Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“L-Ispirtu u l-Għarusa Jibqgħu Jgħidu: ‘Ejja!’”

“L-Ispirtu u l-Għarusa Jibqgħu Jgħidu: ‘Ejja!’”

“L-​Ispirtu u l-​Għarusa Jibqgħu Jgħidu: ‘Ejja!’”

“L-​ispirtu u l-​għarusa jibqgħu jgħidu: ‘Ejja!’ . . . Kulmin hu bil-​għatx ħa jiġi; u kulmin jixtieq ħa jieħu l-​ilma tal-​ħajja b’xejn.”—RIV. 22:17.

1, 2. Liema post għandu jkollhom l-​interessi tas-​Saltna f’ħajjitna, u għala?

 LIEMA post għandu jkollhom l-​interessi tas-​Saltna f’ħajjitna? Ġesù ħeġġeġ lis-​segwaċi tiegħu biex ‘jibqgħu jfittxu l-​ewwel is-​saltna,’ u assigurahom li jekk jagħmlu dan, Alla kien se jipprovdilhom dak li għandhom bżonn. (Mt. 6:25-​33) Hu qabbel is-​Saltna t’Alla maʼ perla prezzjuża ħafna, tant li meta merkant li jivvjaġġa sabha, “biegħ kulma kellu u xtraha.” (Mt. 13:45, 46) M’għandniex aħna nagħtu l-​akbar importanza lix-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli?

2 Bħalma rajna fiż-​żewġ artikli taʼ qabel, meta nitkellmu bil-​qlubija u nużaw il-​Kelma t’Alla bis-​sengħa fil-​ministeru, inkunu qed nuru li aħna mmexxijin mill-​ispirtu t’Alla. Ukoll, dan l-​ispirtu jkollu parti importanti meta nieħdu sehem regulari fix-​xogħol tagħna tal-​ippritkar. Ejja naraw kif.

Stedina Għal Kulħadd!

3. L-​istedina “ejja,” liema tip taʼ ilma tistidinhom jieħdu lill-​bnedmin?

3 Il-​bnedmin kollha jiġu mistidnin permezz tal-​ispirtu qaddis. (Aqra Rivelazzjoni 22:17.) L-​istedina “ejja” hi sabiex dak li jkun jiġi u jaqtaʼ l-​għatx b’tip taʼ ilma speċjali ħafna. Dan l-​ilma mhuwiex xi ilma ordinarju kompost mill-​idroġenu u mill-​ossiġnu. Għalkemm l-​ilma letterali huwa essenzjali biex isostni l-​ħajja fuq l-​art, Ġesù kellu f’moħħu tip ieħor taʼ ilma meta qal lil waħda mara Samaritana li kienet ħdejn bir: “Kulmin jixrob mill-​ilma li nagħtih jien qatt iktar ma jaqbdu għatx, imma l-​ilma li nagħtih jien isir fih għajn taʼ ilma ġieri biex jagħtih il-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 4:14) L-​ilma speċjali li l-​bnedmin huma mistidnin jieħdu minnu hu ilma li jagħti l-​ħajja taʼ dejjem.

4. L-​ilma tal-​ħajja għala sar meħtieġ, u dan l-​ilma x’jirrappreżenta?

4 Dan l-​ilma tal-​ħajja sar meħtieġ meta l-​ewwel raġel Adam ngħaqad maʼ martu Eva fid-​diżubbidjenza, proprju lejn Dak li ħalaqhom—Alla Ġeħova. (Ġen. 2:16, 17; 3:1-​6) L-​ewwel koppja tkeċċew mill-​ġnien li kien darhom “sabiex [Adam] ma jmiddx idu u jieħu wkoll il-​frott mis-​siġra tal-​ħajja u jiekol u jgħix għal dejjem.” (Ġen. 3:22) Bħala l-​ewwel ġenitur tal-​bnedmin, minn dakinhar Adam ġab il-​mewt fuq ir-​razza umana kollha kemm hi. (Rum. 5:12) L-​ilma tal-​ħajja jirrappreżenta l-​provvedimenti kollha t’Alla sabiex jinħelsu l-​bnedmin ubbidjenti mid-​dnub u l-​mewt u jingħataw ħajja perfetta għal dejjem f’Ġenna tal-​art. Dawn il-​provvedimenti saru possibbli permezz tas-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Ġesù Kristu.—Mt. 20:28; Ġw. 3:16; 1 Ġw. 4:9, 10.

5. L-​istedina biex wieħed jiġi “jieħu l-​ilma tal-​ħajja b’xejn” minn min toriġina? Spjega.

5 Minn min toriġina l-​istedina biex wieħed jiġi u “jieħu l-​ilma tal-​ħajja b’xejn”? Meta l-​provvedimenti kollha tal-​ħajja permezz taʼ Ġesù jsiru disponibbli bis-​sħiħ għall-​umanità kollha matul ir-​Renju Millennjali taʼ Kristu, dawn jiġu deskritti bħala “xmara taʼ ilma tal-​ħajja, ċar daqs il-​kristall.” Din ix-​xmara tidher bħala li hi “ħierġa mit-​tron t’Alla u tal-​Ħaruf.” (Riv. 22:1) Ġeħova, id-​Donatur tal-​Ħajja huwa għalhekk is-​Sors tal-​ilma li jagħti l-​ħajja. (Salm 36:9) Hu l-​Wieħed li jagħmel l-​ilma disponibbli permezz tal-​“Ħaruf,” Ġesù Kristu. (Ġw. 1:29) Din ix-​xmara simbolika hija l-​mezz li juża Ġeħova biex ireġġa lura l-​ħsara kollha li nġiebet fuq l-​umanità minħabba d-​diżubbidjenza taʼ Adam. Tabilħaqq, Alla Ġeħova huwa l-​Oriġinatur tal-​istedina “ejja.”

6. Ix-​“xmara taʼ ilma tal-​ħajja” meta bdiet tnixxi?

6 Għalkemm ix-​“xmara taʼ ilma tal-​ħajja” se tnixxi bis-​sħiħ matul ir-​Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu, din bdiet tnixxi “f’jum il-​Mulej,” li beda meta “l-​Ħaruf” ngħata t-​tron fis-​sema fl-​1914. (Riv. 1:10) B’hekk, minn dakinhar ’l hawn saru disponibbli ċerti provvedimenti tal-​ħajja. Dawn jinvolvu l-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, għax il-​messaġġ tagħha huwa magħruf bħala “ilma.” (Efes. 5:26) L-​istedina biex wieħed “jieħu l-​ilma tal-​ħajja” billi jismaʼ u jwieġeb għall-​messaġġ tas-​Saltna hija miftuħa għal kulħadd. Iżda min qed jagħmilha din l-​istedina f’jum il-​Mulej?

“L-​Għarusa” Tgħid “Ejja!”

7. Min kienu l-​ewwel uħud “f’jum il-​Mulej” li offrew l-​istedina “ejja,” u lil min?

7 Il-​membri tal-​klassi tal-​għarusa, jiġifieri l-​Kristjani midlukin bl-​ispirtu, kienu l-​ewwel uħud li offrew l-​istedina “ejja.” Lil min? M’għandniex xi ngħidu, l-​għarusa mhix qed tgħid “Ejja!” lilha nfisha. Kliemha hu indirizzat lil dawk li għandhom it-​tama li jiksbu ħajja taʼ dejjem fuq l-​art wara li tkun ġiet miġġielda l-​“gwerra tal-​jum il-​kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.”—Aqra Rivelazzjoni 16:14, 16.

8. X’juri li l-​Kristjani midlukin ilhom joffru l-​istedina mingħand Ġeħova saħansitra sa mill-​1918?

8 Is-​segwaċi midlukin taʼ Kristu ilhom joffru l-​istedina saħansitra sa mill-​1918. F’dik is-​sena, it-​taħdita pubblika bit-​titlu “Millions Now Living May Never Die” (Miljuni Issa Ħajjin Jistgħu Ma Jmutu Qatt) offriet it-​tama li ħafna nies se jiksbu l-​ħajja fuq art magħmula ġenna wara l-​battalja taʼ Armageddon. Taħdita li ngħatat fil-​konvenzjoni tal-​Istudenti tal-​Bibbja fʼCedar Point, Ohio, l-​Istati Uniti fl-​1922 ħeġġet lis-​semmiegħa biex ‘jirreklamaw lis-​Sultan u lis-​saltna tiegħu.’ Dan l-​appell għen lill-​fdal tal-​klassi tal-​għarusa biex jilħaq iktar nies bl-​istedina. Fl-​1929, il-​ħarġa taʼ The Watchtower tal-​15 taʼ Marzu kien fiha artiklu bit-​titlu “Gracious Invitation” (Stedina Kordjali), bl-​iskrittura taʼ Rivelazzjoni 22:17 bħala t-​tema tiegħu. Parti mill-​artiklu qal: “Il-​klassi tal-​fdal midlukin tingħaqad [mal-​Iktar Għoli] fl-​istedina kordjali u tgħid, ‘Ejja.’ Dan il-​messaġġ għandu jiġi proklamat lil dawk li għandhom xewqa għas-​sewwa u għall-​verità. Dan għandu jsir issa.” Il-​klassi tal-​għarusa għadha tagħmel din l-​istedina sal-​ġurnata tal-​lum.

“Kulmin Jismaʼ Ħa Jgħid: ‘Ejja!ʼ”

9, 10. Dawk li semgħu l-​istedina kif ġew mistidnin iwieġbu billi jgħidu, “Ejja!”?

9 Xi ngħidu għal dawk li jisimgħu l-​istedina “ejja”? Dawn mistidnin biex iwieġbu billi jgħidu, “Ejja!” Pereżempju, il-​ħarġa taʼ The Watchtower tal-​1 taʼ Awwissu, 1932, f’paġna 232 qalet: “Ħalli l-​midlukin jinkuraġġixxu lil dawk kollha li lesti jieħdu sehem f’li jgħidu l-​aħbar tajba tas-​saltna. M’hemmx għalfejn ikunu midlukin tal-​Mulej sabiex jiddikjaraw il-​messaġġ tal-​Mulej. Huwa taʼ faraġ kbir għax-​xhieda taʼ Ġeħova li issa jkunu jafu li huma jitħallew iġorru l-​ilmijiet tal-​ħajja lil klassi taʼ nies li tistaʼ tinħeles f’Armageddon u tingħata ħajja taʼ dejjem fuq l-​art.”

10 Meta enfasizza r-​responsabbiltà taʼ dawk li jisimgħu l-​istedina biex jgħidu “Ejja!” The Watchtower tal-​15 taʼ Awwissu, 1934, paġna 249 stqarr: “Dawk tal-​klassi taʼ Ġonadab iridu jmorru flimkien maʼ dawk li huma tal-​kumpanija taʼ Ġeħu antitipiku, jiġifieri l-​midlukin, u jħabbru l-​messaġġ tas-​saltna avolja mhumiex xhieda midlukin taʼ Ġeħova.” Fl-​1935 ġiet identifikata b’mod ċar il-​“folla kbira” li tissemma f’Rivelazzjoni 7:9-​17. Dan ta spinta kbira lix-​xogħol biex tiġi offruta l-​istedina mingħand Alla. Minn dakinhar ’l hawn numru li dejjem jiżdied tal-​folla l-​kbira taʼ aduraturi veri, li issa jammonta għal iktar minn sebaʼ miljuni, aċċettaw din l-​istedina. Wara li semgħu l-​messaġġ b’apprezzament, dawn għamlu dedikazzjoni lil Alla, tgħammdu fl-​ilma, u ngħaqdu mal-​klassi tal-​għarusa billi b’mod attiv stiednu lil oħrajn biex jiġu u ‘jieħdu l-​ilma tal-​ħajja b’xejn.’

“L-​Ispirtu” Jgħid “Ejja!”

11. Fl-​ewwel seklu E.K., l-​ispirtu qaddis kif kien involut fix-​xogħol tal-​ippritkar?

11 Meta kien qed jipprietka f’sinagoga f’Nazaret, Ġesù fetaħ ir-​romblu tal-​profeta Isaija u qara: “L-​ispirtu taʼ Ġeħova qiegħed fuqi, għax Hu dilikni biex inxandar aħbar tajba lill-​foqra, bagħatni nippriedka l-​ħelsien lill-​imjassrin u l-​għoti tad-​dawl lill-​għomja, biex neħles lill-​imgħakksin, biex nippriedka s-​sena aċċettabbli mingħand Ġeħova.” Imbagħad Ġesù applika dan il-​kliem għalih innifsu billi qal: “Illum twettqet din l-​iskrittura li għadkom kemm smajtu.” (Lq. 4:17-​21) Qabel ma telaʼ s-​sema, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Meta l-​ispirtu qaddis jiġi fuqkom tirċievu qawwa u tkunu xhieda tiegħi . . . sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.” (Atti 1:8) Fl-​ewwel seklu, l-​ispirtu qaddis kellu parti importanti fix-​xogħol tal-​ippritkar.

12. L-​ispirtu t’Alla kif inhu involut fl-​istedina li noffru fi żmienna?

12 L-​ispirtu t’Alla kif inhu involut f’li noffru istedina lin-​nies fi żmienna? Ġeħova hu s-​Sors tal-​ispirtu qaddis. Hu juża l-​ispirtu biex jiftaħ il-​qlub u l-​imħuħ tal-​membri tal-​klassi tal-​għarusa ħalli jifhmu l-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. L-​ispirtu jqanqalhom biex joffru l-​istedina u jispjegaw veritajiet Skritturali lil dawk li għandhom il-​prospett li jgħixu għal dejjem f’Ġenna tal-​art. Xi ngħidu għal dawk li jaċċettaw l-​istedina, isiru dixxipli taʼ Ġesù Kristu, u joffru l-​istedina jerġaʼ lil oħrajn? L-​ispirtu hu involut fil-​każ tagħhom ukoll. Peress li tgħammdu ‘fl-​isem taʼ l-​ispirtu qaddis,’ huma jikkooperaw mal-​ispirtu u jistrieħu fuqu biex jgħinhom. (Mt. 28:19) Aħseb ukoll dwar il-​messaġġ pritkat mill-​midlukin u mill-​folla l-​kbira li dejjem qed tiżdied. Dan il-​messaġġ ġej mill-​Bibbja—il-​ktieb miktub bil-​gwida diretta mill-​ispirtu t’Alla. B’hekk, l-​istedina tiġi offruta permezz tal-​ispirtu qaddis. Fil-​fatt, aħna niġu mmexxijin minn dan l-​ispirtu. Dan kif għandu jeffettwa l-​parteċipazzjoni tagħna fix-​xogħol li nistiednu lil oħrajn?

Huma “Jibqgħu Jgħidu: ‘Ejja!’”

13. X’inhu indikat mill-​istqarrija “l-​ispirtu u l-​għarusa jibqgħu jgħidu: ‘Ejja!’”?

13 “L-​ispirtu u l-​għarusa” ma jgħidux sempliċement “Ejja!” Il-​verb bil-​lingwa oriġinali li jintuża hawnhekk jagħtik xʼtifhem li hemm azzjoni kontinwa. It-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida tikkunsidra dan il-​fatt, u b’hekk tgħid: “L-​ispirtu u l-​għarusa jibqgħu jgħidu: ‘Ejja!’” Dan jindika li l-​istedina ssir b’mod regulari. Xi ngħidu għal dawk li jisimgħu u jaċċettaw l-​istedina? Dawn ukoll jgħidu “Ejja!” Il-​folla l-​kbira taʼ aduraturi veri hija deskritta bħala li qed ‘tagħti servizz sagru lejl u nhar fit-​tempju taʼ Ġeħova.’ (Riv. 7:9, 15) ‘Servizz lejl u nhar’ f’liema sens? (Aqra Luqa 2:36, 37; Atti 20:31; 2 Tessalonikin 3:8.) L-​eżempju tal-​profetessa Anna li kienet imdaħħla fiż-​żmien u l-​eżempju tal-​appostlu Pawlu juru li s-​‘servizz lejl u nhar’ jindika ministeru b’mod kostanti u bi sforz ħabrieki.

14, 15. Danjel kif wera l-​importanza li wieħed ikun regulari fil-​qima?

14 Anki l-​profeta Danjel wera l-​importanza li wieħed ikun regulari fil-​qima. (Aqra Danjel 6:4-​10, 16.) Hu ma biddilx ir-​rutina spiritwali tiegħu, lanqas għal xahar wieħed, għalkemm dan kien ifisser li jiġi mitfugħ fil-​ħofra tal-​iljuni. Din ir-​rutina spiritwali kienet id-​drawwa li jitlob lil Alla “tliet darbiet kuljum, . . . bħalma kien qed jagħmel regolarment.” L-​azzjonijiet tiegħu tassew urew biċ-​ċar lil dawk li osservawh li xejn mhu iktar importanti mill-​qima regulari lil Ġeħova.—Mt. 5:16.

15 Wara li Danjel kien qattaʼ lejl fil-​ħofra tal-​iljuni, is-​sultan innifsu mar hemmhekk u qal b’leħen għoli: “O Danjel, qaddej taʼ l-​Alla l-​ħaj, kellu l-​ħila jeħilsek mill-​iljuni Alla tiegħek li qed taqdi kontinwament?” Fil-​pront Danjel wieġeb: “O sultan, jalla tgħix għal dejjem. Alla tiegħi bagħat l-​anġlu tiegħu u għalaq ħalq l-​iljuni, u dawn m’għamluli xejn, ladarba jien kont misjub innoċenti quddiemu; u quddiemek ukoll, O sultan, jien m’għamilt ebda għemil taʼ ħsara.” Ġeħova bierek lil Danjel talli qeda “kontinwament.”—Dan. 6:19-​22.

16. L-​eżempju taʼ Danjel liema mistoqsijiet għandu jqanqalna nistaqsu rigward il-​parteċipazzjoni tagħna fil-​ministeru?

16 Danjel kien jippreferi jmut milli jittraskura r-​rutina spiritwali tiegħu. Xi ngħidu għalina? Liema sagrifiċċji qed nagħmlu jew lesti li nagħmlu sabiex niddikjaraw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla kontinwament? M’għandna qatt inħallu xahar jgħaddi mingħajr ma nitkellmu ma’ oħrajn dwar Ġeħova! M’għandniex aħna nistinkaw biex nieħdu sehem fil-​ministeru kull ġimgħa jekk inhu possibbli? Anki jekk aħna tassew limitati fiżikament u nistgħu nagħtu xhieda għal 15-​il minuta biss matul ix-​xahar, xorta għandna nitfgħu r-​rapport tas-​servizz. Għala? Għax flimkien mal-​ispirtu u l-​għarusa, aħna nixtiequ nibqgħu ngħidu “Ejja!” Irridu tassew nagħmlu kulma nistgħu sabiex nibqgħu pubblikaturi regulari tas-​Saltna.

17. Liema opportunitajiet biex noffru l-​istedina taʼ Ġeħova m’għandniex nitilfu?

17 Għandna nħabirku biex noffru l-​istedina taʼ Ġeħova f’kull opportunità, mhux biss fil-​ħin li nwarrbu għall-​ministeru pubbliku. Kemm hu privileġġ kbir li nistiednu lil uħud bil-​għatx biex ‘jiġu jieħdu l-​ilma tal-​ħajja b’xejn’ matul ħinijiet oħrajn bħal pereżempju meta nkunu qed nixtru, nivvjaġġaw, fuq xi vaganza, fuq ix-​xogħol, jew fl-​iskola! Anki jekk l-​awtoritajiet jipprojbixxu x-​xogħol tal-​ippritkar, aħna nkomplu nippritkaw b’mod diskret, forsi billi nħabbtu fuq xi bibien u mbagħad immorru banda oħra, jew billi nżidu fl-​għoti taʼ xhieda informali.

Ibqgħu Għidu “Ejja!”

18, 19. Kif turi li tapprezza l-​privileġġ li tkun ħaddiem sħab m’Alla?

18 L-​ispirtu u l-​għarusa ilhom iktar minn disgħin sena jgħidu “Ejja!” lil kull min hu għatxan għall-​ilma tal-​ħajja. Smajtha int l-​istedina eċċitanti tagħhom? Għalhekk, int imħeġġeġ biex toffri l-​istedina lil oħrajn.

19 Aħna ma nafux kemm se ddum miftuħa l-​istedina taʼ Ġeħova, iżda jekk naċċettawha billi ngħidu “Ejja!” insiru ħaddiema sħab m’Alla. (1 Kor. 3:6, 9) X’privileġġ kbir hu dan! Jalla nuru li napprezzaw dan il-​privileġġ u “noffru dejjem sagrifiċċju taʼ tifħir lil Alla” billi nippritkaw regolarment. (Ebr. 13:15) Flimkien mal-​klassi tal-​għarusa, ħalli dawk minna bit-​tama għall-​art nibqgħu ngħidu “Ejja!” U jalla ħafna iktar uħud ‘jieħdu l-​ilma tal-​ħajja b’xejn’!

X’Tgħallimt?

• L-​istedina “ejja” hi miftuħa għal min?

• Għala jistaʼ jingħad li l-​istedina “ejja” toriġina minn Ġeħova?

• L-​ispirtu qaddis liema parti importanti jkollu meta noffru l-​istedina “ejja”?

• Għala għandna nistinkaw biex inkunu regulari fil-​ministeru?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Tabella/Stampi f’paġna 16]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara l-pubblikazzjoni)

Ibqgħu Għidu “Ejja!”

1914

5,100 pubblikatur

1918

Ħafna wħud se jiksbu l-​ħajja f’Ġenna tal-​art

1922

“Irreklamaw, irreklamaw, irreklamaw, lis-​Sultan u lis-​saltna tiegħu”

1929

Il-​fdal leali jgħid “Ejja!”

1932

L-​istedina biex ngħidu “Ejja!” mhix miftuħa għall-​midlukin biss

1934

Il-​klassi taʼ Ġonadab hi mistiedna biex tipprietka

1935

Il-​“folla kbira” hija identifikata

2009

7,313,173 pubblikatur