Ħajja Taʼ Dejjem fuq l-Art—Tama Mingħand Alla
“Il-ħolqien kien suġġettat għall-frugħa . . . bit-tama.”—RUM. 8:20.
1, 2. (a) It-tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-art għala hija importanti għalina? (b) Ħafna nies għala huma xettiċi dwar il-ħajja taʼ dejjem fuq l-art?
GĦANDEK mnejn tiftakar il-ferħ li ħassejt meta tgħallimt għall-ewwel darba li fil-futur qarib, in-nies mhux se jibqgħu jixjieħu u jmutu imma se jgħixu għal dejjem fuq l-art. (Ġw. 17:3; Riv. 21:3, 4) X’aktarx li ħadt pjaċir taqsam din it-tama Skritturali m’oħrajn. Wara kollox, it-tama taʼ ħajja taʼ dejjem hija aspett essenzjali tal-aħbar tajba li nippritkaw. Teffettwa l-attitudni tagħna lejn il-ħajja.
2 Il-biċċa l-kbira mir-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu injoraw it-tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-art. Filwaqt li l-Bibbja tgħallem li r-ruħ tmut, il-maġġuranza mill-knejjes jgħallmu d-duttrina mhix Skritturali li l-bniedem għandu ruħ immortali li tibqaʼ ħajja wara l-mewt u li tgħix fil-qasam tal-ispirti. (Eżek. 18:20) Għalhekk, ħafna nies huma xettiċi dwar il-ħajja taʼ dejjem fuq l-art. Allura forsi nistaqsu: Il-Bibbja tappoġġaha verament din it-tama? Jekk iva, Alla meta rrivelaha għall-ewwel darba lill-bnedmin?
“Suġġettat għall-Frugħa . . . bit-Tama”
3. L-iskop t’Alla għall-bniedem kif deher ċar mill-bidu tal-istorja umana?
3 L-iskop taʼ Ġeħova għall-umanità sar evidenti fil-bidu nett tal-istorja tal-bniedem. Alla wera biċ-ċar li Adam kien se jgħix għal dejjem li kieku baqaʼ ubbidjenti. (Ġen. 2:9, 17; 3:22) Id-dixxendenti tal-bidu t’Adam bla dubju tgħallmu dwar kif il-bniedem tilef il-perfezzjoni, u dan kien konfermat minn evidenza viżibbli. Ħadd ma setaʼ jidħol fil-ġnien tal-Għeden, u n-nies xjaħu u mietu. (Ġen. 3:23, 24) Maż-żmien, il-bnedmin bdew jgħixu inqas. Adam għex 930 sena. Sem, li salva mid-Dilluvju, għex biss 600 sena, u ibnu Arfaksad 438 sena. Teraħ, missier Abraham, għex 205 snin. Abraham għex 175 sena, ibnu Iżakk 180 sena, u Ġakobb 147 sena. (Ġen. 5:5; 11:10-13, 32; 25:7; 35:28; 47:28) Ħafna nies żgur indunaw x’kien ifisser dan it-tnaqqis—il-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem kien intilef! Kellhom xi raġuni biex jittamaw li l-ħajja taʼ dejjem setgħet terġaʼ tinkiseb?
4. L-irġiel leali tal-qedem x’bażi kellhom biex jemmnu li Alla kien se jerġaʼ jġib il-barkiet li kien tilef Adam?
4 Il-Kelma t’Alla tgħid: “Il-ħolqien [uman] kien suġġettat għall-frugħa . . . bit-tama.” (Rum. 8:20) Liema tama? L-ewwel profezija tal-Bibbja ppontat lejn ‘nisel’ li kien se ‘jisħaq lis-serp f’rasu.’ (Aqra Ġenesi 3:1-5, 15.) Għall-bnedmin leali, il-wegħda taʼ dan in-Nisel tathom bażi biex jittamaw li Alla ma kienx se jabbanduna l-iskop tiegħu għall-umanità. Lil irġiel bħal Abel u Noè tathom raġuni biex jemmnu li Alla kien se jerġaʼ jġib il-barkiet li kien tilef Adam. Dawn l-irġiel forsi għarfu li t-‘tisħiq f’għarqub in-nisel’ kien se jinvolvi t-tixrid taʼ demm.—Ġen. 4:4; 8:20; Ebr. 11:4.
5. X’juri li Abraham kellu fidi fl-irxoxt?
5 Ikkunsidra lil Abraham. Meta kien għaddej minn prova, Abraham “kważi offra lil Iżakk, . . . lill-iben uniġenitu tiegħu.” (Ebr. 11:17) Għala kien lest li jagħmel dan? (Aqra Ebrej 11:19.) Għax kien jemmen fl-irxoxt! Abraham kellu bażi għat-twemmin tiegħu fl-irxoxt. Wara kollox, Ġeħova kien irrestawra l-qawwiet riproduttivi t’Abraham u kien għamilha possibbli biex hu u martu Sara jkollhom tifel fi xjuħithom. (Ġen. 18:10-14; 21:1-3; Rum. 4:19-21) Ġeħova kien ukoll ta kelmtu lil Abraham. Alla kien qallu: “Hu permezz taʼ Iżakk li se jiġi dak li jissejjaħ nislek.” (Ġen. 21:12) Għalhekk, Abraham kellu raġuni soda biex jistenna li Alla kien se jirxoxta lil Iżakk.
6, 7. (a) Ġeħova liema patt għamel m’Abraham? (b) Il-wegħda taʼ Ġeħova lil Abraham kif tat tama lill-umanità?
6 Minħabba l-fidi li tispikka t’Abraham, Ġeħova għamel patt miegħu rigward ‘nislu.’ (Aqra Ġenesi 22:18.) Maż-żmien ġie rivelat li Ġesù Kristu kien il-parti primarja tan-‘nisel.’ (Gal. 3:16) Ġeħova kien qal lil Abraham li ‘nislu’ kellu jitkattar “bħall-kwiekeb tas-smewwiet u bħar-ramel li hemm f’xatt il-baħar”—numru li Abraham ma kienx jafu. (Ġen. 22:17) Madankollu, iktar tard dan in-numru ġie rivelat. Ġesù Kristu u l-144,000, li se jaħkmu miegħu f’Saltnatu, jifformaw dan in-“nisel.” (Gal. 3:29; Riv. 7:4; 14:1) Is-Saltna Messjanika hija l-mezz li bih “il-ġnus kollha taʼ l-art se jitbierku.”
7 Ma jistax ikun li Abraham fehem is-sinifikat sħiħ tal-patt li Ġeħova għamel miegħu. Minkejja dan, il-Bibbja tgħid li “kien qed jistenna l-belt li għandha sisien taʼ veru.” (Ebr. 11:10) Din il-belt hija s-Saltna t’Alla. Sabiex jirċievi barkiet taħt din is-Saltna, Abraham se jkollu jgħix mill-ġdid. Għalih, il-ħajja taʼ dejjem fuq l-art se tkun possibbli permezz tal-irxoxt. U l-ħajja eterna se tkun possibbli għal dawk li jgħaddu ħajjin minn Armageddon jew għal dawk li se jiġu rxoxtati mill-mewt.—Riv. 7:9, 14; 20:12-14.
“L-Ispirtu Għamel Pressjoni Fuqi”
8, 9. Il-ktieb taʼ Ġob għala mhuwiex biss rakkont dwar il-provi taʼ wieħed raġel?
8 Matul il-perijodu taʼ żmien bejn il-ħajja taʼ Ġużeppi, li bużnannuh kien Abraham, u dik tal-profeta Mosè, kien jgħix raġel jismu Ġob. Il-ktieb Bibliku taʼ Ġob, li x’aktarx inkiteb minn Mosè, jispjega għala Ġeħova ppermetta lil Ġob ibati u kif żvolġiet il-kwistjoni għalih. Madankollu, il-ktieb taʼ Ġob mhuwiex biss rakkont dwar il-provi taʼ wieħed raġel; jiffoka fuq kwistjonijiet li huma t’importanza universali. Il-ktieb jixħet dawl fuq il-fatt li Ġeħova jaħkem bil-ġustizzja, u juri li l-integrità u l-prospetti tal-ħajja tal-qaddejja t’Alla kollha fuq l-art huma involuti fil-kwistjoni li qamet fl-Għeden. Għalkemm Ġob ma fehemx din il-kwistjoni, ma ħalliex lit-tlett iħbieb tiegħu jġegħluh jaħseb li ma kienx żamm l-integrità tiegħu. (Ġob 27:5) Dan għandu jsaħħaħ il-fidi tagħna u jgħinna nirrealizzaw li nistgħu nżommu l-integrità tagħna u nappoġġaw is-sovranità taʼ Ġeħova.
9 Wara li t-tliet hekk imsejħin farraġa taʼ Ġob spiċċaw jitkellmu, “Eliħu, bin Barakel il-Bużi, wieġeb.” X’qanqlu jitkellem? “Jien mimli kliem,” qal hu. “L-ispirtu għamel pressjoni fuqi f’żaqqi.” (Ġob 32:5, 6, 18) Għalkemm dak li qal Eliħu taħt ispirazzjoni twettaq meta l-provi taʼ Ġob spiċċaw, kliemu għandu tifsir għal oħrajn ukoll. Dan joffri tama għal dawk kollha li jżommu l-integrità.
10. X’juri li l-messaġġ li Ġeħova jagħti lil xi individwu kultant ikollu applikazzjoni akbar għall-umanità inġenerali?
10 Ġeħova kultant jagħti messaġġ lil xi individwu li jkollu wkoll applikazzjoni akbar għall-umanità inġenerali. Dan nistgħu narawh mill-profezija taʼ Danjel li tinvolvi l-ħolma tas-Sultan Babiloniż Nebukadnessar dwar it-tqaċċit taʼ siġra kbira ħafna. (Dan. 4:10-27) Filwaqt li din il-ħolma kellha twettiq b’konnessjoni maʼ Nebukadnessar, ippontat lejn xi ħaġa ferm akbar. Din indikat li l-ħakma t’Alla għal fuq l-art rappreżentata minn saltna fil-linja tas-Sultan David kellha terġaʼ tidher wara perijodu taʼ 2,520 sena, li beda mis-sena 607 Q.E.K. a Il-ħakma t’Alla għal fuq il-globu tagħna ntweriet mill-ġdid meta Ġesù Kristu ġie maħtur bħala s-Sultan tas-sema fis-sena 1914. Aħseb ftit dwar kif il-ħakma tas-Saltna dalwaqt se twettaq it-tamiet tal-umanità ubbidjenti!
“Eħilsu Biex Ma Jinżilx fil-Ħofra!”
11. Kliem Eliħu x’indika dwar Alla?
11 Fit-tweġiba tiegħu lil Ġob, Eliħu jitkellem dwar ‘messaġġier, kelliemi, wieħed minn elf, biex jgħid lill-bniedem kemm hu rett.’ Xi ngħidu jekk dan il-messaġġier “jitlob bil-ħrara lil Alla biex jieħu gost bih”? Eliħu jgħid: “Imbagħad [Alla] jurih ħniena u jgħid, ‘Eħilsu biex ma jinżilx fil-ħofra! Jien sibt fidwa! Ħa jsir laħmu iktar frisk milli fiż-żgħożija; ħa jmur lura lejn il-jiem mimlijin enerġija taż-żgħożija.’” (Ġob 33:23-26) Dan il-kliem indika kemm Alla kien lest jaċċetta “fidwa,” jew tpattija, għan-nom taʼ bnedmin li nidmu.—Ġob 33:24.
12. Kliem Eliħu jipprovdi liema tama għall-umanità inġenerali?
12 Eliħu x’aktarx ma fehemx is-sinifikat sħiħ tal-fidwa, sewwasew bħalma l-profeti ma fehmux għalkollox dak kollu li kitbu. (Dan. 12:8; 1 Pt. 1:10-12) Xorta waħda, kliem Eliħu jirrifletti t-tama li Alla xi darba kien se jaċċetta fidwa u jeħles lill-bniedem mill-proċess tax-xjuħija u l-mewt. Kliem Eliħu ppreżenta l-prospett meraviljuż taʼ ħajja taʼ dejjem. Il-ktieb taʼ Ġob juri wkoll li se jkun hemm irxoxt.—Ġob 14:14, 15.
13. Il-Kristjani liema tifsir isibu fi kliem Eliħu?
13 Illum, kliem Eliħu għad għandu tifsir għal miljuni taʼ Kristjani li għandhom it-tama li jsalvaw mill-qerda taʼ din is-sistema preżenti. Dawk l-uħud imdaħħlin fiż-żmien li jsalvaw se jerġgħu jsiru bħal meta kienu żgħażagħ, mimlijin enerġija. (Riv. 7:9, 10, 14-17) Iżjed minn hekk, il-prospett li jaraw lil uħud irxoxtati u b’saħħithom bħal f’żgħożithom għadu jferraħ lil nies leali. M’għandniex xi ngħidu, kemm l-immortalità fis-sema għall-Kristjani midlukin kif ukoll il-ħajja taʼ dejjem fuq l-art għan-“nagħaġ oħrajn” taʼ Ġesù jiddependu mill-eżerċitar tal-fidi fis-sagrifiċċju tal-fidwa taʼ Kristu.—Ġw. 10:16; Rum. 6:23.
Il-Mewt Tinbelaʼ Minn fuq l-Art
14. X’juri li l-Israelin kellhom bżonn xi ħaġa iktar mil-Liġi Mosajka sabiex ikollhom it-tama taʼ ħajja taʼ dejjem?
14 In-nisel t’Abraham sar ġens indipendenti meta daħal f’relazzjoni taʼ patt m’Alla. Meta tahom il-Liġi, Ġeħova stqarr: “Tridu tħarsu l-istatuti tiegħi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħi, li jekk bniedem iħarishom, jgħix ukoll permezz tagħhom.” (Lev. 18:5) Madankollu, peress li ma setgħux jgħixu fi qbil mal-livelli perfetti tal-Liġi, l-Israelin ġew kundannati mil-Liġi u kellhom bżonn jiġu meħlusin minn dik il-kundanna.—Gal. 3:13.
15. David ġie mnebbaħ biex jikteb dwar liema barka fil-futur?
15 Wara Mosè, Ġeħova nebbaħ lil kittieba oħrajn tal-Bibbja biex isemmu t-tama taʼ ħajja taʼ dejjem. (Salm 21:4; 37:29) Pereżempju, is-salmista David ikkonkluda salm dwar l-unità t’aduraturi veri f’Sijon bil-kliem: “Ġeħova kkmanda li hemmhekk tkun il-barka, iva, il-ħajja għal dejjem.”—Salm 133:3.
16. Permezz t’Isaija, Ġeħova x’wiegħed dwar il-futur tal-“art kollha”?
16 Ġeħova nebbaħ lil Isaija biex jipprofetizza dwar il-ħajja taʼ dejjem fuq l-art. (Aqra Isaija 25:7, 8.) Bħal “għata” soffokanti, id-dnub u l-mewt huma bħal toqol kbir fuq l-umanità. Ġeħova jassigura lill-poplu tiegħu li d-dnub u l-mewt se jinbelgħu, jew jitneħħew, “mill-art kollha.”
17. Liema rwol profetiku tal-Messija jiftaħ it-triq għall-ħajja taʼ dejjem?
17 Ikkunsidra wkoll il-proċedura mniżżla fil-Liġi Mosajka rigward il-gidi għal Għażażel. Darba fis-sena, f’Jum it-Tpattija, il-qassis il-kbir kien ‘iqiegħed idejh it-tnejn fuq ras il-gidi l-ħaj u jistqarr fuqu l-iżbalji kollha taʼ wlied Israel, u jpoġġihom fuq ras il-gidi u l-gidi jrid iġorr fuqu l-iżbalji kollha tagħhom f’art li hi deżert.’ (Lev. 16:7-10, 21, 22) Isaija bassar il-miġja tal-Messija, li kien se jkollu rwol simili u jġorr il-“mard,” il-“weġgħat,” u “d-dnub taʼ ħafna nies,” u b’hekk jiftaħ it-triq għall-ħajja taʼ dejjem.—Aqra Isaija 53:4-6, 12.
18, 19. Liema tama hija enfasizzata f’Isaija 26:19 u Danjel 12:13?
18 Permezz t’Isaija, Ġeħova qal lill-poplu tiegħu Israel: “Il-mejtin tiegħek se jgħixu. Il-katavri se jqumu. Stenbħu u għajtu bil-ferħ, o residenti tat-trab! Għax in-nida tiegħek hi bħan-nida tal-ħobbejż, u l-art se tħalli jitwieldu lil dawk bla qawwa fil-mewt.” (Is. 26:19) L-Iskrittura Ebrajka turi biċ-ċar li hemm tama taʼ rxoxt u ħajja fuq l-art. Pereżempju, meta Danjel kellu kważi 100 sena, Ġeħova assigurah: “Int tistrieħ, imma tqum għal sehmek fi tmiem il-jiem.”—Dan. 12:13.
19 Minħabba t-tama tal-irxoxt, Marta setgħet tgħid lil Ġesù rigward ħuha li kien miet: “Naf li jqum fl-irxoxt fl-aħħar jum.” (Ġw. 11:24) Inbidlet din it-tama bit-tagħlim taʼ Ġesù u l-kitba mnebbħa tad-dixxipli tiegħu? Għadu Ġeħova joffri t-tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-art lill-umanità? Se nikkunsidraw it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet fl-artiklu li jmiss.
[Nota taʼ taħt]
Tistaʼ Tispjega?
• Il-ħolqien uman kien “suġġettat għall-frugħa” fuq il-bażi taʼ liema tama?
• X’juri li Abraham kellu fidi fl-irxoxt?
• Il-kliem li Eliħu qal lil Ġob joffri liema tama lill-umanità?
• L-Iskrittura Ebrajka kif tenfasizza t-tama taʼ rxoxt u ħajja taʼ dejjem fuq l-art?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 5]
Il-kliem li Eliħu qal lil Ġob jagħti tama li l-bnedmin se jinħelsu mill-proċess tax-xjuħija u l-mewt
[Stampa f’paġna 6]
Danjel ġie assigurat li kien se ‘jqum għal sehmu fi tmiem il-jiem’