‘Xandar il-Kelma t’Alla bil-Qlubija’
‘Xandar il-Kelma t’Alla bil-Qlubija’
“Ilkoll imtlew bl-ispirtu qaddis u bdew ixandru l-kelma t’Alla bil-qlubija.”—ATTI 4:31.
1, 2. Għala għandna nistinkaw biex inkunu effettivi fil-ministeru tagħna?
TLETT ijiem qabel mewtu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.” Qabel ma telaʼ s-sema, Ġesù rxoxtat inkariga lis-segwaċi tiegħu biex ‘jagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha u jgħallmuhom josservaw dak kollu li ordnalhom hu.’ Hu wegħedhom li se jibqaʼ magħhom “il-jiem kollha sal-konklużjoni tas-sistema.”—Mt. 24:14; 26:1, 2; 28:19, 20.
2 Bħala Xhieda taʼ Ġeħova għandna sehem attiv f’xogħol li beda fl-ewwel seklu. Ebda xogħol ieħor mhu importanti daqs ix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli—xogħol li jsalva l-ħajjiet. Kemm hu vitali, mela, li nkunu effettivi fil-ministeru tagħna! F’dan l-artiklu se naraw kif permezz tad-direzzjoni mill-ispirtu qaddis inkunu nistgħu nitkellmu bil-qlubija fil-ministeru. Iż-żewġ artikli li ġejjin se juru kif l-ispirtu taʼ Ġeħova jistaʼ jidderiġina biex ngħallmu bis-sengħa u nippritkaw b’mod kostanti.
Neħtieġu l-Qlubija
3. Għala għandna bżonn il-qlubija biex nieħdu sehem fl-ippritkar tas-Saltna?
3 Ix-xogħol li tana Alla biex nipproklamaw is-Saltna hu unur kbir għalina. Madankollu dan xi kultant ikun diffiċli. Filwaqt li xi nies jaċċettaw bil-ħeġġa l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla, ħafna oħrajn huma bħan-nies li kienu jgħixu fiż-żmien Noè. Ġesù qal li huma “ma tawx kas sakemm ġie d-dilluvju u kinishom ilkoll.” (Mt. 24:38, 39) Imbagħad hemm dawk li jwaqqgħuna għaċ-ċajt jew jopponuna. (2 Pt. 3:3) L-oppożizzjoni tistaʼ tiġi minn awtoritajiet governattivi jew reliġjużi, minn sħabna fl-iskola jew fuq ix-xogħol, u saħansitra minn membri tal-familja. Barra minn dan, irridu nitqabdu wkoll mad-dgħufijiet persunali, bħall-mistħija jew il-biżaʼ li niġu mwarrbin. Hemm ħafna fatturi li jistgħu jagħmluha diffiċli għalina biex ikollna “l-libertà tal-kelma” u biex nitkellmu l-kelma t’Alla “bil-qlubija.” (Ef. 6:19, 20) Neħtieġu l-qlubija sabiex nipperseveraw f’li nxandru l-kelma t’Alla. X’jistaʼ jgħinna biex niksbuha?
4. (a) X’inhi l-qlubija? (b) L-appostlu Pawlu kif għamel il-qalb biex ikellem lit-Tessalonikin?
4 Il-kelma Griega tradotta “qlubija” tfisser “li titkellem bla tlaqliq, bis-sinċerità, u b’mod ċar.” Din il-kelma tagħti l-idea li tkun kuraġġuż, kunfidenti, . . . u bla biżaʼ. Il-qlubija ma tfissirx li tkun taʼ żaqqek f’fommok jew maledukat. (Kol. 4:6) Għalkemm irridu nkunu qalbenin irridu wkoll inżommu l-paċi mal-bnedmin kollha. (Rum. 12:18) Iktar minn hekk, waqt li nippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla, hemm bżonn li nżommu l-bilanċ bejn li nkunu qalbenin u li nużaw it-tattika sabiex ma noffendux lil xi ħadd bla intenzjoni li nagħmlu dan. Tabilħaqq, il-qlubija tirrikjedi kwalitajiet li jeħtieġu ħafna sforz biex nikkultivawhom. Madankollu, biex niżviluppaw qlubija bħal din ma nistgħux niddependu biss fuq l-abbiltajiet tagħna. Wara li l-appostlu Pawlu u sħabu ġew “imżebilħin f’Filippi,” huma kif ‘għamlu l-qalb’ biex ikellmu lil dawk f’Tessalonika? Pawlu kiteb: “Permezz t’Alla tagħna.” (Aqra 1 Tessalonikin 2:2.) Alla Ġeħova jistaʼ jneħħilna kull biżaʼ li jkollna u jagħtina qlubija bħal din.
5. Ġeħova kif għen lil Pietru, lil Ġwanni, u lid-dixxipli l-oħra juru l-qlubija?
5 Meta ġew mheddin mill-“ħakkiema [tal-poplu] u x-xjuħ u l-iskribi,” l-appostli Pietru u Ġwanni qalu: “Jekk hux sewwa f’għajnejn Alla li nisimgħu minnkom iktar milli minn Alla, iġġudikaw intom. Imma aħna ma nistgħux nieqfu nitkellmu dwar dak li rajna u smajna.” Minflok ma talbu lil Alla biex tieqaf il-persekuzzjoni, huma u sħabhom fit-twemmin talbu: “Ġeħova, agħti kas it-theddid tagħhom, u agħmel li l-ilsiera tiegħek jibqgħu jitkellmu l-kelma tiegħek bil-qlubija kollha.” (Atti 4:5, 19, 20, 29) Ġeħova kif wieġeb it-talba tagħhom? (Aqra Atti 4:31.) Permezz tal-ispirtu tiegħu Ġeħova għenhom jagħmlu l-qalb. L-ispirtu t’Alla jistaʼ jagħmel l-istess għalina. Mela, kif nistgħu nirċievu l-ispirtu t’Alla u nkunu gwidati minnu fil-ministeru tagħna?
Ikseb il-Qlubija
6, 7. Liema hu l-iktar mod dirett kif nirċievu l-ispirtu qaddis t’Alla? Agħti eżempji.
6 L-iktar mod dirett kif nirċievu l-ispirtu qaddis t’Alla hu permezz tat-talb. Ġesù qal lis-semmiegħa tiegħu: “Jekk intom, għalkemm ħżiena, tafu tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom, kemm iktar il-Missier li hu fis-sema jagħti l-ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh!” (Lq. 11:13) Tabilħaqq, għandna nitolbu bla heda għall-ispirtu t’Alla. Jekk ibeżżgħuna ċerti aspetti tal-ministeru bħalma huma l-għoti taʼ xhieda fit-toroq, ix-xhieda informali, jew it-territorju taʼ negozju, nistgħu nitolbu lil Ġeħova għall-ispirtu tiegħu biex jagħtina l-qlubija li għandna bżonn.—1 Tess. 5:17.
7 Hekk għamlet mara Kristjana jisimha Rosa. a Darba waħda, meta Rosa kienet fuq il-post tax-xogħol, għalliema li taħdem magħha kienet qed taqra rapport taʼ skola oħra dwar il-maltrattament tat-tfal. L-għalliema tant inħasdet b’dak li qrat, li qalet: “X’waħda din, fiex waslet id-dinja!” Rosa ma setgħetx tħalli din l-opportunità għaddejja bla ma tagħti xhieda. X’għamlet biex tikseb il-kuraġġ ħalli tibda konversazzjoni? Rosa tgħid: “Tlabt lil Ġeħova għall-ispirtu tiegħu biex jgħinni.” Hi rnexxielha tagħti xhieda u tagħmel arranġament għal diskussjoni iktar fil-fond dwar is-suġġett. Ikkunsidra wkoll l-esperjenza taʼ tifla taʼ ħames snin jisimha Milane, li tgħix fi New York City. Milane tgħid: “Qabel ma mmur l-iskola, jien u ommi dejjem nitolbu lil Ġeħova.” Għal xiex jitolbu? Għall-kuraġġ biex Milane titkellem b’wiċċha minn quddiem dwar l-Alla tagħha! Ommha tgħid: “Dan għen lil Milane tispjega t-twemmin tagħha għala ma tiċċelebrax għeluq sninha u l-festi, u biex ma tiħux sehem fihom meta jiġu ċelebrati okkażjonijiet bħal dawn.” Eżempji simili juru kemm it-talb jistaʼ jgħinna nkunu qalbenin.
8. X’nistgħu nitgħallmu mill-profeta Ġeremija dwar kif inkunu qalbenin?
8 Irrifletti wkoll dwar x’għen lill-profeta Ġeremija jsir qalbieni. Meta Ġeħova ħatru bħala profeta għall-ġnus, Ġeremija wieġeb: “Jien ma nafx nitkellem, għax m’iniex ħlief naqra taʼ tifel.” (Ġer. 1:4-6) Iżda, maż-żmien Ġeremija tant sar persistenti u konvinċenti fl-ippritkar tiegħu li ħafna qisuh bħala xi ħadd li kien jitkellem biss dwar gwaj. (Ġer. 38:4) Hu pproklama bil-qlubija l-ġudizzji taʼ Ġeħova għal iktar minn 65 sena. Tant kien magħruf f’Israel għall-ippritkar tiegħu bla biżaʼ u bil-kuraġġ, li madwar 600 sena wara, meta Ġesù tkellem bil-qlubija, xi wħud ħasbu li kien Ġeremija li rxoxta. (Mt. 16:13, 14) Għalkemm il-profeta Ġeremija għall-bidu kien iżomm lura, kif għeleb il-mistħija tiegħu? Hu jgħid: “F’qalbi [l-kelma t’Alla] saret bħal nar jaqbad magħluq f’għadmi; u għejejt inżommha fija.” (Ġer. 20:9) Iva, il-kelma taʼ Ġeħova kellha effett qawwi fuq Ġeremija u qanqlitu biex jitkellem.
9. Il-kelma t’Alla għala tistaʼ teffettwana bl-istess mod li effettwat lil Ġeremija?
9 Fl-ittra tiegħu lill-Ebrej, l-appostlu Pawlu kiteb: “Il-kelma t’Alla hi ħajja u qawwija u taqtaʼ iktar minn sejf b’żewġt ixfar u tinfed tant li tifred ir-ruħ u l-ispirtu, u l-ġogi u l-mudullun tagħhom, u tistaʼ tagħraf il-ħsibijiet u l-intenzjonijiet tal-qalb.” (Ebr. 4:12) Il-messaġġ, jew il-kelma, t’Alla jistaʼ jeffettwana bl-istess mod li effettwa lil Ġeremija. Irridu niftakru li għalkemm intużaw xi bnedmin biex tinkiteb il-Bibbja, din mhix xi ġabra taʼ kotba li fihom għerf uman, għax kienet ispirata minn Alla. Fit-2 Pietru 1:21, naqraw: “Il-profezija qatt ma ġiet bir-rieda tal-bniedem, imma xi bnedmin tkellmu minn Alla skond kif tmexxew mill-ispirtu qaddis.” Meta nużaw il-ħin biex nieħdu sehem fi studju persunali effettiv tal-Bibbja, moħħna jimtela bil-messaġġ ispirat mill-ispirtu qaddis. (Aqra l-1 Korintin 2:10.) Dan il-messaġġ jistaʼ jkun “bħal nar jaqbad” ġewwa fina, u ma nkunux nistgħu inżommuh għalina biss.
10, 11. (a) Jekk irridu nsiru qalbenin, kif għandhom ikunu d-drawwiet tal-istudju tagħna? (b) Semmi minn tal-inqas pass wieħed li bi ħsiebek tieħu biex ittejjeb il-kwalità tal-istudju persunali tiegħek.
10 Sabiex l-istudju persunali jkollu impatt qawwi fuqna, għandna nagħmluh b’tali mod li l-messaġġ tal-Bibbja jilħqilna qalbna u jeffettwa l-persuna li aħna minn ġewwa. Pereżempju, il-profeta Eżekjel ġie mogħti viżjoni fejn ġie mitlub jiekol romblu taʼ ktieb li kien fih messaġġ qawwi u li kellu jixxandar lil nies li ma ridux jisimgħu. Eżekjel kellu jifhem bis-sħiħ il-messaġġ u jagħmlu parti minnu. B’hekk, kien se jkun pjaċevoli għalih li jwassal dan il-messaġġ—ħelu bħall-għasel.—Aqra Eżekjel 2:8–3:4, 7-9.
11 Aħna qegħdin f’sitwazzjoni simili għal dik taʼ Eżekjel. Illum, ħafna sempliċement ma jridux jisimgħu dak li għandha x’tgħid il-Bibbja. Sabiex nipperseveraw u nibqgħu nxandru l-kelma t’Alla, hu importanti li nistudjaw l-Iskrittura b’tali mod li nifhmu u nemmnu bis-sħiħ dak li tgħid. Għandna nkunu regulari fid-drawwiet tal-istudju tagħna, mhux daqqa iva u daqqa le. Ix-xewqa tagħna għandha tkun bħal dik tas-salmista li kanta: “Ha jkunu kliem fommi u l-meditazzjoni taʼ qalbi pjaċevoli quddiemek, O Ġeħova, il-Blata tiegħi u l-Feddej tiegħi.”(Salm 19:14) Kemm hu importanti li nieħdu l-ħin biex nimmeditaw fuq dak li naqraw sabiex il-veritajiet tal-Bibbja jinżlu fil-fond taʼ qalbna! Żgur li għandna nistinkaw biex intejbu l-kwalità tal-istudju persunali tagħna. b
12. Il-laqgħat Kristjani għala jgħinuna biex niġu gwidati mill-ispirtu qaddis?
12 Mod ieħor kif nibbenefikaw mill-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova hu billi “nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-laqgħat tagħna flimkien.” (Ebr. 10:24, 25) Modi eċċellenti kif niġu gwidati mill-ispirtu huma li nistinkaw biex nattendu l-laqgħat Kristjani regolarment, nisimgħu b’attenzjoni, u napplikaw dak li nitgħallmu. Wara kollox, huwa permezz tal-kongregazzjoni li l-ispirtu taʼ Ġeħova jagħti d-direzzjoni.—Aqra Rivelazzjoni 3:6.
Il-Qlubija Ġġib Benefiċċji
13. X’nistgħu nitgħallmu minn dak li wettqu l-Kristjani tal-ewwel seklu fix-xogħol tal-ippritkar?
13 L-ispirtu qaddis hu l-iktar forza qawwija fl-univers, u jistaʼ jagħti l-qawwa lill-bnedmin biex jagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova. Permezz tal-ispirtu, il-Kristjani tal-ewwel seklu wettqu biċċa xogħol kbira ħafna taʼ ppritkar. Huma ppritkaw l-aħbar tajba “fil-ħolqien kollu li hu taħt is-sema.” (Kol. 1:23) Meta nikkunsidraw li l-biċċa l-kbira minnhom kienu nies “komuni u taʼ ftit skola,” huwa ovvju li kienu motivati minn forza iktar b’saħħitha.—Atti 4:13.
14. X’jistaʼ jgħinna nkunu ‘mħeġġin bl-ispirtu’?
14 Meta ngħixu ħajjitna b’tali mod li nħallu lill-ispirtu qaddis jidderiġilna ħajjitna nkunu nistgħu wkoll niġu motivati biex inwettqu l-ministeru tagħna bil-kuraġġ. Il-benefiċċji kollha li jiġu meta nitolbu kontinwament għall-ispirtu, inħabirku biex nagħmlu studju persunali sinifikanti, nimmeditaw bit-talb fuq dak li naqraw, u nattendu regolarment il-laqgħat Kristjani jistgħu jgħinuna nkunu “mħeġġin bl-ispirtu.” (Rum. 12:11) Kien hemm Lhudi li wasal Efesu u “li kien jismu Apollo, imwieled Lixandra. Dan ir-raġel kien jinqalaʼ biex jitkellem.” Dwaru l-Bibbja tgħid: “Billi kien imħeġġeġ bl-ispirtu, beda jitkellem u jgħallem b’eżattezza dwar Ġesù.” (Atti 18:24, 25) Meta nkunu “mixgħulin fl-ispirtu,” nistgħu nsiru iktar qalbenin fil-ministeru tagħna minn dar għal dar u f’li nagħtu xhieda informali.—Rum. 12:11, Karm Żammit.
15. Kif se nibbenefikaw meta nitkellmu b’iktar qlubija?
15 Li nagħtu xhieda b’iktar qlubija għandu effett pożittiv fuqna. L-attitudni tagħna titjieb għax nifhmu iktar l-importanza tax-xogħol tagħna. L-entużjażmu tagħna jikber minħabba li nkunu iktar ferħanin meta nkunu effettivi fil-ministeru. Barra minn hekk, iż-żelu tagħna jissaħħaħ minħabba li nkunu iktar konxji dwar l-urġenza tax-xogħol tal-ippritkar.
16. Xi rridu nagħmlu jekk naqsilna ż-żelu għall-ministeru?
16 Xi ngħidu jekk tlifna ż-żelu għall-ministeru jew jekk iż-żelu tagħna m’għadux dak li kien? Mela, jeħtieġ nagħmlu eżami onest tagħna nfusna. Pawlu kiteb: “Ibqgħu għarblu jekk intomx fil-fidi, ibqgħu agħtu prova taʼ x’intom.” (2 Kor. 13:5) Staqsi lilek innifsek: ‘Għadni mħeġġeġ bl-ispirtu? Nitlob lil Ġeħova għall-ispirtu tiegħu? It-talb tiegħi juri li jien nistrieħ fuqu biex nagħmel ir-rieda tiegħu? Fih kliem taʼ apprezzament għax-xogħol tal-ministeru fdat lilna? Kif inhuma d-drawwiet tal-istudju persunali tiegħi? Kemm inqattaʼ ħin nimmedita fuq dak li naqra u nismaʼ? Kemm jien involut fil-laqgħat tal-kongregazzjoni?ʼ Jekk tirrifletti fuq mistoqsijiet bħal dawn tistaʼ tiġi megħjun tara fejn int dgħajjef u tieħu passi biex titjieb.
Ħalli l-Ispirtu t’Alla Jagħmlek Qalbieni
17, 18. (a) Fuq liema skala qed isir ix-xogħol tal-ippritkar illum? (b) Kif nistgħu nuru l-“akbar libertà tal-kelma” f’li niddikjaraw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla?
17 Ġesù rxoxtat qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta l-ispirtu qaddis jiġi fuqkom tirċievu qawwa u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm u fil-Lhudija kollha u fis-Samarija u sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Atti 1:8) Ix-xogħol li beda dakinhar, illum qed isir fuq skala li qatt ma kien hawn bħalha. Iktar minn sebaʼ miljun Xhud taʼ Ġeħova qed ixandru l-messaġġ tas-Saltna f’iktar minn 230 pajjiż, u qed iqattgħu kważi 1.5 biljun siegħa fis-sena fil-ministeru. Kemm hu eċċitanti li jkollna sehem żeluż f’dan ix-xogħol li qatt mhu se jerġaʼ jsir!
18 Illum, bħal fl-ewwel seklu, ix-xogħol tal-ippritkar madwar id-dinja qed isir taħt id-direzzjoni tal-ispirtu t’Alla. Jekk nobdu d-direzzjoni tal-ispirtu se nuru l-“akbar libertà tal-kelma” fil-ministeru tagħna. (Atti 28:31) Mela ejja nħallu l-ispirtu t’Alla jiggwidana hekk kif niddikjaraw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla!
[Noti taʼ taħt]
a L-ismijiet ġew mibdulin.
b Sabiex tibbenefika iktar mill-qari tal-Bibbja u l-istudju persunali tiegħek, ara l-kapitli “Apply Yourself to Reading” (Agħmel Ħiltek fil-Qari) u “Study Is Rewarding” (L-Istudju Huwa Premjanti) mill-ktieb Benefit From Theocratic Ministry School Education, (Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku) f’paġni 21-32.
X’Tgħallimt?
• Għala għandna bżonn inkunu qalbenin biex inxandru l-kelma t’Alla?
• X’għen lid-dixxipli tal-bidu jitkellmu bil-qlubija?
• Kif nistgħu nsiru qalbenin?
• Kif se nibbenefikaw meta nsiru qalbenin?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 7]
Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom jsiru qalbenin?
[Stampi f’paġna 8]
Talba qasira tistaʼ tgħinek tagħmel il-qalb fil-ministeru