Napprezzaw lil Mosè Akbar
“Alla Ġeħova jqajmilkom profeta bħali minn fost ħutkom. Isimgħu minnu.”—ATTI 3:22.
1. Ġesù Kristu kif influwenza l-istorja?
ELFEJN sena ilu, it-twelid taʼ ċertu tifel ġiegħel lil kotra anġli fis-sema jfaħħru lil Alla u kien hemm xi rgħajja li semgħuhom. (Lq. 2:8-14) Tletin sena wara, dak it-tifel, li issa kien sar adult, beda ministeru li għalkemm dam tliet snin u nofs biss biddel l-istorja. Philip Schaff, storjografu magħruf tas-seklu 19, tqanqal jgħid hekk dwar dan ir-raġel żagħżugħ: “Għalkemm qatt ma kiteb xejn, hu ġiegħel pinen jiktbu, u kien it-tema taʼ priedki, orazzjonijiet, diskussjonijiet, kotba, xogħlijiet taʼ l-arti, u għanjiet taʼ tifħir, iktar mill-armata sħiħa taʼ rġiel setgħanin kemm tal-qedem kif ukoll taż-żmien modern.” M’għandniex xi ngħidu, dak ir-raġel żagħżugħ straordinarju kien Ġesù Kristu.
2. L-appostlu Ġwanni x’qal dwar Ġesù u l-ministeru Tiegħu?
2 L-appostlu Ġwanni kiteb rakkont dwar il-ministeru taʼ Ġesù u fil-konklużjoni qal: “Fil-fatt, hemm ukoll ħafna affarijiet oħra li għamel Ġesù, u li kieku kellhom jinkitbu sa l-iċken dettall, naħseb jien, id-dinja nfisha ma kinitx tesaʼ r-rombli miktubin.” (Ġw. 21:25) Ġwanni kien jaf li ftit biss setaʼ jikteb minn dak kollu li qal u għamel Ġesù matul dawk it-tliet snin u nofs sinifikanti. Xorta waħda, għalkemm il-ġrajjiet storiċi li Ġwanni niżżel bil-miktub fl-Evanġelju tiegħu kienu ftit, dawn huma taʼ valur kbir ħafna.
3. Kif nistgħu nifhmu iktar bis-sħiħ l-irwol taʼ Ġesù fl-iskop t’Alla?
3 Minbarra r-rakkonti taʼ l-erbaʼ Evanġelji importanti, siltiet oħrajn tal-Bibbja jipprovdu dettalji dwar il-ħajja taʼ Ġesù li jsaħħulna l-fidi. Per eżempju, ir-rakkonti Bibliċi dwar ċerti rġiel leali li għexu qabel Ġesù fihom informazzjoni li tgħinna nifhmu iktar bis-sħiħ l-irwol taʼ Ġesù fl-iskop t’Alla. Ejja nikkunsidraw xi wħud minnhom.
Irġiel t’Alla li Ffiguraw bil-Quddiem lill-Kristu
4, 5. Min iffigura bil-quddiem lil Ġesù, u b’liema modi?
4 Ġwanni u t-tliet kittieba l-oħra taʼ l-Evanġelji juru li Mosè, David, u Salamun kienu rġiel li ffiguraw bil-quddiem lil Ġesù bħala l-Midluk t’Alla u s-Sultan nominat. Dawk il-qaddejja t’Alla fil-qedem b’liema mod ipprovdew stampa bil-quddiem taʼ Ġesù, u x’nistgħu nitgħallmu minn dawn ir-rakkonti?
5 Fil-qosor, il-Bibbja tgħidilna li Mosè kien profeta, medjatur, u ħellies. Anki Ġesù. David kien ragħaj u sultan li rebaħ lill-għedewwa taʼ Israel. Ġesù wkoll huwa ragħaj u sultan rebbieħ. (Eżek. 37:24, 25) Sakemm kien għadu leali, Salamun kien ħakkiem għaref, u taħt il-ħakma tiegħu, Israel gawda l-paċi. (1 Slat. 4:25, 29) Ġesù wkoll huwa għaref b’mod suprem u huwa msejjaħ “Prinċep tal-Paċi.” (Is. 9:6) Jidher ċar li l-irwol taʼ Kristu Ġesù jixbah l-irwol taʼ dawk l-irġiel li ġew qabel imma l-post li għandu Ġesù fl-iskop t’Alla huwa superlattiv. L-ewwel, ejja nqabblu lil Ġesù maʼ Mosè u naraw kif xebh bħal dan jgħinna napprezzaw iktar bis-sħiħ l-irwol taʼ Ġesù fl-iskop t’Alla.
Mosè—Witta t-Triq Għal Ġesù
6. L-appostlu Pietru kif spjega l-bżonn li nisimgħu minn Ġesù?
6 Ftit wara Pentekoste tas-sena 33 E.K., l-appostlu Pietru kkwota profezija li ntqalet minn Mosè u li twettqet f’Ġesù Kristu. Pietru kien wieqaf quddiem folla t’aduraturi fit-tempju. In-nies baqgħu “mbellhin” meta Pietru u Ġwanni fejqu lil wieħed tallab li kien zopp minn twelidu, u huma kollha ġrew biex jaraw x’kien ġara. Pietru spjega li dan l-att taʼ l-għaġeb kien riżultat taʼ l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova li kien qed jaħdem permezz taʼ Ġesù Kristu. Imbagħad, billi kkwota mill-Iskrittura Ebrajka, hu qal: “Fil-fatt, Mosè qal, ‘Alla Ġeħova jqajmilkom profeta bħali minn fost ħutkom. Isimgħu minnu f’kulma jgħidilkom.’”—Atti 3:11, 22, 23; aqra Dewteronomju 18:15, 18, 19.
7. L-udjenza taʼ Pietru għala setgħet tifhem l-istqarrijiet tiegħu dwar profeta akbar minn Mosè?
7 Dan il-kliem taʼ Mosè wisq probabbli kien familjari għall-udjenza taʼ Pietru. Bħala Lhud, huma kellhom rispett kbir lejn Mosè. (Dt. 34:10) B’antiċipazzjoni kbira, huma kienu jħarsu ’l quddiem għall-miġja taʼ profeta akbar minn Mosè. Dan il-profeta kien se juri li ma kienx sempliċement xi messija, wieħed midluk t’Alla bħal Mosè, imma l-Messija, “il-Kristu t’Alla, il-Magħżul” taʼ Ġeħova.—Lq. 23:35; Ebr. 11:26.
Similaritajiet Bejn Ġesù u Mosè
8. Liema huma xi similaritajiet bejn il-ħajja taʼ Mosè u dik taʼ Ġesù?
8 F’ċerti aspetti, il-ħajja taʼ Ġesù fuq l-art kienet tixbah il-ħajja taʼ Mosè. Per eżempju, bħala trabi, kemm Mosè u kemm Ġesù ħelsu mill-mewt minn idejn ħakkiem tiranniku. (Eżo. 1:22–2:10; Mt. 2:7-14) Barra minn hekk, it-tnejn li huma ‘ssejħu mill-Eġittu.’ Il-profeta Ħosea qal: “Ħabbejt lil Israel meta kien tifel, u mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.” (Ħos. 11:1) Il-kliem taʼ Ħosea rrefera għaż-żmien meta l-ġens taʼ Israel, li kellu lil Mosè bħala l-mexxej tiegħu maħtur minn Alla, inħareġ mill-Eġittu. (Eżo. 4:22, 23; 12:29-37) Madankollu, il-kliem taʼ Ħosea mhux biss irrefera għal ġrajja tal-passat imma wkoll għal dik li kienet se sseħħ fil-futur. Kliemu kien profezija li twettqet meta Ġużeppi u Marija reġgħu lura mill-Eġittu b’Ġesù wara l-mewt tas-Sultan Erodi.—Mt. 2:15, 19-23.
9. (a) Mosè u Ġesù liema mirakli wettqu? (b) Semmi xi similaritajiet oħrajn li kien hemm bejn Ġesù u Mosè. (Ara l-kaxxa “Iktar Modi Kif Ġesù Kien Bħal Mosè,” f’paġna 26.)
9 Kemm Mosè u kemm Ġesù wettqu l-mirakli, u b’hekk urew li kellhom l-appoġġ taʼ Ġeħova. Tabilħaqq, Mosè kien l-ewwel bniedem fl-istorja li wettaq il-mirakli. (Eżo. 4:1-9) Per eżempju, Mosè wettaq mirakli li kienu jinvolvu l-ilma meta għall-kmand tiegħu l-ilmijiet tan-Nil u l-għadajjar kollha qasab tagħha saru demm, il-Baħar l-Aħmar inferaq, u l-ilma ħareġ bis-saħħa minn ġo blata fid-deżert. (Eżo. 7:19-21; 14:21; 17:5-7) Ġesù wkoll wettaq mirakli li kienu jinvolvu l-ilma. L-ewwel miraklu tiegħu kien li biddel l-ilma fi nbid f’festa taʼ tieġ. (Ġw. 2:1-11) Iktar tard, hu kkalma l-Baħar tal-Galilija li kien imqalleb. U f’okkażjoni minnhom, hu saħansitra mexa fuq l-ilma! (Mt. 8:23-27; 14:23-25) Xi similaritajiet oħrajn bejn Mosè u Ġesù, Mosè Akbar, jistgħu jidhru fil-kaxxa f’ paġna 26.
Apprezza lil Kristu Bħala Profeta
10. X’inhu profeta veru, u Mosè għala kien profeta bħal dan?
10 Il-biċċa l-kbira min-nies jaħsbu li profeta huwa xi ħadd li jbassar il-futur, imma din hi biss parti waħda mir-responsabbiltà taʼ profeta. Profeta veru huwa kelliemi ispirat għal Ġeħova, wieħed li jipproklama “l-affarijiet grandjużi t’Alla.” (Atti 2:11, 16, 17) Fost affarijiet oħrajn, l-ipprofetizzar tiegħu jistaʼ jinkludi t-tħabbir taʼ ġrajjiet futuri, l-irrivelar t’aspetti taʼ l-iskop taʼ Ġeħova, jew l-ipproklamar tal-ġudizzji t’Alla. Mosè kien profeta bħal dan. Hu bassar kull wieħed mill-Għaxar Kastigi li ġew fuq l-Eġittu. Hu introduċa l-patt tal-Liġi fis-Sinaj. U għallem lill-ġens ir-rieda t’Alla. Madankollu, eventwalment kellu jiġi profeta akbar minn Mosè.
11. Ġesù kif wettaq l-irwol taʼ profeta akbar minn Mosè?
11 Iktar tard, fl-ewwel seklu, Żakkarija aġixxa bħala profeta billi rrivela l-iskop t’Alla dwar ibnu, Ġwanni. (Lq. 1:76) Dan l-iben sar Ġwanni l-Għammied, li ħabbar il-miġja tal-profeta li tant kien mistenni u li hu akbar minn Mosè—Ġesù Kristu. (Ġw. 1:23-36) Bħala profeta, Ġesù bassar ħafna affarijiet. Per eżempju, tkellem dwar il-mewt tiegħu stess, billi bassar kif kien se jmut, fejn kien se jmut, u minn min kien se jinqatel. (Mt. 20:17-19) B’sorpriża għas-semmiegħa tiegħu, Ġesù bassar ukoll il-qerda taʼ Ġerusalemm bit-tempju tagħha. (Mk. 13:1, 2) Il-profeziji tiegħu jwasslu sa żmienna.—Mt. 24:3-41.
12. (a) Ġesù kif poġġa l-pedament għal kampanja globali taʼ ppridkar? (b) Għala nsegwu l-eżempju taʼ Ġesù llum?
12 Minbarra li kien profeta, Ġesù kien predikatur u għalliem. Hu ppriedka l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla, u ħadd ma tkellem b’iktar qlubija milli tkellem hu. (Lq. 4:16-21, 43) Bħala għalliem, ħadd ma kien bħalu. “Qatt ma kien hawn bniedem ieħor li tkellem bħalu,” qalu xi wħud li semgħuh. (Ġw. 7:46) Ġesù kien żeluż fl-isforzi tiegħu biex ixerred l-aħbar tajba, u ispira dak l-istess żelu għas-Saltna fis-segwaċi tiegħu. B’hekk, hu poġġa l-pedament għal kampanja globali taʼ ppridkar u tagħlim li għadha għaddejja. (Mt. 28:18-20; Atti 5:42) Is-sena l-oħra, xi sebaʼ miljun dixxiplu taʼ Kristu qattgħu madwar 1,500,000,000 siegħa jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna u jgħallmu l-veritajiet tal-Bibbja lil uħud li juru interess. Tieħu int sehem kemm jistaʼ jkun f’dan ix-xogħol?
13. X’se jgħinna “nibqgħu mqajmin”?
13 M’hemm l-ebda dubju li Ġeħova wettaq il-profezija li jqajjem profeta bħal Mosè. Dan l-għarfien kif jeffettwak? Jagħtik dan iktar fiduċja fit-twettiq tal-profeziji ispirati li huma relatati mal-futur immedjat tagħna? Iva, billi nimmeditaw fuq l-eżempju taʼ Mosè Akbar niġu mqanqlin biex “nibqgħu mqajmin u f’sensina” dwar dak li Alla se jagħmel dalwaqt.—1 Tess. 5:2, 6.
Apprezza lil Kristu Bħala Medjatur
14. Mosè kif kien medjatur bejn l-Israelin u Alla?
14 Bħal Mosè, Ġesù kien medjatur. Medjatur jaġixxi bħala pont bejn żewġ naħat. Mosè kien il-medjatur tal-patt tal-Liġi bejn Ġeħova u l-Israelin. Li kieku wlied Ġakobb obdew il-liġijiet t’Alla, huma kienu jibqgħu l-proprjetà speċjali t’Alla, il-kongregazzjoni tiegħu. (Eżo. 19:3-8) Dan il-patt baqaʼ validu mill-1513 Q.E.K. sa l-ewwel seklu E.K.
15. Ġesù kif inhu medjatur superjuri?
15 Fis-sena 33 E.K., Ġeħova beda patt aħjar maʼ Israel ġdid, “l-Israel t’Alla,” li sar kongregazzjoni mad-dinja kollha magħmula minn Kristjani midlukin. (Gal. 6:16) Waqt li l-patt li Mosè kien medjatur tiegħu inkluda liġijiet miktubin minn Alla fuq il-ġebel, il-patt li Ġesù kien medjatur tiegħu hu superjuri. Il-liġijiet tiegħu huma mnaqqxin minn Alla fi qlub il-bnedmin. (Aqra l-1 Timotju 2:5; Ebrej 8:10.) B’hekk, “l-Israel t’Alla” issa huwa proprjetà speċjali t’Alla, “ġens li jagħti l-frott” tas-Saltna Messjanika. (Mt. 21:43) Membri taʼ dak il-ġens spiritwali jipparteċipaw f’dak il-patt il-ġdid. Xorta waħda, m’humiex l-uniċi li jibbenefikaw minnu. Kotriet bla għadd, saħansitra ħafna li bħalissa huma reqdin fil-mewt, se jirċievu barkiet dejjiema minħabba dak il-patt superlattiv.
Irrispetta lil Kristu Bħala Ħellies
16. (a) Ġeħova b’liema modi uża lil Mosè biex jeħles lil Israel? (b) Skond Eżodu 14:13, min hu s-Sors tas-salvazzjoni?
16 Fl-aħħar lejl tagħhom qabel l-Eżodu, xi wħud min-nisel taʼ Israel kienu f’periklu kbir. Dalwaqt, l-anġlu t’Alla kien se jgħaddi mill-art taʼ l-Eġittu u joqtol lil kull l-ewwel imwieled. Ġeħova qal lil Mosè li l-ewwel imwieled taʼ Israel kien se jiġi salvat jekk l-Israelin jieħdu d-demm tal-ħaruf tal-Qbiż u jroxxuh mal-blata taʼ fuq il-bieb u mal-koxox tal-bibien tagħhom. (Eżo. 12:1-13, 21-23) U hekk ġara. Iktar tard, il-ġens kollu kien f’periklu serju. Huma kienu maqbudin bejn il-Baħar l-Aħmar u l-karrijiet tal-gwerra taʼ l-Eġizzjani li kienu qed jiġru warajhom. Ġeħova għal darb’oħra pprovda ħelsien permezz taʼ Mosè, li b’mod mirakoluż feraq l-ilmijiet taʼ dak il-baħar.—Eżo. 14:13, 21.
17, 18. Ġesù b’liema modi huwa ħellies akbar minn Mosè?
17 Kienu kemm kienu kbar dawk l-atti taʼ ħelsien, il-ħelsien li Ġeħova wettaq permezz taʼ Ġesù huwa bil-wisq akbar. Ġesù huwa l-mezz li bih uħud ubbidjenti jinħelsu mill-jasar għad-dnub. (Rum. 5:12, 18) U dan il-ħelsien huwa “ħelsien taʼ dejjem.” (Ebr. 9:11, 12) L-isem Ġesù jfisser “Ġeħova Hu Salvazzjoni.” Ġesù, bħala l-Ħellies tagħna, jew Salvatur, mhux biss isalvana mid-dnubiet tal-passat imma wkoll jiftħilna t-triq biex inkunu nistgħu ngawdu futur aħjar. Billi jeħlishom mill-jasar għad-dnub, Ġesù jsalva lis-segwaċi tiegħu mill-korla t’Alla u jġibhom f’relazzjoni kollha mħabba maʼ Ġeħova.—Mt. 1:21.
18 Il-ħelsien mid-dnub li jipprovdi Ġesù fiż-żmien xieraq se jinkludi ħelsien mill-effetti koroh tiegħu—il-mard u saħansitra l-mewt. Sabiex inkunu nistgħu nimmaġinaw xi jkun ifisser dan, ikkunsidra x’ġara meta Ġesù mar id-dar taʼ wieħed raġel jismu Ġajru, li bintu taʼ 12-il sena kienet mietet. Ġesù assigura lil Ġajru: “Tibżax, biss uri l-fidi, u hi tiġi salvata.” (Lq. 8:41, 42, 49, 50) Fi qbil maʼ dak li qal, it-tifla qamet mill-mewt! Tistaʼ timmaġinah il-ferħ tal-ġenituri tagħha? Mela għandek idea x’ferħ akbar se nesperjenzaw meta “dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu [leħen Ġesù] u joħorġu” fl-irxoxt. (Ġw. 5:28, 29) Verament, Ġesù huwa Salvatur, il-Ħellies tagħna!—Aqra Atti 5:31; Titu 1:4; Riv. 7:10.
19, 20. (a) Kif nistgħu niġu effettwati jekk nimmeditaw fuq l-irwol taʼ Ġesù bħala Mosè Akbar? (b) X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
19 Il-fatt li nkunu nafu li nistgħu ngħinu lin-nies jibbenefikaw mill-atti li jsalvaw taʼ Ġesù jġegħelna nieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar u tat-tagħlim. (Is. 61:1-3) Iżjed minn hekk, jekk nimmeditaw fuq l-irwol taʼ Ġesù bħala Mosè Akbar se nsaħħu l-fiduċja tagħna li hu se jeħles lis-segwaċi tiegħu meta jiġi biex jesegwixxi ġudizzju fuq il-ħżiena.—Mt. 25:31-34, 41, 46; Riv. 7:9, 14.
20 Iva, Ġesù huwa Mosè Akbar. Hu għamel ħafna affarijiet meraviljużi li Mosè qatt ma setaʼ jagħmilhom. Il-kliem taʼ Ġesù bħala profeta u l-azzjonijiet tiegħu bħala medjatur jeffettwaw lill-familja umana kollha. Bħala Ħellies, Ġesù ma jġibx salvazzjoni temporanja imma salvazzjoni eterna għall-umanità li tistaʼ tiġi mifdija. Madankollu, hemm iktar x’nitgħallmu dwar Ġesù mill-irġiel leali tal-qedem. L-artiklu li jmiss se jiddiskuti kif hu kien David Akbar u Salamun Akbar.
Tistaʼ Tispjega?
Ġesù kif inhu akbar minn Mosè bħala
• profeta?
• medjatur?
• ħellies?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Kaxxa/Stampa f’paġna 26]
Iktar Modi Kif Ġesù Kien Bħal Mosè
◻ It-tnejn li huma ħallew warajhom pożizzjonijiet għoljin sabiex ikunu jistgħu jaqdu lil Ġeħova u lill-poplu tiegħu.—2 Kor. 8:9; Flp. 2:5-8; Ebr. 11:24-26.
◻ It-tnejn li huma qdew bħala wħud midlukin, jew ‘kristijiet.’—Mk. 14:61, 62; Ġw. 4:25, 26; Ebr. 11:26.
◻ It-tnejn li huma ġew f’isem Ġeħova.—Eżo. 3:13-16; Ġw. 5:43; 17:4, 6, 26.
◻ It-tnejn li huma kienu ġwejdin.—Num. 12:3; Mt. 11:28-30.
◻ It-tnejn li huma kienu involuti f’li jitimgħu lil kotriet.—Eżo. 16:12; Ġw. 6:48-51.
◻ It-tnejn li huma qdew bħala mħallfin u leġislaturi.—Eżo. 18:13; Mal. 4:4; Ġw. 5:22, 23; 15:10.
◻ It-tnejn li huma ġew fdati biex ikunu kapijiet fuq id-dar t’Alla.—Num. 12:7; Ebr. 3:2-6.
◻ It-tnejn li huma ġew deskritti bħala xhieda leali taʼ Ġeħova.—Ebr. 11:24-29; 12:1; Riv. 1:5.
◻ Wara l-mewt taʼ Mosè u tal-bniedem Ġesù, Alla neħħa l-iġsma tagħhom.—Dt. 34:5, 6; Lq. 24:1-3; Atti 2:31; 1 Kor. 15:50; Ġuda 9.