Tejjeb il-Kwalità tat-Talb Tiegħek Permezz taʼ Studju tal-Bibbja
“Ah! Ġeħova, jekk jogħġbok, ħa jkunu widnejk attenti għat-talba tal-qaddej tiegħek.”—NEĦ. 1:11.
1, 2. Għala se jkun taʼ benefiċċju li tikkunsidra xi talb li hu miktub fil-Bibbja?
TALB u studju tal-Bibbja huma fatturi essenzjali tal-qima vera. (1 Tess. 5:17; 2 Tim. 3:16, 17) M’għandniex xi ngħidu, il-Bibbja mhijiex ktieb tat-talb. Madankollu, fiha ħafna talb, inkluż ħafna li nsibu fil-ktieb tas-Salm.
2 Hekk kif taqra u tistudja l-Bibbja, int x’aktarx li se ssib talb li jaqbel mas-sitwazzjonijiet li tiltaqaʼ magħhom. Fil-fatt, meta tuża espressjonijiet li huma miktubin fl-Iskrittura, ittejjeb il-kwalità tat-talb tiegħek. X’tistaʼ titgħallem minn dawk li t-talb tagħhom għall-għajnuna ġie mwieġeb u minn dak li qalu fit-talb tagħhom?
Fittex u Segwi l-Gwida t’Alla
3, 4. X’kien l-inkarigu tal-qaddej t’Abraham, u x’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Ġeħova mexxa l-affarijiet?
3 L-istudju tal-Bibbja jagħmilha evidenti li għandek dejjem titlob għall-gwida t’Alla. Ikkunsidra x’ġara meta l-patrijarka Abraham bagħat lill-ixjeħ qaddej tiegħu—x’aktarx lil Eligħeżer—lejn il-Mesopotamja biex isib mara li tibżaʼ minn Alla għal Iżakk. Hekk kif in-nisa bdew itellgħu l-ilma minn bir, il-qaddej talab: “Ġeħova . . . , dak li jrid iseħħ hu li ż-żagħżugħa li ngħidilha, ‘Jekk jogħġbok, niżżel il-ġarra taʼ l-ilma biex nixrob,’ u li tgħidli, ‘Ixrob int, u jien nisqi wkoll lill-iġmla tiegħek,’ tkun hi dik li int għażilt għall-qaddej tiegħek, għal Iżakk; u b’dan inkun naf li int urejt imħabba leali maʼ sidi.”—Ġen. 24:11-14.
4 It-talba tal-qaddej t’Abraham ġiet imwieġba meta Rebekka sqiet l-iġmla tiegħu. Hi ma damitx ma marret miegħu lejn Kangħan u saret il-mara maħbuba t’Iżakk. M’għandniex xi ngħidu, ma tistax tistenna li Alla jagħtik sinjal speċjali. Madankollu, hu se jiggwidak fil-ħajja jekk titlob u tkun determinat li tiġi mmexxi mill-ispirtu tiegħu.—Gal. 5:18.
It-Talb Jgħinna Nnaqqsu l-Ansjetà
5, 6. X’jispikka fit-talba li Ġakobb għamel meta kien se jiltaqaʼ m’Għesaw?
5 It-talb jistaʼ jnaqqas l-ansjetà. Meta beżaʼ li Għesaw, ħuh it-tewmi, kien se jagħmillu l-ħsara, Ġakobb talab: “O Ġeħova, . . . jien ma jistħoqqulix il-qalb tajba bl-imħabba kollha u l-fedeltà kollha li int urejt mal-qaddej tiegħek, . . . Eħlisni, nitolbok, minn id ħija, minn id Għesaw, għax qed nibżaʼ minnu, li jiġi u żgur jattakka lili u ’l omm flimkien mat-tfal. U int, int għedt, ‘Bla dubju jien nittrattak tajjeb u nagħmel lil nislek bħar-ramel tal-baħar, li ma jistax jingħadd daqskemm hu kotran.’”—Ġen. 32:9-12.
6 Għalkemm Ġakobb ħa prekawzjoni, it-talb tiegħu ġie mwieġeb meta hu u Għesaw irranġaw id-differenzi taʼ bejniethom. (Ġen. 33:1-4) Aqra din il-petizzjoni bir-reqqa, u se tinduna li Ġakobb mhux sempliċement talab għall-għajnuna. Hu esprima fidi fin-Nisel imwiegħed u gratitudni għall-qalb tajba bl-imħabba t’Alla. Ikollok int “biżaʼ ġewwa” fik? (2 Kor. 7:5) Jekk inhu hekk, it-talba ħerqana taʼ Ġakobb forsi tfakkrek li t-talb jistaʼ jnaqqas l-ansjetà. Madankollu, it-talb m’għandux ikun fih rikjesti biss, imma wkoll espressjonijiet taʼ fidi.
Itlob għall-Għerf
7. Mosè għala talab għall-għarfien dwar il-mogħdijiet taʼ Ġeħova?
7 Xewqa li togħġob lil Ġeħova għandha tqanqlek biex titlob għall-għerf. Mosè talab għall-għarfien dwar il-mogħdijiet t’Alla. “Ara,” hu talab, “int [Ġeħova] qed tgħidli, ‘Tellaʼ lil dan il-poplu [mill-Eġittu]’ . . . U issa, jekk jogħġbok, jekk jien approvat f’għajnejk, ġegħelni nkun naf, jekk jogħġbok, il-mogħdijiet tiegħek, . . . sabiex inkun approvat f’għajnejk.” (Eżo. 33:12, 13) Bi tweġiba, Alla ta lil Mosè iktar għarfien dwar mogħdijietu—xi ħaġa bżonnjuża jekk kien se jieħu t-tmexxija fost il-poplu taʼ Ġeħova.
8. Kif tistaʼ tibbenefika jekk timmedita fuq l-1 Slaten 3:7-14?
8 David talab ukoll: “Għarrafni triqatek, O Ġeħova.” (Salm 25:4) Salamun, bin David, talab bil-ħerqa lil Alla għall-għarfien meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet taʼ sultan f’Israel. It-talba taʼ Salamun għoġbot lil Ġeħova, li mhux biss tah dak li talbu imma wkoll rikkezzi u glorja. (Aqra l-1 Slaten 3:7-14.) Jekk tirċievi xi privileġġi taʼ servizz li jidhru kbar wisq biex twettaqhom, itlob għall-għerf u uri spirtu umli. Imbagħad, Alla se jgħinek tikseb l-għarfien u jgħinek taġixxi bl-għerf meħtieġ biex tieħu ħsieb ir-responsabbiltajiet tiegħek b’mod xieraq u bi mħabba.
Itlob mill-Qalb
9, 10. Xi ssib sinifikanti dwar ir-referenzi għall-qalb fit-talba taʼ Salamun għall-inawgurazzjoni tat-tempju?
9 Biex jinstemaʼ, it-talb għandu jiġi mill-qalb. Salamun offra talba mill-qalb, li hi miktuba fl-1 Slaten kapitlu 8, quddiem folol taʼ nies li nġemgħu f’Ġerusalemm għall-inawgurazzjoni tat-tempju taʼ Ġeħova fis-sena 1026 Q.E.K. Wara li l-arka tal-patt tqiegħdet fl-Iktar Qaddis u s-sħaba taʼ Ġeħova mliet it-tempju, Salamun faħħar lil Alla.
10 Studja t-talba taʼ Salamun, u nnota r-referenzi għall-qalb li hemm fiha. Salamun għaraf li Ġeħova biss jaf il-qalb taʼ persuna. (1 Slat. 8:38, 39) L-istess talba turi li hemm tama għal midneb li ‘jerġaʼ lura lejn Alla b’qalbu kollha.’ Jekk xi għadu kien jieħu fil-jasar in-nies t’Alla, it-talb tagħhom kellu jinstemaʼ jekk qalbhom kienet sħiħa maʼ Ġeħova. (1 Slat. 8:48, 58, 61) Mela, ċertament li t-talb tiegħek għandu jiġi mill-qalb.
Kif is-Salmi Jistgħu Jtejbu t-Talb Tiegħek
11, 12. X’tgħallimt mit-talba taʼ ċertu Levita li għal xi żmien ma setax imur fis-santwarju t’Alla?
11 Il-fatt li tistudja s-Salmi jistaʼ jtejjeb il-kwalità tat-talb tiegħek u jgħinek tistenna lil Ġeħova jwieġbu. Ikkunsidra s-sabar taʼ Levita eżiljat. Għalkemm ma setax imur fis-santwarju taʼ Ġeħova għal xi żmien, hu kanta: “Għala int iddisprata, O ruħi, u għala tagħmel storbju ġewwa fija? Stenna lil Alla, għax jien għad irrid infaħħru bħala s-salvazzjoni grandjuża tiegħi u bħala Alla tiegħi.”—Salm 42:5, 11; 43:5.
12 X’tistaʼ titgħallem minn dan il-Levita? Jekk teħel ħabs minħabba s-sewwa u dan iżommok lura milli tkun maʼ sħabek fit-twemmin fil-post taʼ qima tagħhom għal xi żmien, stenna bil-paċenzja lil Alla biex jaġixxi għan-nom tiegħek. (Salm 37:5) Immedita fuq il-ferħ li gawdejt fis-servizz t’Alla fil-passat, u itlob għas-sabar waqt li ‘tistenna lil Alla’ biex jerġaʼ jgħinek tissieħeb b’mod attiv mal-poplu tiegħu.
Itlob bil-Fidi
13. Fi qbil maʼ Ġakbu 1:5-8, għala għandek titlob bil-fidi?
13 Huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tiegħek, dejjem itlob bil-fidi. Jekk qed tiffaċċja prova t’integrità, segwi l-parir tad-dixxiplu Ġakbu. Dur lejn Ġeħova bit-talb, u tiddubitax li hu jistaʼ jagħtik l-għerf meħtieġ biex tkampa mal-prova tiegħek. (Aqra Ġakbu 1:5-8.) Alla hu konxju tal-provi tiegħek, u hu jistaʼ jiggwidak u jfarrġek permezz tal-ispirtu tiegħu. Iftaħ qalbek miegħu b’fidi sħiħa, ‘bla ma tiddubita xejn,’ u aċċetta l-gwida tal-ispirtu tiegħu u l-pariri tal-Kelma tiegħu.
14, 15. Għala jistaʼ jingħad li Ħanna talbet u aġixxiet bil-fidi?
14 Ħanna, waħda miż-żewġ nisa t’Elkana l-Levita, talbet u aġixxiet bil-fidi. Ħanna ma kellhiex tfal u kienet tiġi mgħajra mill-mara l-oħra, Peninna, li kellha t-tfal. Fit-tabernaklu, Ħanna wiegħdet li jekk ikollha tifel, kienet se tagħtih lil Ġeħova. Minħabba li xofftejha kienu qed jitħarrku waqt li kienet qed titlob, il-Qassis il-Kbir Għeli ħaseb li kienet fis-sakra. Meta sar jaf li ma kienx hekk, hu qal: “Jalla l-Alla taʼ Israel jismaʼ t-talba tiegħek.” Għalkemm Ħanna ma kinitx taf eżattament x’kien se jkun ir-riżultat, hi kellha fidi li t-talba tagħha kienet se tiġi mwieġba. Għalhekk, “wiċċha ma baqax jidher imħasseb bħal qabel.” Hi ma baqgħetx imdejqa jew qalba sewda.—1 Sam. 1:9-18.
15 Wara li Samwel twieled u nfatam, Ħanna ppreżentatu lil Ġeħova għal servizz sagru fit-tabernaklu. (1 Sam. 1:19-28) Il-fatt li tieħu l-ħin biex timmedita fuq it-talba tagħha f’dik l-okkażjoni jistaʼ jgħinek ittejjeb it-talb tiegħek u jgħinek tara li saħansitra d-dwejjaq minħabba problema inkwetanti jistaʼ jingħeleb jekk titlob b’fiduċja li Ġeħova se jwieġbek.—1 Sam. 2:1-10.
16, 17. X’ġara minħabba li Neħemija talab u aġixxa bil-fidi?
16 Ir-raġel rett Neħemija li għex fil-ħames seklu Q.E.K. talab u aġixxa bil-fidi. Hu talab: “Ah! Ġeħova, jekk jogħġbok, ħa jkunu widnejk attenti għat-talba tal-qaddej tiegħek u għat-talba tal-qaddejja tiegħek li jitgħaxxqu jibżgħu minn ismek; u, jekk jogħġbok, għin lill-qaddej tiegħek jirnexxi llum u agħmel li dan ir-raġel jitħassru.” Min kien “dan ir-raġel”? Kien is-Sultan Artaserse tal-Persja, li Neħemija kien jaqdi bħala l-kuppier tiegħu.—Neħ. 1:11.
17 Neħemija talab bil-fidi għal ġranet sħaħ wara li sar jaf li l-Lhud li ġew meħlusin mill-jasar taʼ Babilonja kienu “fi stat imwiegħer ferm u [kienu] qed jiġu mżebilħin; u s-sur taʼ Ġerusalemm [kien] imġarraf.” (Neħ. 1:3, 4) It-talb taʼ Neħemija ġie mwieġeb iktar milli stenna meta s-Sultan Artaserse ħallieh imur Ġerusalemm biex jibni s-sur mill-ġdid. (Neħ. 2:1-8) Fi żmien qasir is-sur ġie rranġat. It-talb taʼ Neħemija ġie mwieġeb minħabba li kien jiffoka fuq il-qima vera u kien offrut bil-fidi. It-talb tiegħek huwa hekk?
Ftakar fit-Tifħir u r-Radd il-Ħajr
18, 19. Qaddej taʼ Ġeħova liema raġunijiet għandu biex ifaħħru u jirringrazzjah?
18 Fit-talb, ftakar li għandek tfaħħar u tirringrazzja lil Ġeħova. Hemm ħafna raġunijiet għala għandna nagħmlu dan! Pereżempju, David kien ħerqan biex ifaħħar is-saltna taʼ Ġeħova. (Aqra Salm 145:10-13.) It-talb tiegħek juri li tapprezza l-privileġġ li tħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova? Kliem is-salmista għandu mnejn jgħinek ukoll biex tesprimi f’talb mill-qalb lil Alla l-gratitudni tiegħek għal-laqgħat, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet Kristjani.—Salm 27:4; 122:1.
19 Gratitudni għar-relazzjoni prezzjuża tiegħek m’Alla għandha mnejn tqanqlek biex titlob mill-qalb bi ħsibijiet bħal dawn: “Se nfaħħrek fost il-popli, O Ġeħova; ngħannilek fost il-ġnus. Għax il-qalb tajba bl-imħabba tiegħek hija kbira sas-smewwiet, u l-verità tiegħek sas-sema. Ħa titgħolla ’l fuq mis-smewwiet, O Alla; ħa tkun il-glorja tiegħek ’il fuq mill-art kollha.” (Salm 57:9-11) Xi ħsibijiet inkuraġġanti! Ma taqbilx li kliem li jqanqal bħal dan mis-Salmi jistaʼ jeffettwa u jtejjeb it-talb tiegħek?
Itlob lil Alla b’Rispett Kbir
20. Marija kif esprimiet id-devozzjoni tagħha lejn Alla?
20 Rispett kbir għal Alla għandu jkun evidenti fit-talb tiegħek. Il-kliem kollu rispett taʼ Marija li qalet ftit wara li saret taf li kienet se tkun omm il-Messija kien simili għal dak taʼ Ħanna meta kienet qed tippreżenta liċ-ċkejken Samwel għal servizz fit-tabernaklu. Ir-rispett kbir taʼ Marija għal Alla jidher ovvju mill-kliem tagħha: “Ruħi tfaħħar bil-kbir lil Ġeħova, u l-ispirtu tiegħi ma jistax ma jithenniex b’Alla s-Salvatur tiegħi.” (Lq. 1:46, 47) Tistaʼ ssebbaħ it-talb tiegħek billi tesprimi sentimenti simili? Mhux taʼ b’xejn li Marija, li kienet tant devota, ġiet magħżula biex tkun omm Ġesù l-Messija!
21. It-talb taʼ Ġesù kif jagħti evidenza taʼ rispett kbir u fidi?
21 Ġesù talab b’rispett kbir u b’fiduċja sħiħa. Pereżempju, qabel ma rxoxta lil Lazzru, “Ġesù refaʼ għajnejh lejn is-sema u qal: ‘Missier, nirringrazzjak li smajtni. Veru, kont naf li dejjem tismagħni.’” (Ġw. 11:41, 42) It-talb tiegħek jagħti evidenza taʼ rispett kbir u fidi bħal dawn? Studja t-talba mudell li Ġesù qal b’rispett kbir, u se tara li l-aspetti sinifikanti partikulari tagħha huma li jitqaddes l-isem taʼ Ġeħova, li tiġi Saltnatu, u li titwettaq ir-rieda tiegħu. (Mt. 6:9, 10) Aħseb dwar it-talb tiegħek stess. Jirrifletti interess kbir fis-Saltna taʼ Ġeħova, f’li tagħmel ir-rieda tiegħu, u f’li tqaddes lil ismu qaddis? Hekk suppost.
22. Għala tistaʼ tkun żgur li Ġeħova se jagħtik il-kuraġġ biex ixxandar l-aħbar tajba?
22 Minħabba persekuzzjoni jew provi oħrajn, spiss it-talb jinkludi petizzjonijiet għall-għajnuna biex taqdi lil Ġeħova bil-kuraġġ. Meta s-Sinedriju ordna lil Pietru u lil Ġwanni biex ‘ma jgħallmux f’isem Ġesù,’ dawn l-appostli bil-kuraġġ irrifjutaw li jieqfu. (Atti 4:18-20) Wara li ġew meħlusin, huma qalu lil sħabhom fit-twemmin x’kien ġara. Imbagħad, dawk kollha preżenti talbu bil-ħerqa lil Alla għall-għajnuna biex jitkellmu l-kelma tiegħu bil-qlubija. Min jaf kemm kien hemm eċċitament meta dik it-talba ġiet imwieġba, għax huma “mtlew bl-ispirtu qaddis u bdew ixandru l-kelma t’Alla bil-qlubija”! (Aqra Atti 4:24-31.) B’riżultat taʼ dan, kotriet sħaħ saru aduraturi taʼ Ġeħova. It-talb jistaʼ jsaħħaħ lilek ukoll biex ixxandar l-aħbar tajba bil-qlubija.
Kompli Tejjeb it-Talb Tiegħek
23, 24. (a) Semmi eżempji oħrajn li juru kif studju tal-Bibbja jistaʼ jtejjeb it-talb tiegħek. (b) X’se tagħmel int biex ittejjeb il-kwalità tat-talb tiegħek?
23 Jistgħu jiġu msemmijin ħafna iktar eżempji biex juru li l-qari u l-istudju tal-Bibbja jistgħu jtejbu t-talb tiegħek. Pereżempju, bħal Ġona, fit-talb tistaʼ tirrikonoxxi li “s-salvazzjoni hi taʼ Ġeħova.” (Ġona 2:1-10) Jekk int imnikket minħabba dnub serju u fittixt l-għajnuna mingħand l-anzjani, is-sentimenti taʼ David li esprima fis-salmi forsi jgħinuk tesprimi l-indiema tiegħek f’talb persunali. (Salm 51:1-12) F’ċertu talb, tistaʼ tfaħħar lil Ġeħova bħalma għamel Ġeremija. (Ġer. 32:16-19) Jekk qed tfittex sieħeb jew sieħba għaż-żwieġ, studju tat-talba li nsibu f’Esdra kapitlu 9, flimkien maʼ talb persunali mill-qalb, jistaʼ jsaħħaħ id-determinazzjoni tiegħek biex tobdi lil Alla billi ‘tiżżewweġ biss fil-Mulej.’—1 Kor. 7:39; Esd. 9:6, 10-15.
24 Ibqaʼ aqra, studja, u fittex fil-Bibbja. Fittex punti li tistaʼ tinkludi fit-talb tiegħek. Int forsi tkun tistaʼ tuża punti bħal dawn fis-suppliki u fit-talb tiegħek taʼ ringrazzjament u tifħir. Żgur li se tersaq saħansitra eqreb lejn Alla Ġeħova hekk kif ittejjeb il-kwalità tat-talb tiegħek permezz taʼ studju tal-Bibbja.
Int Kif Twieġeb?
• Għala għandna nfittxu u nsegwu l-gwida t’Alla?
• X’għandu jqanqalna biex nitolbu għall-għerf?
• Il-ktieb tas-Salm kif jistaʼ jtejjeb it-talb tagħna?
• Għala għandna nitolbu bil-fidi u b’rispett kbir?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 8]
Il-qaddej t’Abraham talab għall-gwida t’Alla. Int hekk tagħmel?
[Stampa f’paġna 10]
Il-Qima tal-Familja tistaʼ ttejjeb il-kwalità tat-talb tiegħek