“L-Anġlu taʼ Ġeħova Qed Jikkampja Madwar Dawk li Jibżgħu Minnu”
Kif rakkontata minn Christabel Connell
Tant konna medhijin inwieġbu l-mistoqsijiet dwar il-Bibbja li beda jistaqsina Christopher li ħadd minna ma ntebaħ kemm kien sar ħin; lanqas ma nnotajna li Christopher kien qiegħed il-ħin kollu jħares ’il barra mit-tieqa. Fl-aħħar, hu dar lejna u qalilna, “Issa tistgħu tmorru, m’hemmx periklu.” Imbagħad wassalna sa ħdejn ir-roti tagħna u xtaqilna l-lejl it-tajjeb. X’kien osserva li kien tant perikoluż?
JIEN twelidt fl-1927 f’Sheffield, l-Ingilterra, u jisimni Christabel u kunjomi kien Earl. Id-dar tagħna waqgħet bil-bombi matul it-tieni gwerra dinjija, u għalhekk bagħtuni ngħix maʼ nannti sakemm spiċċajt l-iskola. F’waħda mill-iskejjel tas-sorijiet li attendejt, spiss kont nistaqsi lis-sorijiet għala kien hemm daqshekk ħażen u vjolenza. La huma u lanqas xi nies reliġjużi oħrajn li staqsejt ma kienu kapaċi jagħtuni tweġiba sodisfaċenti.
Wara li spiċċat it-tieni gwerra dinjija, bdejt it-taħriġ tiegħi bħala infermiera. Mort noqgħod Londra sabiex inkun nistaʼ naħdem fil-Paddington General Hospital, imma fil-belt rajt iktar vjolenza. Preċiż wara li ħija akbar minni telaq għall-Gwerra tal-Korea, rajt ġlieda vjolenti eżatt barra l-isptar. Ħadd ma għen lill-vittma, u minħabba s-swat li qalaʼ spiċċa biex tilef id-dawl t’għajnejh. Dik il-ħabta, ommi ħaditni għal-laqgħat taʼ nies li jikkomunikaw mal-mejtin permezz taʼ medjum taʼ l-ispirti, imma jien xorta bqajt ma fhimtx għala kien hemm tant ħażen.
Inkuraġġita Biex Nistudja l-Bibbja
Darba waħda ġie jżurna ħija l-kbir John, li kien sar wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. “Taf għala jiġru dawn l-affarijiet ħżiena kollha?” staqsieni hu. “Le,” wiġibtu jien. Hu fetaħ il-Bibbja tiegħu u qara Rivelazzjoni 12:7-12. Issa stajt nara li bażikament Satana u d-demonji huma responsabbli għall-ħażen fid-dinja. Għalhekk, billi ħadt il-parir taʼ John ma domtx m’aċċettajt studju tal-Bibbja. Madankollu, dak iż-żmien ħallejt il-biżaʼ mill-bniedem iżommni lura milli nitgħammed.—Prov. 29:25.
Oħti Dorothy ukoll kienet saret Xhud. Meta ġiet lura mill-konvenzjoni internazzjonali li saret fi New York (1953) maʼ l-għarus tagħha, Bill Roberts, għedtilhom li jien kont studjajt il-Bibbja. Bill staqsieni: “Kollha ċċekkjajthom l-iskritturi? Immarkajthom it-tweġibiet fil-ktieb?” Meta għedtlu li le, wiġibni: “Mela qatt ma studjajt! Ikkuntattja lil dik l-oħt, u erġaʼ ibda!” Dik il-ħabta bdejt niġi turmentata
mid-demonji. Niftakar bdejt nitlob lil Ġeħova biex jipproteġini u jeħlisni mill-influwenza tagħhom.Pijuniera fl-Iskozja u fl-Irlanda
Fis-16 taʼ Jannar, 1954, tgħammidt, f’Mejju spiċċa l-kuntratt tiegħi taʼ infermiera, u f’Ġunju bdejt naqdi bħala pijuniera. Tmien xhur wara ntbgħatt bħala pijuniera speċjali fi Grangemouth, l-Iskozja. Hemmhekk ħassejt li l-anġli taʼ Ġeħova kienu ‘qed jikkampjaw madwari’ waqt li kont qed naħdem f’dan it-territorju iżolat.—Salm 34:7.
Fl-1956 ġejt mistiedna biex naqdi fl-Irlanda. L-inkarigu tiegħi, flimkien maʼ tnejn oħra, kien il-belt taʼ Galway. Fl-ewwel ġurnata stess, ħabbatt bieb u ħareġ qassis. Ftit minuti wara, ġie pulizija u ħa lili u lill-oħt li kienet miegħi l-għassa tal-pulizija. Wara li ħadilna isimna u l-indirizz tagħna, hu minnufih mar jagħmel telefonata. Smajnieh jgħid, “Iva, Father, naf eżatt fejn joqogħdu.” Kien il-qassis li bagħtu! Sid il-kera saritlu pressjoni kbira biex ikeċċina, u għalhekk l-uffiċċju tal-fergħa tana parir biex nitilqu minn dawk l-inħawi. Wasalna l-istazzjon tal-ferrovija għaxar minuti tard. Imma l-ferrovija kienet għadha hemmhekk, u kien hemm raġel jistenniena biex jaċċerta ruħu li tlajna fiha. Dan kien biss wara tliet ġimgħat f’Galway!
Intbgħatna naqdu f’Limerick, belt oħra fejn il-Knisja Kattolika kellha poter kbir. Gruppi taʼ nies kienu jinġemgħu u joqogħdu jgħajruna. Ħafna nies kienu jibżgħu jiftħu l-bieb. Sena qabel, ħu kien ġie msawwat fi Cloonlara, belt żgħira fil-qrib. Għalhekk, fraħna mhux ftit meta ltqajna maʼ Christopher, li ssemma fil-bidu taʼ dan l-artiklu u li talabna biex nerġgħu mmorru għandu ħalli nwieġbu l-mistoqsijiet li kellu fuq il-Bibbja. Matul iż-żjara tagħna, daħal qassis u ordna lil Christopher biex ikeċċina. Hu waqaflu lill-qassis, u qallu: “Dawn in-nisa stidinthom jien f’dari u ħabbtu qabel ma daħlu. Int la kont mistieden u lanqas biss ħabbatt.” Irrabjat, il-qassis telaq ’il barra.
Bla ma konna nafu, il-qassis kien ġabar grupp kbir taʼ rġiel, li kienu qed jistennewna barra d-dar taʼ Christopher. Peress li kien jaf kemm kienu rrabjati għalina, Christopher aġixxa bil-mod deskritt fil-bidu taʼ l-artiklu. Hu ħalliena nibqgħu għandu sakemm telqu. Iktar tard skoprejna li ftit wara hu u l-familja tiegħu ġew sforzati biex jitilqu minn dawk l-inħawi, u huma marru joqogħdu l-Ingilterra.
Mistiedna Gilegħad
Kont diġà qed nippjana biex nattendi l-Assemblea Internazzjonali Divine Will, li saret fl-1958 fi New York, meta rċivejt stedina biex nattendi t-33 klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilegħad. Minflok ma mort lura d-dar wara l-assemblea, qdejt f’Collingwood, f’Ontario, il-Kanada, sakemm bdiet l-Iskola taʼ Gilegħad fl-1959. Imma matul l-assemblea, iltqajt m’Eric Connell. Hu kien sar jaf bil-verità fl-1957 u kien beda jaqdi bħala pijunier fl-1958. Wara l-assemblea, kien jiktibli kuljum meta kont il-Kanada u matul il-kors taʼ Gilegħad. Kont noqgħod naħseb x’kien se jiġri minna wara li nkun iggradwajt.
L-iskola taʼ Gilegħad kienet ġrajja memorabbli f’ħajti. Dorothy u r-raġel tagħha kienu fl-istess klassi miegħi. L-inkarigu missjunarju tagħhom kien il-Portugall. Kienet sorpriża għalija li nintbagħat l-Irlanda. Kemm kont diżappuntata li ma kontx sejra m’oħti! Staqsejt lil wieħed mill-istrutturi taʼ l-iskola jekk kontx għamilt xi ħaġa ħażina. “Le,” qalli. “Int u Eileen Mahoney, il-pijuniera l-oħra li ġejja miegħek, qbiltu li tmorru fi kwalunkwe post fid-dinja,” u żgur li l-Irlanda kienet inkluża maʼ dawn il-postijiet.
Lura Lejn l-Irlanda
Wasalt lura l-Irlanda f’Awissu taʼ l-1959 u ngħatajt l-inkarigu biex naqdi fil-Kongregazzjoni taʼ Dun Laoghaire. Sadattant, Eric kien ġie lura l-Ingilterra u kien ferħan ħafna li kont daqshekk qrib. Anki hu xtaq ikun missjunarju. Hu rraġuna li ladarba l-Irlanda dak iż-żmien kienet waħda mill-postijiet fejn kienu
jintbagħtu l-missjunarji, hu kien se jaqdi bħala pijunier hemmhekk. Ġie joqgħod f’Dun Laoghaire, u żżewwiġna fl-1961.Sitt xhur wara, Eric kien involut f’inċident serju bil-mutur. Kellu ksur fl-għadam taʼ rasu, u t-tobba ma kinux ċerti jekk kienx se jibqaʼ ħaj. Wara li qattaʼ tliet ġimgħat l-isptar, komplejt indur bih id-dar għal ħames xhur sakemm għaddielu. Komplejt nagħmel l-aħjar li stajt fil-ministeru.
Fl-1965 ngħatajna l-inkarigu biex naqdu f’kongregazzjoni taʼ tmien pubblikaturi fi Sligo, port mal-kosta tal-majjistral. Tliet snin wara, morna f’kongregazzjoni żgħira oħra f’Londonderry, iktar ’il fuq lejn it-tramuntana. Ġurnata waħda ġejna lura mis-servizz u sibna li t-triq fejn konna noqogħdu għalquha bil-barbed wire. Kien beda l-Inkwiet taʼ l-Irlanda taʼ Fuq. Klikek taʼ żgħażagħ bdew jaħarqu l-karozzi. Il-belt kienet diġà nqasmet fi tnejn, naħa tal-Protestanti u naħa tal-Kattoliċi. Kien perikoluż li wieħed jaqsam min-naħa għall-oħra tal-belt.
Ngħixu u Nxandru Matul l-Inkwiet
Madankollu, fil-ministeru konna mmorru kullimkien. Għal darb’oħra, ħassejna li bħallikieku l-anġli kienu qed jikkampjaw madwarna. Meta konna nsibu ruħna fi nħawi fejn kien jinqalaʼ l-ġlied, konna nitilqu minn dawk l-inħawi malajr kemm jistaʼ jkun u nerġgħu mmorru lura meta kollox kien ikun ikkalma. Darba, meta kien hemm il-ġlied qrib l-appartament tagħna, taret xrara taqbad minn ħanut taż-żebgħa qrib u ġiet fil-ħoġor tat-tieqa tagħna. Ma stajniex norqdu għax bżajna li l-blokk t’appartamenti tagħna jingħata n-nar. Wara li morna noqogħdu f’Belfast fl-1970 sirna nafu li, fil-fatt, bomba tal-petrol kienet ħarqet il-ħanut taż-żebgħa u dakinhar il-blokk t’appartamenti li konna ngħixu fih qabel inħaraq għalkollox.
Darb’oħra, jien u oħt oħra konna fis-servizz taʼ l-għalqa u nnotajna biċċa pajp stramba fuq ħoġor taʼ tieqa. Bqajna għaddejjin. Ftit minuti wara, splodiet. In-nies tal-post li ħarġu ħasbu li konna aħna li għamilna l-bomba fil-pajp! Dak il-ħin, oħt li kienet tgħix f’dawk l-inħawi daħħlitna d-dar tagħha. Il-ġirien tagħha aċċettaw dan bħala prova taʼ l-innoċenza tagħna.
Fl-1971 erġajna lura Londonderry biex inżuru lil waħda oħt. Meta ddeskrivejna minfejn għaddejna u l-barrikata li kellna ngħaddu minnha, hi staqsietna, “Ma kien hemm ħadd mal-barrikata?” Meta għednielha, “Iva, imma lanqas biss taw kasna,” baqgħet iċċassata. Għala? Għax ftit jiem qabel lil tabib u lil pulizija ħadulhom il-karozzi tagħhom u ħarquhomlhom.
Fl-1972 morna noqogħdu Cork. Wara, qdejna f’Naas, imbagħad f’Arklow. Fl-aħħar, fl-1987, intbgħatna Castlebar, fejn qegħdin illum. Hawnhekk kellna l-privileġġ li ngħinu fil-bini taʼ Sala tas-Saltna. Fl-1999 Eric marad serjament. Madankollu, bl-għajnuna taʼ Ġeħova u bl-imħabba tal-kongregazzjoni li appoġġatna, stajt nerġaʼ nkampa u ndur bih sakemm reġaʼ ħa saħħtu.
Jien u Eric darbtejn attendejna l-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier. Hu għadu jaqdi bħala anzjan. Jien inbati minn artrite qawwija u kelli nagħmel operazzjonijiet f’ġenbejja t-tnejn u fi rkopptejja t-tnejn. Għalkemm kelli niffaċċja oppożizzjoni reliġjuża ħarxa u għext fi żminijiet taʼ inkwiet serju sew politiku u sew soċjali, waħda mill-akbar sfidi li qatt iffaċċjajt kienet li ma bqajtx insuq. Din kienet prova kbira għax tlift ħafna mill-indipendenza tiegħi. Il-kongregazzjoni għenitni ħafna, billi tatni appoġġ kbir. Issa nimxi bil-bastun, u għal distanzi itwal nuża vettura bi tliet roti li taħdem bil-batterija.
Flimkien, jien u Eric qdejna bħala pijunieri speċjali għal total taʼ iktar minn 100 sena—98 minnhom hawnhekk fl-Irlanda. M’għandna ebda ħsieb li nirtiraw. M’aħniex qed nistennew xi miraklu, imma nemmnu li l-anġli setgħanin taʼ Ġeħova qed ‘jikkampjaw madwar’ dawk li jibżgħu minnu u jaqduh bil-fedeltà.