Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Hemm xi tama taʼ rxoxt għal tarbija li tmut f’ġuf ommha?
Għal dawk li qatt ma sofrew l-uġigħ minħabba t-telfa taʼ tarbija b’dan il-mod, jistaʼ jkun diffiċli biex jifhmu s-sentimenti taʼ dawk li ġralhom hekk. Ċerti ġenituri jitnikktu b’mod profond minħabba li jġarrbu telfa bħal din. Waħda omm tilfet ħamest itfal qabel ma twieldu. Maż-żmien, hi ħassitha mbierka li rabbiet żewġ subien b’saħħithom. Madankollu, hi baqgħet tiftakar l-esperjenza taʼ kull tarbija li tilfet. Sa ma mietet, hi kienet taf eżatt kemm kieku kellha żmien kull waħda mit-trabi tagħha li twieldu mejtin jew li korriethom kieku baqgħu ħajjin. Hemm xi bażi biex dawn il-Kristjani jittamaw li l-irxoxt se jġib lura lit-trabi li tilfu?
It-tweġiba sempliċi għal din il-mistoqsija hi li ma nafux. Il-Bibbja qatt ma titkellem b’mod dirett fuq il-kwistjoni taʼ l-irxoxt tat-trabi li jitwieldu mejtin jew li jintilfu minħabba korriment. Minkejja dan, il-Kelma t’Alla fiha prinċipji li huma rilevanti għal din il-mistoqsija u li għandhom mnejn joffru xi ftit tal-faraġ.
Ejja nikkunsidraw żewġ mistoqsijiet relatati mas-suġġett. L-ewwel, mill-ħarsa taʼ Ġeħova, il-ħajja umana meta tibda—fil-konċepiment jew fit-twelid? It-tieni, Ġeħova kif iqis lil dawk li għadhom ma twildux—bħala individwi uniċi jew bħala sempliċement gruppi taʼ ċelluli u tessut fil-ġuf taʼ mara? Il-prinċipji Bibliċi jagħtu tweġibiet ċari għal dawn iż-żewġ mistoqsijiet.
Il-Liġi Mosajka rrivelat b’mod ċar li l-ħajja ma tibdiex fit-twelid, imma ħafna iktar qabel. Kif? Uriet li jekk xi ħadd joqtol fetus setaʼ jingħata l-mewt. Innota x’tgħid din il-liġi: “Trid tagħti ruħ b’ruħ.” a (Eżo. 21:22, 23) B’hekk, it-tarbija fil-ġuf li tkun għadha ma twilditx hija ħajja u hi ruħ ħajja. Minħabba li fehmu dan il-fatt, miljuni taʼ Kristjani ġew megħjunin biex assolutament jirrifjutaw l-abort, billi jarawh bħala dnub serju kontra Alla.
M’għandniex xi ngħidu, it-tarbija li għadha ma twilditx hija ħajja, imma Ġeħova kemm iqisha taʼ valur dik il-ħajja? Il-liġi kwotata hawn fuq kienet tesiġi li adult jingħata l-mewt talli jkun ikkaġuna l-mewt taʼ tarbija li tkun għadha ma twilditx. Mela jidher ċar li l-ħajja taʼ tarbija li tkun għadha ma twilditx għandha valur kbir f’għajnejn Alla. Iżjed minn hekk, ħafna skritturi oħrajn fil-Bibbja juru li Ġeħova jara lit-trabi li jkunu għadhom ma twildux bħala individwi distinti. Per eżempju, is-Sultan David kien ispirat biex jgħid dwar Ġeħova: “Żammejtni mistur f’żaqq ommi. . . . Għajnejk rawni meta kont għadni biss embriju, u fil-ktieb tiegħek inkitbu l-partijiet kollha tiegħi, dwar iż-żmien meta ġew ifformati.”—Salm 139:13-16; Ġob 31:14, 15.
Ġeħova jara wkoll li t-tarbija li tkun għadha ma twilditx għandha karatteristiki distinti u li jistaʼ jkollha potenzjal kbir fil-futur. Waqt li Rebekka, mart Iżakk, kienet tqila bit-tewmin, Ġeħova lissen profezija dwar iż-żewġ subien li kienu qed jissieltu f’ġufha, u wera li kien diġà ra karatteristiki fihom li fil-futur kien se jkollhom effett kbir fuq ħafna nies.—Ġen. 25:22, 23; Rum. 9:10-13.
Il-każ taʼ Ġwanni l-Għammied huwa interessanti wkoll. Ir-rakkont taʼ l-Evanġelju jgħid: “Malli Eliżabetta semgħet it-tislima taʼ Marija, it-tarbija f’ġufha qabżet; u Eliżabetta mtliet bl-ispirtu qaddis.” (Lq. 1:41) Meta ddeskriva dan ir-rakkont, it-tabib Luqa uża kelma Griega li setgħet tirreferi kemm għal fetus u kemm għal tarbija li tkun twieldet. Hu uża l-istess kelma meta rrefera għat-tarbija Ġesù mimdud fil-maxtura.—Lq. 2:12, 16; 18:15.
Meta nikkunsidraw dawn il-fatturi u l-iskritturi kollha, tagħmel il-Bibbja distinzjoni bejn tarbija
fil-ġuf u waħda li tkun ħadet l-ewwel nifs tagħha? Ma jidhirx li hu l-każ. U dan jaqbel maʼ l-iskoperti tax-xjenza moderna. Per eżempju, ir-riċerkaturi skoprew li tarbija fil-ġuf kapaċi tħoss u tirreaġixxi għal dak li jiġri barra l-ġuf. B’hekk, m’huwiex sorprendenti li omm li tkun tqila tiżviluppa rabta mill-qrib mat-tarbija li tkun qed tikber ġo fiha.Mhux kull tarbija tieħu l-istess tul taʼ żmien biex tikber fil-ġuf. Ikkunsidra dan l-eżempju: Waħda omm tiled tarbija ħajja qabel iż-żmien, li tmut ftit jiem wara. Omm oħra ġġorr it-tarbija tagħha sa l-aħħar, imma t-tarbija tmut eżatt qabel titwieled. Hija l-ewwel omm imbierka bit-tama li t-tarbija tagħha se tiġi rxoxtata sempliċement minħabba li t-tarbija inzertat twieldet qabel iż-żmien, fil-waqt li t-tieni omm m’għandhiex din it-tama?
Mela, bħala sommarju, il-Bibbja tgħallem b’mod ċar li l-ħajja tibda fil-konċepiment u li Ġeħova jara lit-tarbija li tkun għadha ma twilditx bħala individwa unika li għandha valur. Minħabba dawn il-veritajiet Skritturali, xi wħud għandhom mnejn jirraġunaw li ma jkunx jaqbel mal-veritajiet li tgħallem il-Bibbja jekk wieħed jirraġuna li m’hemm ebda tama taʼ rxoxt għal tarbija li tkun għadha ma twilditx u li tkun mietet. Tabilħaqq, huma għandhom mnejn iħossu li rraġunar bħal dan iqajjem dubju dwar il-waqfa Skritturali tagħna kontra l-abort, li hija bbażata prinċipalment fuq dawn l-istess veritajiet.
Fil-passat, din ir-rivista qajmet mistoqsijiet prattiċi li jidhru li jqajmu dubju dwar il-possibbiltà taʼ rxoxt għal tfal li mietu qabel it-twelid. Per eżempju, se jpoġġi Alla embriju li jkun għadu ma żviluppax għalkollox f’ġuf mara fil-Ġenna taʼ l-art? Madankollu, iktar studju u meditazzjoni bit-talb wasslu lill-Ġemgħa li Tiggverna biex tikkonkludi li fatturi bħal dawn m’humiex se jeffettwaw it-tama taʼ l-irxoxt. Ġesù qal: “Kollox hu possibbli għal Alla.” (Mk. 10:27) L-esperjenza taʼ Ġesù wriet il-verità taʼ din l-istqarrija; ħajtu ġiet trasferita mis-sema għal ġo ġuf taʼ tfajla verġni—żgur li din hija xi ħaġa impossibbli għall-aħħar min-naħa tal-bniedem.
Mela jfisser dan kollu li l-Bibbja tgħallem li t-tfal li jmutu qabel ma jitwieldu se jiġu rxoxtati? Irridu nenfasizzaw li l-Bibbja ma tagħtix tweġiba diretta għal din il-mistoqsija, u għalhekk m’hemm ebda bażi biex il-bnedmin ikunu dommatiċi dwar din il-kwistjoni. Dan is-suġġett jistaʼ jqajjem mistoqsijiet bla għadd. Biss, l-aħjar ħaġa hi li nevitaw li nispekulaw. Dak li nafu hu dan: Il-kwistjoni qiegħda f’idejn Alla Ġeħova, li hu għani fil-qalb tajba bl-imħabba u l-ħniena. (Salm 86:15) Mingħajr dubju taʼ xejn, hija x-xewqa mill-qalb tiegħu li jneħħi l-effetti tal-mewt permezz taʼ l-irxoxt. (Ġob 14:14, 15) Nistgħu nkunu fiduċjużi li hu dejjem jagħmel dak li hu sewwa. Hu se jipprovdi fejqan għall-ħafna weġgħat li jiġu fuqna mill-ħajja f’din is-sistema mill-agħar hekk kif bi mħabba jidderieġi lil Ibnu biex “ikisser l-għemejjel tax-Xitan.”—1 Ġw. 3:8.
[Nota taʼ taħt]
a Din l-iskrittura xi drabi tiġi tradotta b’tali mod li tiġi tfisser li l-mewt taʼ l-omm biss kienet twassal għall-piena tal-mewt. Madankollu, it-test Ebrajk oriġinali juri li l-liġi tkellmet dwar li tweġġaʼ b’mod fatali jew lill-omm jew lit-tarbija tagħha li tkun għadha ma twilditx.
[Stampa f’paġna 13]
Ġeħova se jipprovdi fejqan għall-esperjenzi kollha taʼ wġigħ