“In-Nies Sewwa Jiddu bħax-Xemx”
“In-Nies Sewwa Jiddu bħax-Xemx”
“F’dak iż-żmien in-nies sewwa jiddu bħax-xemx fis-saltna taʼ Missierhom.”—MT. 13:43.
1. Ġesù uża t-tixbihat biex jispjega liema aspetti differenti tas-Saltna?
ĠESÙ KRISTU uża ħafna tixbihat, jew parabboli, biex jispjega aspetti differenti tas-Saltna. Hu kellem “lill-folol bit-tixbihat. Tabilħaqq, ma kienx ikellimhom mingħajr xi tixbiha.” (Mt. 13:34) F’xi tixbihat dwar iż-żrigħ taż-żerriegħa tal-verità tas-Saltna, Ġesù enfasizza l-irwol tal-kundizzjoni tal-qalb taʼ individwu biex jaċċetta l-messaġġ, kif ukoll l-irwol li għandu Ġeħova biex ikun hemm tkabbir spiritwali. (Mk. 4:3-9, 26-29) Ġesù ta tixbiha wkoll dwar it-tkabbir li ma bħalu tal-interessi tas-Saltna hawn fuq l-art anki jekk dan it-tkabbir mhux dejjem ikun jidher mill-ewwel. (Mt. 13:31-33) Barra minn dan, hu enfasizza li mhux kull min iwieġeb għall-messaġġ tas-Saltna huwa neċessarjament sudditu xieraq taʼ din is-Saltna.—Mt. 13:47-50. a
2. Fit-tixbiha taʼ Ġesù dwar il-qamħ u s-sikrana, iż-żerriegħa t-tajba x’tirrappreżenta?
2 Madankollu, waħda mit-tixbihat taʼ Ġesù tiffoka fuq il-ġbir taʼ dawk li se jaħkmu maʼ Ġesù fis-Saltna tiegħu. Din spiss tissejjaħ it-tixbiha tal-qamħ u s-sikrana u hija mniżżla f’Mattew kapitlu 13. Filwaqt li f’tixbiha oħra Ġesù jgħidilna li ż-żerriegħa li tinżeraʼ hija “l-kelma tas-saltna,” f’din it-tixbiha jgħidilna li ż-żerriegħa t-tajba tirrappreżenta xi ħaġa differenti—“ulied is-saltna.” (Mt. 13:19, 38) Dawn mhumiex sudditi tas-Saltna imma, minflok, “ulied,” jew werrieta, tas-Saltna.—Rum. 8:14-17; aqra Galatin 4:6, 7.
It-Tixbiha tal-Qamħ u s-Sikrana
3. Spjega l-problema li jiffaċċja r-raġel fit-tixbiha u kif jiddeċiedi li jittratta din il-problema.
3 Din hi t-tixbiha: “Is-saltna tas-smewwiet tixbah lil raġel li żeraʼ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Waqt li n-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu u żeraʼ s-sikrana qalb il-qamħ, u telaq. Meta l-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, imbagħad tfaċċat ukoll is-sikrana. Għalhekk, l-ilsiera tas-sid ġew u qalulu, ‘Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Allura kif fiha s-sikrana?’ Qalilhom, ‘Xi ħadd għadu tiegħi għamel dan.’ Qalulu, ‘Tridna mmorru niġbruha?’ Hu qal, ‘Le; li ma tmorrux, waqt li qegħdin tiġbru s-sikrana, taqilgħu l-qamħ ukoll. Ħalluhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; u fi żmien il-ħsad ngħid lill-ħassada, Iġbru l-ewwel is-sikrana u orbtuha f’qatet biex taħarquha, imbagħad morru iġbru l-qamħ fil-maħżen tiegħi.’”—Mt. 13:24-30.
4. (a) Min hu r-raġel fit-tixbiha? (b) Ġesù meta u kif beda jieħu sehem fiż-żrigħ taʼ din iż-żerriegħa?
4 Min hu r-raġel li żeraʼ ż-żerriegħa t-tajba fl-għalqa tiegħu? Ġesù jagħti t-tweġiba iktar tard meta jispjega lid-dixxipli tiegħu: “Dak li żeraʼ ż-żerriegħa t-tajba hu Bin il-bniedem.” (Mt. 13:37) Ġesù, “Bin il-bniedem,” ipprepara l-għalqa għaż-żrigħ matul it-tliet snin u nofs tal-ministeru tiegħu fuq l-art. (Mt. 8:20; 25:31; 26:64) Imbagħad, minn Pentekoste tas-sena 33 E.K. ’l quddiem, beda jiżraʼ ż-żerriegħa t-tajba—“ulied is-saltna.” Dan iż-żrigħ milli jidher seħħ meta Ġesù, bħala r-rappreżentant taʼ Ġeħova, beda jsawwab l-ispirtu qaddis fuq id-dixxipli, u b’hekk dilikhom bħala wlied Alla. b (Atti 2:33) Iż-żerriegħa t-tajba kibret u saret qamħ lest għall-ħsad. Allura, l-objettiv fiż-żrigħ taż-żerriegħa t-tajba kien biex eventwalment jinġabar in-numru sħiħ taʼ dawk li kellhom isiru werrieta u ħakkiema bi sħab maʼ Ġesù fis-Saltna tiegħu.
5. Min hu l-għadu fit-tixbiha, u s-sikrana lil min tirrappreżenta?
5 Min hu l-għadu, u s-sikrana lil min tirrappreżenta? Ġesù jgħidilna li l-għadu “hu x-Xitan.” Is-sikrana hija deskritta bħala “wlied il-Ħażin.” (Mt. 13:25, 38, 39) Din il-ħaxixa velenuża tixbah ħafna l-qamħ meta tibda tielgħa, qabel ma tkun lesta għall-ħsad. Xi stampa xierqa taʼ dawk li taparsi huma Kristjani, dawk li jsostnu li huma wlied is-Saltna imma li ma jagħmlux frott ġenwin! Dawn il-Kristjani ipokriti li jsostnu li huma segwaċi taʼ Kristu, fir-realtà huma parti min-‘nisel’ taʼ Satana x-Xitan.—Ġen. 3:15.
6. Is-sikrana meta bdiet tidher, u n-nies f’liema sens kienu “reqdin” dak iż-żmien?
6 Dawn il-Kristjani bħas-sikrana meta dehru? “Waqt li n-nies kienu reqdin,” jgħid Ġesù. (Mt. 13:25) Dan meta kien? Insibu t-tweġiba fil-kliem tal-appostlu Pawlu lill-anzjani f’Efesu: “Jien naf li wara t-tluq tiegħi jidħlu fostkom ilpup ħorox li ma jittrattawx lill-merħla b’tenerezza, u minn fostkom stess iqumu rġiel li jitkellmu affarijiet mgħawġin biex jiġbdu lid-dixxipli għal warajhom.” (Atti 20:29, 30) Hu kompla biex iwissi lil dawk l-anzjani ħalli jibqgħu mqajmin spiritwalment. Wara li l-appostli, li ‘żammew lura’ l-apostasija, bdew jorqdu fil-mewt, ħafna Kristjani raqdu spiritwalment. (Aqra t-2 Tessalonikin 2:3, 6-8.) Dak iż-żmien bdiet l-apostasija l-kbira.
7. Sar sikrana ftit mill-qamħ? Spjega.
7 Ġesù ma qalx li l-qamħ kellu jsir sikrana, imma li s-sikrana nżergħet qalb il-qamħ. Għalhekk, din it-tixbiha ma tagħtix stampa taʼ Kristjani ġenwini li jitilqu mill-verità. Minflok, tipponta lejn sforz apposta min-naħa taʼ Satana biex jikkorrompi lill-kongregazzjoni Kristjana billi jdaħħal nies mill-agħar fiha. Sakemm xjaħ Ġwanni, l-aħħar appostlu, din l-apostasija kienet tidher b’mod ċar.—2 Pt. 2:1-3; 1 Ġw. 2:18.
“Ħalluhom Jikbru t-Tnejn Flimkien sal-Ħsad”
8, 9. (a) L-istruzzjonijiet li s-Sid ta lill-ilsiera tiegħu għala kienu jagħmlu sens għas-semmiegħa taʼ Ġesù? (b) Fit-twettiq, il-qamħ u s-sikrana kif kibru flimkien?
8 L-ilsiera tas-Sid jgħidulu bil-problema u jistaqsuh: ‘Tridna mmorru niġbru s-sikrana?’ (Mt. 13:27, 28) It-tweġiba tiegħu forsi tissorprendik. Hu jgħidilhom biex iħallu l-qamħ u s-sikrana jikbru flimkien sa żmien il-ħsad. Dan il-kmand kien jagħmel sens għad-dixxipli taʼ Ġesù. Kienu jifhmu kemm hu diffiċli li tagħraf il-qamħ mis-sikrana. Dawk li għandhom xi esperjenza fl-agrikultura jifhmu wkoll li l-għeruq tas-sikrana s-soltu jitgħaqqdu mal-għeruq tal-qamħ. c Mhux taʼ b’xejn li s-Sid jgħidilhom biex jistennew!
9 B’mod simili, matul is-sekli, id-diversi setet tal-Kristjaneżmu għamlu ħasda kbira ħafna taʼ sikrana—l-ewwel fost il-knejjes Kattoliċi Rumani u Ortodossi u iktar tard fost il-ħafna gruppi Protestanti li żviluppaw. Fl-istess żmien, ftit żrieragħ mill-qamħ ġenwin inżergħu madwar id-dinja. Is-sid fit-tixbiha stenna bil-paċenzja matul iż-żmien imtawwal taʼ tkabbir sa ma wasal iż-żmien tal-ħsad li kien relattivament iqsar.
Żmien il-Ħsad li Ilu Tant Mistenni
10, 11. (a) Meta hu żmien il-ħsad? (b) Il-qamħ simboliku kif qed jiddaħħal fil-maħżen taʼ Ġeħova?
10 Ġesù jgħidilna: “Il-ħsad hu l-konklużjoni taʼ sistema, u l-ħassada huma l-anġli.” (Mt. 13:39) Matul l-aħħar jiem taʼ din is-sistema mill-agħar isseħħ separazzjoni—ulied is-Saltna se jinġabru u jiġu mifrudin minn dawk li huma bħas-sikrana. Rigward dan, l-appostlu Pietru jgħidilna: “Hu ż-żmien stabbilit biex il-ġudizzju jibda mid-dar t’Alla. Issa jekk l-ewwel jibda bina, x’se jkun it-tmiem għal dawk li ma jobdux l-aħbar tajba t’Alla?”—1 Pt. 4:17.
11 Ftit wara li bdew l-aħħar jiem, jew “il-konklużjoni taʼ sistema,” il-ġudizzju beda għal dawk li sostnew li huma Kristjani ġenwini—kemm jekk kienu verament “ulied is-saltna” kif ukoll jekk kienu “wlied il-Ħażin.” “L-ewwel” waqgħet Babilonja l-Kbira, u “mbagħad” ulied is-Saltna nġabru flimkien fil-bidu tal-ħsad. (Mt. 13:30) Imma l-qamħ simboliku, issa kif qed jiddaħħal fil-maħżen taʼ Ġeħova? Dawn l-uħud li nġabru fil-ħsad iddaħħlu fil-kongregazzjoni Kristjana li ġiet stabbilita mill-ġdid, fejn għandhom l-approvazzjoni u l-protezzjoni t’Alla, jew inkella rċivew il-premju tagħhom fis-sema.
12. Il-ħsad kemm idum għaddej?
12 Il-ġudizzju kemm idum għaddej? Ġesù rrefera għall-ħsad bħala “żmien,” u allura jkompli għal perijodu taʼ żmien. (Riv. 14:15, 16) Il-ġudizzju tal-membri individwali tal-midlukin ikompli matul żmien it-tmiem. Se jibqaʼ għaddej sakemm jingħataw l-aħħar siġill.—Riv. 7:1-4.
13. Is-sikrana b’liema mod toħloq tfixkil, u kif qed tikser il-liġi?
13 Min huma dawk li se jinġabru mis-Saltna, u kif joħolqu tfixkil u jiksru l-liġi? (Mt. 13:41) Il-kleru tal-Kristjaneżmu li hu bħas-sikrana żvija lil miljuni taʼ nies għal sekli sħaħ. Għamel dan permezz taʼ tagħlim li jiddiżonora lil Alla, “dak kollu li joħloq tfixkil,” bħad-duttrina tal-kastig etern fin-nar tal-infern u t-Trinità li hi misterjuża u tħawwad lin-nies. Ħafna mexxejja reliġjużi ħallew eżempju ħażin għall-imrieħel tagħhom bil-ħbiberija adulteruża tagħhom ma’ din id-dinja u f’xi każi bil-kondotta immorali u skandaluża tagħhom. (Ġk. 4:4) Barra minn dan, il-Kristjaneżmu sar iktar u iktar tolleranti għall-immoralità fost il-membri tiegħu. (Aqra Ġuda 4.) Minkejja dan kollu, ikomplu jagħtu l-impressjoni li huma qaddisin u devoti. Kemm huma henjin ulied is-Saltna li huma mifrudin minn dawn l-influwenzi bħas-sikrana u mit-tagħlim korrott li joħloq tfixkil!
14. Dawk li huma bħas-sikrana kif jibku u jgħażżu snienhom?
14 Dawk li huma bħas-sikrana kif jibku u jgħażżu snienhom? (Mt. 13:42) “Ulied il-Ħażin” huma turmentati mill-fatt li “wlied is-saltna” kixfu l-kundizzjoni velenuża spiritwalment taʼ dawn l-uħud bħas-sikrana. Jibku wkoll minħabba li l-appoġġ mill-membri tal-knisja tagħhom dejjem qed jonqos, kif ukoll minħabba li tilfu l-kontroll fuq il-lajċi.—Aqra Isaija 65:13, 14.
15. L-uħud bħas-sikrana f’liema sens jinħarqu bin-nar?
15 Is-sikrana f’liema sens tinġabar u tinħaraq bin-nar? (Mt. 13:40) Dan jirreferi għar-riżultat aħħari għas-sikrana. Il-fatt li tiġi mixħuta b’mod simboliku f’forn tan-nar jindika li hi miexja lejn qerda eterna. (Riv. 20:14; 21:8) It-taparsi Kristjani li huma bħas-sikrana, l-impusturi, se jiġu meqrudin għalkollox fit-“tribulazzjoni kbira.”—Mt. 24:21.
Huma “Jiddu bħax-Xemx”
16, 17. Malakija xi pprofetizza rigward it-tempju t’Alla, u dan kif beda jitwettaq?
16 L-uħud bħall-qamħ meta “jiddu bħax-xemx”? (Mt. 13:43) Rigward it-tindif tat-tempju t’Alla, Malakija pprofetizza: “‘F’daqqa waħda jiġi fit-tempju Tiegħu l-Mulej il-veru, li lilu qegħdin tfittxu, u jiġi l-messaġġier tal-patt li bih titgħaxxqu. Ara! Jiġi żgur,’ qal Ġeħova taʼ l-armati. ‘Imma min se jissaporti jum il-miġja tiegħu, u min se jiflaħ jieqaf meta jidher hu? Għax se jkun bħan-nar tar-raffinatur u bħas-sapun tal-ħasselin. U jrid joqgħod bil-qiegħda bħala raffinatur u wieħed li jnaddaf il-fidda u jnaddaf lil ulied Levi; u jrid isaffihom bħad-deheb u bħall-fidda, u jsiru għal Ġeħova nies li qed jippreżentaw offerta bħala għotja bis-sewwa.’”—Mal. 3:1-3.
17 Fi żminijiet moderni, din il-profezija milli jidher bdiet titwettaq fl-1918 meta Ġeħova, flimkien mal-“messaġġier tal-patt,” Ġesù Kristu, spezzjona t-tempju spiritwali. Malakija jgħidilna x’jiġri meta jitlesta dan it-tindif: “Intom terġgħu taraw id-distinzjoni bejn bniedem sewwa u wieħed mill-agħar, bejn wieħed li jaqdi lil Alla u wieħed li ma qdiehx.” (Mal. 3:18) Iż-żjieda f’daqqa fl-attività min-naħa tal-Kristjani veri li kienu msaħħin mill-ġdid tipponta lejn dan il-perijodu bħala l-bidu taʼ żmien il-ħsad.
18. Danjel xi pprofetizza li se jiġri fi żmienna?
18 Il-profeta Danjel tkellem dwar żmienna meta bassar: “Dawk li għandhom id-dehen jiddu bħad-dija tal-firxa tas-sema; u dawk li qed iwasslu lill-ħafna lejn is-sewwa, bħall-kwiekeb għal żmien indefinit, iva, għal dejjem.” (Dan. 12:3) Min huma dawn l-uħud li jiddu daqstant? Ħadd ħlief il-Kristjani midlukin, il-qamħ ġenwin li Ġesù rrefera għalih fit-tixbiha tiegħu tal-qamħ u s-sikrana. Il-‘ġbir’ tat-taparsi Kristjani li huma bħas-sikrana ġie rikonoxxut b’mod ċar minn folla kbira taʼ wħud bħal nagħaġ li dejjem qed tiżdied. Minħabba li ngħaqdu mal-fdal taʼ Israel spiritwali, dawn is-sudditi prospettivi tas-Saltna bl-istess mod iħallu d-dawl tagħhom jiddi f’din id-dinja mudlama.—Żak. 8:23; Mt. 5:14-16; Flp. 2:15.
19, 20. “Ulied is-saltna” x’jistennew bil-ħerqa, u x’se niddiskutu fl-artiklu li jmiss?
19 Illum, “ulied is-saltna” jistennew bil-ħerqa l-premju glorjuż tagħhom biex imorru fis-sema. (Rum. 8:18, 19; 1 Kor. 15:53; Flp. 1:21-24) Però, sa dak iż-żmien iridu jibqgħu leali, billi jkomplu jiddu u jispikkaw bħala li huma differenti minn “ulied il-Ħażin.” (Mt. 13:38; Riv. 2:10) Kemm għandna għaliex nifirħu li għandna l-privileġġ li naraw ir-riżultati taʼ dan il-‘ġbir’ simboliku tas-sikrana fi żmienna!
20 Imma x’inhi r-relazzjoni bejn dawn l-ulied tas-Saltna u l-folla l-kbira li dejjem tikber taʼ dawk li jittamaw li jgħixu għal dejjem fuq l-art bħala sudditi tas-Saltna? L-artiklu li jmiss se jwieġeb din il-mistoqsija.
[Noti taʼ taħt]
a Għal diskussjoni dettaljata dwar dawn it-tixbihat, ara t-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Lulju, 2008, paġni 12-21.
b F’din il-parabbola, iż-żrigħ ma jirrappreżentax ix-xogħol tal-ippritkar u taʼ li nagħmlu dixxipli, li kien se jiġbor lil uħud ġodda li kellhom isiru Kristjani midlukin. Rigward iż-żerriegħa t-tajba li tinżeraʼ fl-għalqa, Ġesù qal: “Iż-żerriegħa t-tajba hi [mhux “se ssir”] ulied is-saltna.” Iż-żrigħ jirreferi għad-dlik taʼ dawn l-ulied tas-Saltna madwar id-dinja.
c L-għeruq tas-sikrana tant jitgħaqqdu mal-għeruq tal-qamħ li jekk dak li jkun jaqlagħhom qabel il-ħsad jispiċċa jitlef ħafna qamħ.—Ara Insight on the Scriptures, Volume 1, paġna 1178.
X’Tiftakar?
Fit-tixbiha taʼ Ġesù dwar il-qamħ u s-sikrana, xi jfissru dawn li ġejjin?
• Iż-żerriegħa t-tajba
• Ir-raġel li żeraʼ ż-żerriegħa
• Iż-żrigħ taż-żerriegħa
• L-għadu
• Is-sikrana
• Żmien il-ħsad
• Il-maħżen
• Il-biki u t-tgħażżiż tas-snien
• Il-forn tan-nar
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 20]
Pentekoste tas-sena 33 E.K. mmarka l-bidu taż-żrigħ taż-żerriegħa t-tajba
[Stampa f’paġna 23]
Il-qamħ simboliku issa qed jiddaħħal fil-maħżen taʼ Ġeħova
[Sors]
Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.