Jinstabu Teżori Moħbijin
QATT sibt teżor moħbi f’post li ma stennejtx li se ssibu? Hekk ġralu Ivo Laud, wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Estonja, fis-27 taʼ Marzu, 2005. Hu kien qed jgħin lil Alma Vardja, Xhud imdaħħla fiż-żmien, twaqqaʼ kamra żgħira fil-ġnien. Hekk kif neħħew il-ħajt taʼ barra nnotaw tavla li kienet qed tgħatti naħa waħda taʼ pilastru. Meta neħħew it-tavla sabu xaqq wiesaʼ madwar 10 ċentimetri, twil 1.2 metru, u fond 10 ċentimetri, mgħotti b’biċċa injama pariġġ. (1) Moħba b’teżori! X’kienu dawn it-teżori? Min ħbiehom hemm?
Fil-moħba kien hemm diversi pakketti mgeżwrin b’attenzjoni f’karta ħoxna. (2) Il-pakketti kien fihom letteratura tax-Xhieda taʼ Ġeħova, il-biċċa l-kbira kienu
artikli għall-istudju tat-Torri tal-Għassa, fosthom xi ftit mis-sena 1947. (3) Dawn kienu miktubin bl-idejn b’attenzjoni bil-lingwa Estonjana. Xi ftit mill-pakketti kien fihom indikazzjonijiet dwar min kien ħeba l-letteratura hemmhekk. Dawn kienu dokumenti t’interrogazzjonijiet taʼ Villem Vardja, ir-raġel t’Alma. Ukoll, fost l-affarijiet li nstabu kien hemm informazzjoni dwar is-snin li qattaʼ l-ħabs. Għala kien ġie mitfugħ il-ħabs?Villem Vardja kellu responsabbiltajiet fost ix-Xhieda fil-Kongregazzjoni taʼ Tartu u iktar tard fil-Kongregazzjoni t’Otepää fl-Estonja, li kienet parti mir-Repubbliki Sovjeti Soċjalisti. Milli jidher, hu tgħallem il-verità tal-Bibbja xi żmien qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Ftit snin wara, fl-24 taʼ Diċembru, 1948, ir-reġim Komunist arresta lil Ħuna Vardja minħabba l-attivitajiet reliġjużi tiegħu. Hu ġie interrogat u trattat ħażin mill-pulizija sigrieta hekk kif ipprovaw jisforzawh biex jagħtihom l-ismijiet taʼ sħabu fit-twemmin. Wara li ma tħalliex jiddefendi lilu nnifsu fil-qorti, hu ġie sentenzjat għal għaxar snin ħabs f’kampijiet Russi.
Villem Vardja ta prova tal-lealtà tiegħu lejn Ġeħova sa ma miet fis-6 taʼ Marzu, 1990. Martu ma kinitx taf li kienet teżisti din il-ħażna taʼ letteratura. Milli jidher, hu ried jipproteġiha f’każ li tiġi interrogata. Għala kellu jaħbi l-letteratura? Hu ħbieha minħabba li l-Kumitat tas-Sigurtà tal-Istat Sovjetiku, il-KGB, spiss u mingħajr mistenni kien ifittex fid-djar tax-Xhieda taʼ Ġeħova biex jara jsibx pubblikazzjonijiet reliġjużi. X’aktarx li Ħuna Vardja ħeba l-letteratura biex ikun żgur li jkun hemm provvista t’ikel spiritwali disponibbli għal sħabu fit-twemmin f’każ li jittieħed kollox mill-KGB. Provisti moħbijin oħrajn taʼ letteratura kienu nstabu qabel, fis-sajf tal-1990. Waħda minnhom instabet f’Tartu, fin-Nofsinhar tal-Estonja. Din ukoll kienet inħbiet minn Villem Vardja.
Għala nsejħulhom teżori dawn id-dokumenti? Għaliex dawn il-kopji li ġew miktubin bir-reqqa u moħbijin b’attenzjoni juru kemm ix-Xhieda kienu japprezzaw l-ikel spiritwali li kien disponibbli dak iż-żmien. (Mt. 24:45) Tapprezzahom int il-provvedimenti spiritwali li issa tistaʼ tirċievi fil-lokalità tiegħek? Fosthom hemm It-Torri tal-Għassa bl-Estonjan u b’iktar minn 170 lingwa oħra.