti u l-għalliema tagħhom. Fil-biċċa l-kbira mill-każi, li ngħinu lin-nies jifhmu l-verità jirrikjedi li nagħmlu skeda biex ikollna konversazzjonijiet regulari magħhom fuq perijodu taʼ diversi xhur. Madankollu, il-pubblikaturi tas-Saltna huma lesti li jagħmlu dan is-sagrifiċċju għaliex jagħrfu li hija kwistjoni taʼ ħajja u mewt. (Ġw. 17:3) U kemm nieħdu pjaċir naraw lin-nies jifhmu l-verità, jgħixu fi qbil magħha, u jużaw ħajjithom biex jagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova!
“Kienu Jitkellmu Tajjeb Dwaru”
6, 7. (a) Pawlu għala għażel lil Timotju biex jivvjaġġa miegħu? (b) Timotju liema progress ġie megħjun jagħmel?
6 Meta l-appostli Pawlu u Sila żaru Listra matul it-tieni vjaġġ missjunarju, hemmhekk sabu żagħżugħ jismu Timotju, li kellu madwar 20 sena. “L-aħwa f’Listra u Ikonju kienu jitkellmu tajjeb dwaru.” Omm Timotju, Ewniċe, u nanntu Lojs kienu Kristjani dedikati, imma missieru ma kienx tal-istess twemmin. (2 Tim. 1:5) Pawlu għandu mnejn sar jaf lil din il-familja fl-ewwel żjara tiegħu f’dak il-post ftit tas-snin qabel. Imma l-appostlu issa wera interess partikulari f’Timotju għaliex donnu kien żagħżugħ eċċezzjonali. Għalhekk, bl-approvazzjoni tal-ġemgħa tal-anzjani lokali, Timotju sar assistent taʼ Pawlu fix-xogħol missjunarju.—Aqra Atti 16:1-3.
7 Timotju kellu ħafna x’jitgħallem minn sieħbu akbar fiż-żmien. U hekk għamel, tant li, maż-żmien, Pawlu b’fiduċja setaʼ jibgħat lil Timotju biex iżur il-kongregazzjonijiet u jagħmilha tar-rappreżentant tiegħu. F’madwar il-15-il sena li Timotju gawda s-sħubija taʼ Pawlu, iż-żagħżugħ li ma tantx kellu esperjenza u li forsi kien mistħi tant għamel progress li sar indokratur eċċellenti.—Flp. 2:19-22; 1 Tim. 1:3.
8, 9. Il-membri tal-kongregazzjoni x’jistgħu jagħmlu biex jinkuraġġixxu liż-żgħażagħ? Agħti eżempju.
8 Ħafna ġuvintur u tfajliet fil-kongregazzjoni Kristjana llum għandhom potenzjal kbir. Jekk ħbieb li jħallu eżempju tajjeb fis-servizz tagħhom lil Ġeħova jinkuraġġuhom u jieħdu ħsiebhom, dawn iż-żgħażagħ jistgħu jirsistu għal responsabbiltajiet akbar fost il-poplu taʼ Ġeħova u jaċċettawhom. Ħares fil-kongregazzjoni tiegħek! Tara hemmhekk xi żgħażagħ li jistgħu jagħmlu lilhom infushom disponibbli, bħalma għamel Timotju? Bl-għajnuna u l-inkuraġġiment tiegħek, jistgħu jsiru pijunieri, Beteliti, missjunarji, jew indokraturi li jivvjaġġaw. X’tistaʼ tagħmel biex tgħinhom jirsistu għal miri bħal dawn?
9 Martin, li ilu membru tal-familja Betel għal 20 sena, bi gratitudni jiftakar l-interess li wera fih indokratur tas-circuit 30 sena ilu meta t-tnejn kienu fis-servizz tal-għalqa flimkien. L-indokratur tkellem b’entużjażmu dwar is-servizz tiegħu stess f’Betel meta kien għadu żagħżugħ. Hu inkuraġġixxa lil Martin biex jikkunsidra l-possibbiltà li jagħmel lilu nnifsu disponibbli għall-organizzazzjoni taʼ Ġeħova bl-istess mod. Martin iħoss li din il-konversazzjoni memorabbli effettwat bil-kbir l-għażliet li għamel iktar tard. Min jaf x’ġid tistaʼ tagħmel int għall-ħbieb żgħażagħ billi titkellem magħhom dwar miri teokratiċi?
“Ikkonslaw lid-Dipressi”
10. Epafroditu kif ħassu, u għala?
10 Epafroditu għamel vjaġġ twil u strapazzuż minn Filippi sa Ruma biex iżur lill-appostlu Pawlu, li kien il-ħabs minħabba l-fidi tiegħu. Dan il-vjaġġatur qeda bħala messaġġier għall-Filippin. Hu mhux biss ġar l-għotja tagħhom għall-appostlu, imma wkoll ippjana li jibqaʼ miegħu biex jagħmel dak li setaʼ biex jgħin lil Pawlu fis-sitwazzjoni diffiċli tiegħu. Madankollu, waqt li kien Ruma, Epafroditu marad sal-punt li “kien se jmut.” Minħabba li ħass li kien falla fl-inkarigu tiegħu, Epafroditu sar dipress.—Flp. 2:25-27.
11. (a) Għala m’għandniex nissorprendu ruħna jekk xi wħud fil-kongregazzjoni huma dipressi? (b) Pawlu xi rrikkmanda fil-każ taʼ Epafroditu?
11 Illum, diversi pressjonijiet iġiegħlu lin-nies ibatu bid-dipressjoni. Statistiki mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa jgħidu li saħansitra 1 minn kull 5 tal-popolazzjoni jistgħu jbatu bid-dipressjoni f’xi perijodu matul ħajjithom. In-nies taʼ Ġeħova wkoll jesperjenzaw id-dipressjoni. Problemi biex wieħed jipprovdi għal familtu, is-saħħa batuta, l-iskuraġġiment minħabba n-nuqqasijiet taʼ dak li jkun, jew fatturi oħrajn jistgħu jikkontribwixxu għal swied il-qalb. Il-Filippin x’setgħu jagħmlu biex jgħinu lil Epafroditu? Pawlu kiteb: “Agħtuh merħba kif jixraq fil-Mulej bil-ferħ kollu; u nies bħalu ibqgħu għożżuhom, għax minħabba x-xogħol tal-Mulej hu kien għoddu miet, billi poġġa ruħu fil-periklu, sabiex ipatti bis-sħiħ għalikom għax m’intomx hawn biex taqduni.”—Flp. 2:29, 30.
12. X’jistaʼ jkun sors taʼ faraġ għad-dipressi?
12 Aħna wkoll għandna ninkuraġġixxu lill-aħwa li huma skuraġġiti jew dipressi. Bla dubju hemm affarijiet pożittivi x’nistgħu ngħidu dwar is-servizz tagħhom lil Ġeħova. Forsi għamlu bidliet kbar f’ħajjithom sabiex isiru Kristjani jew biex jaqdu fil-ministeru full-time. Aħna napprezzaw dawn l-isforzi u nistgħu nassigurawhom li Ġeħova japprezzahom ukoll. Jekk l-età avanzata jew is-saħħa batuta twaqqaf lil uħud leali milli jagħmlu dak kollu li kienu jagħmlu qabel, huma xorta waħda jistħoqqilhom ir-rispett kollu tagħna għas-snin taʼ servizz tagħhom. Ikun xi jkun il-każ, il-parir taʼ Ġeħova lil-leali tiegħu kollha hu: “Ikkonslaw lid-dipressi, wieżnu lid-dgħajfin, uru sabar fit-tul lejn kulħadd.”—1 Tess. 5:14.
‘Aħfrulu b’Qalb Tajba u Farrġuh’
13, 14. (a) Liema azzjoni serja ħadet il-kongregazzjoni taʼ Korintu, u għala? (b) Il-qtugħ mis-sħubija liema effett kellu?
13 Il-kongregazzjoni taʼ Korintu tal-ewwel seklu ffaċċjat is-sitwazzjoni taʼ raġel li pprattika l-fornikazzjoni bla ma nidem. Il-kondotta tiegħu heddet is-safa tal-kongregazzjoni u kienet skandlu anki fost dawk li ma kinux tal-istess twemmin. Għalhekk, Pawlu b’mod xieraq qalilhom biex ineħħu lir-raġel mill-kongregazzjoni.—1 Kor. 5:1, 7, 11-13.
14 Din id-dixxiplina kellha effett tajjeb. Il-kongregazzjoni ġiet protetta minn influwenza korrotta, u l-midneb ġie f’sensih u nidem b’mod sinċier. Fuq il-bażi tal-għemejjel tar-raġel li kienu jixirqu lill-indiema, fit-tieni ittra tiegħu lil din il-kongregazzjoni, Pawlu indika li r-raġel kellu jiġi aċċettat lura. Madankollu, dan ma kienx biżżejjed. Pawlu qal ukoll lill-kongregazzjoni biex ‘taħfirlu b’qalb tajba u tfarraġ [lill-midneb niedem], li ma jmurx dan jinbelaʼ għax ikun sewwed qalbu żżejjed.’—Aqra t-2 Korintin 2:5-8.
15. Kif għandna nqisu lil midinbin nedmin li jiġu aċċettati lura fil-kongregazzjoni?
15 X’nitgħallmu minn dan ir-rakkont? Aħna nitnikktu meta individwi jkollhom jiġu maqtugħin mis-sħubija. Forsi jkunu ġabu diżunur fuq l-isem t’Alla u isem ħażin fuq il-kongregazzjoni. Forsi saħansitra jkunu dinbu kontrina personalment. Però, meta l-anzjani maħturin biex jeżaminaw il-każ jiddeterminaw, fi qbil mad-direzzjoni taʼ Ġeħova, li midneb niedem għandu jitħalla jerġaʼ jingħaqad mal-kongregazzjoni, dan jindika li Ġeħova ħafirlu. (Mt. 18:17-20) M’għandniex aħna nfittxu li nimitaw Lilu? Tabilħaqq, jekk inkunu ħorox u ma naħfrux inkunu fil-fatt qed nopponu lil Ġeħova. Sabiex nikkontribwixxu għall-paċi u l-unità tal-kongregazzjoni t’Alla u biex ikollna l-approvazzjoni taʼ Ġeħova, m’għandniex, minflok, ‘nerġgħu nuru mħabbitna’ għal midinbin li tassew jindmu u jiġu aċċettati lura?—Mt. 6:14, 15; Lq. 15:7.
“Hu Utli Għalija”
16. Pawlu għala kien diżappuntat b’Marku?
16 Rakkont Skritturali ieħor juri li m’għandniex inżommu sentimenti negattivi f’qalbna kontra dawk li jkunu ddiżappuntawna. Pereżempju, Ġwanni Marku ddiżappunta bil-kbir lill-appostlu Pawlu. Kif? Meta Pawlu u Barnaba bdew l-ewwel vjaġġ missjunarju tagħhom, Marku mar magħhom biex jagħtihom daqqa t’id. Imma f’ċertu punt waqt il-vjaġġ tagħhom u għal raġuni mhux imsemmija, Ġwanni Marku telaq lil sħabu u mar lura d-dar. Pawlu tant kien diżappuntat b’din id-deċiżjoni li meta kien qed jippjana t-tieni vjaġġ, kellu nuqqas taʼ qbil maʼ Barnaba dwar jekk Marku kellux jerġaʼ jmur magħhom. Minħabba dak li kien ġara fl-ewwel vjaġġ, Pawlu ma riedx li Marku jivvjaġġa magħhom.—Aqra Atti 13:1-5, 13; 15:37, 38.
17, 18. Kif nafu li l-problema bejn Pawlu u Marku ttranġat, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?
17 Milli jidher, Marku ma ħalliex lilu nnifsu jiġi skuraġġit iżżejjed minħabba li Pawlu ma ridux imur magħhom, għax kompla x-xogħol missjunarju tiegħu f’territorju differenti flimkien maʼ Barnaba. (Atti 15:39) Il-fatt li ta prova li hu leali u taʼ min jafdah jidher minn dak li kiteb Pawlu dwaru ftit tas-snin wara. Pawlu, li issa kien ħabsi f’Ruma, sejjaħ lil Timotju permezz taʼ ittra. Fl-istess ittra, Pawlu qal: “Ħu lil Marku u ġibu miegħek, għax hu utli għalija biex jaqdini.” (2 Tim. 4:11) Iva, Pawlu issa kien jemmen li Marku kien għamel progress kbir.
18 Nistgħu nitgħallmu lezzjoni minn dan. Marku żviluppa l-kwalitajiet taʼ missjunarju tajjeb. Ma tfixkilx minħabba li għall-ewwel Pawlu ċaħdu. Kemm hu u kemm Pawlu kienu rġiel spiritwali, u ma baqgħux iżommu f’qalbhom kontra xulxin. Għall-kuntrarju, Pawlu iktar tard irrikonoxxa lil Marku bħala assistent taʼ valur. Għalhekk, meta l-aħwa jegħlbu d-diffikultajiet u l-problemi jgħaddu, l-aħjar ħaġa li jagħmlu hi li javanzaw u jgħinu lil oħrajn jagħmlu progress spiritwali. Meta nkunu pożittivi nibnu lill-kongregazzjoni.
Il-Kongregazzjoni u Int
19. Il-membri kollha tal-kongregazzjoni Kristjana liema għajnuna jistgħu joffru lil xulxin?
19 F’dawn iż-“żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom,” int għandek bżonn l-għajnuna taʼ ħutek fil-kongregazzjoni, u huma għandhom bżonn l-għajnuna tiegħek. (2 Tim. 3:1) Kristjani individwali forsi mhux dejjem ikunu jafu liema azzjoni għandhom jieħdu sabiex jittrattaw is-sitwazzjonijiet li qed jiffaċċjaw b’suċċess, imma Ġeħova jaf. U jistaʼ juża membri differenti tal-kongregazzjoni—inkluż lilek—biex jgħinu lil oħrajn jagħżlu t-triq it-tajba. (Is. 30:20, 21; 32:1, 2) Għalhekk mela, ejja nniżżlu f’qalbna l-parir tal-appostlu Pawlu! “Ibqgħu farrġu lil xulxin u ibnu lil xulxin, bħalma fil-fatt qed tagħmlu.”—1 Tess. 5:11.
Int Kif Twieġeb?
• Għala hemm bżonn li nibnu lil oħrajn fil-kongregazzjoni Kristjana?
• Liema diffikultajiet tistaʼ tgħin lil oħrajn jegħlbu?
• Għala għandna bżonn l-għajnuna taʼ oħrajn fil-kongregazzjoni tagħna?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 11]
Meta Kristjan seħibna jkun qed jissielet maʼ sitwazzjoni diffiċli, aħna nistgħu nipprovdu appoġġ
[Stampa f’paġna 12]
Ħafna ġuvintur u tfajliet fil-kongregazzjoni Kristjana llum għandhom potenzjal kbir