Tifla Ċkejkna b’Qalb Kbira
REĊENTEMENT, tifla taʼ disaʼ snin mill-Brażil, minn jeddha qasmet fi tnejn il-flus li kienet ġemmgħet—18-il dollaru u 25 dollaru. Poġġiet l-iżgħar ammont fil-kaxxa tal-kontribuzzjonijiet fis-Sala tas-Saltna lokali biex tgħin fl-ispejjeż tal-kongregazzjoni. Imbagħad bagħtet l-akbar ammont lill-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova flimkien m’ittra qasira. L-ittra tagħha qalet: “Irrid nagħmel din id-donazzjoni lix-xogħol taʼ madwar id-dinja. Ix-xewqa tiegħi hi li ngħin ħafna aħwa madwar id-dinja sabiex jippritkaw l-aħbar tajba. Qed nibgħatha b’affezzjoni u mħabba kbira għal Ġeħova.”
Il-ġenituri taʼ din it-tifla ċkejkna għallmuha l-importanza taʼ li tieħu sehem personalment fix-xogħol tax-xandir tas-Saltna. Huma enfasizzaw ukoll l-importanza tal-bżonn li ‘tonora lil Ġeħova bl-affarijiet prezzjużi tagħha.’ (Prov. 3:9) Bħal din it-tifla ċkejkna, jalla lkoll kemm aħna nieħdu sehem b’mod żeluż f’li nippromwovu l-interessi tas-Saltna kemm lokalment kif ukoll mad-dinja kollha!