Imxi fit-Triqat taʼ Ġeħova
Imxi fit-Triqat taʼ Ġeħova
“Hieni kull min jibżaʼ mill-Mulej, kull min jimxi fit-triqat tiegħu!”—SALM 128:1.
1, 2. Għala nistgħu nkunu ċerti li l-hena jistaʼ jinkiseb?
KULĦADD jixtieq ikun hieni. Imma żgur taqbel li x-xewqa għall-hena u anki t-tfittxija għalih m’humiex l-istess bħal meta tesperjenzah.
2 Madankollu, l-hena jistaʼ jinkiseb. Salm 128:1 jgħid: “Hieni kull min jibżaʼ mill-Mulej, kull min jimxi fit-triqat tiegħu!” Aħna nistgħu nkunu henjin jekk inqimu u nonoraw lil Alla u nimxu fit-triqat tiegħu billi nagħmlu r-rieda tiegħu. Liema effett jistaʼ jkollu dan fuq l-imġiba tagħna u fuq il-kwalitajiet li nuru?
Uri li Int taʼ Min Jafdak
3. Il-fatt li nkunu taʼ min jafdana kif għandu x’jaqsam mad-dedikazzjoni tagħna lil Alla?
3 Dawk li jibżgħu minn Ġeħova huma taʼ min jafdahom, saħansitra bħalma hu Ġeħova nnifsu. Hu wettaq kull wegħda li għamel lil Iżrael tal-qedem. (1 Slat. 8:56) Id-dedikazzjoni tagħna lil Alla hija l-iktar wegħda sinifikanti li qatt nistgħu nagħmlu, u t-talb regulari se jgħinna nżommu l-wegħda tagħna. Nistgħu nitolbu bħalma għamel is-salmista David: “Int, o Alla, smajt il-wegħda tiegħi. . . . infaħħar ismek għal dejjem, jien u nrodd kuljum il-wegħdiet tiegħi.” (Salm 61:6,9 [61:5, 8, NW]; Koħ. 5:3-6 [5:4-6, NW]) Sabiex inkunu ħbieb t’Alla, irridu nkunu taʼ min jafdana.—Salm 15:1, 4.
4. Ġefta u t-tifla tiegħu kif aġixxew fi qbil mal-wegħda li għamel lil Ġeħova?
4 Fi żmien l-Imħallfin taʼ Iżrael, Ġefta wiegħed li jekk Ġeħova jagħtih rebħa fuq l-Għammonin, hu kien se jagħti bħala “sagrifiċċju tal-ħruq” lill-ewwel individwu li jilqgħu x’ħin jirritorna mill-battalja. Dan l-individwu ma kien ħadd ħlief it-tifla taʼ Ġefta—l-unika wild tiegħu. B’fidi f’Ġeħova, kemm Ġefta u kemm it-tifla tiegħu li ma kinitx miżżewġa wettqu l-wegħda tiegħu. Għalkemm iż-żwieġ u t-tfal kienu taʼ valur kbir f’Iżrael, it-tifla taʼ Ġefta minn jeddha baqgħet ma żżewġitx u gawdiet il-privileġġ taʼ servizz sagru fis-santwarju taʼ Ġeħova.—Mħ. 11:28-40.
5. Anna b’liema mod uriet li kienet taʼ min jafdaha?
5 Anna, mara li kellha l-biżaʼ t’Alla, tat prova li hi taʼ min jafdaha. Hi kienet tgħix mar-raġel tagħha Elkana li kien Levita, u mal-mara l-oħra tiegħu, Peninna, fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm. Peninna kellha ħafna tfal u kienet tinki lil Anna minħabba li ma kellhiex tfal, speċjalment meta l-familja kienet tmur it-tabernaklu. F’waħda minn dawn l-okkażjonijiet, Anna għamlet wegħda li jekk ikollha iben tagħtih lil Ġeħova. Ma damitx ma ħarġet tqila u wildet tifel li semmewh Samwel. Wara li nfatam, Anna offrietu lil Alla f’Silo, billi lil Samwel silfitu lil Ġeħova “l-jiem kollha taʼ ħajtu.” (1 Sam. 1:11) B’hekk hi wettqet il-wegħda tagħha avolja ma kinitx taf li iktar tard kien se jkollha tfal oħrajn.—1 Sam. 2:20, 21.
6. Tikiku kif wera li kien bniedem taʼ min jafdah?
6 Il-Kristjan Tikiku taʼ l-ewwel seklu kien raġel taʼ min jafdah u “ministru leali.” (Kol. 4:7) Tikiku vvjaġġa maʼ l-appostlu Pawlu mill-Greċja sal-Maċedonja, sa l-Asja Minuri, u forsi anki sa Ġerusalemm. (Atti 20:2-4) Għandu mnejn kien “il-ħu” li għen lil Titu biex jamministra l-għotja għal dawk il-Kristjani li kienu fil-bżonn fil-Lhudija. (2 Kor. 8:18, 19; 12:18) L-ewwel darba li Pawlu ġie mitfugħ il-ħabs f’Ruma, hu qabbad lil Tikiku, rappreżentant taʼ min jafdah, biex jieħu xi ittri lil sħabu fit-twemmin f’Efesu u f’Kolossi. (Efes. 6:21, 22; Kol. 4:8, 9) It-tieni darba li ntefaʼ l-ħabs f’Ruma, Pawlu bagħat lil Tikiku f’Efesu. (2 Tim. 4:12) Jekk aħna wħud taʼ min jafdana, aħna wkoll se ngawdu barkiet fis-servizz taʼ Ġeħova.
7, 8. Għala nistgħu ngħidu li David u Ġonatan kienu ħbieb taʼ veru?
7 Alla jistenna li aħna nkunu ħbieb taʼ min jafdana. (Prov. 17:17) Ġonatan, bin is-Sultan Sawl, sar ħabib taʼ David. Meta Ġonatan sar jaf li David kien qatel lil Gulija, “qalb Ġonatan intrabtet maʼ qalb David, u Ġonatan ħabbu bħalu nnifsu.” (1 Sam. 18:1, 3) Ġonatan saħansitra wissa lil David meta Sawl ried joqtlu. Wara li David ħarab, Ġonatan iltaqaʼ miegħu u għamel patt miegħu. Sawl kważi qatel lil Ġonatan minħabba li kellmu dwar David, imma ż-żewġt iħbieb reġgħu ltaqgħu u saħħew il-ħbiberija tagħhom. (1 Sam. 20:24-41) L-aħħar darba li ltaqgħu, Ġonatan qawwa qalb David “f’Alla.”—1 Sam. 23:16-18.
8 Ġonatan miet f’battalja kontra l-Filistin. (1 Sam. 31:6) F’għanja taʼ niket, David għanna: “Jien imgħolli għalik, Ġonatan ħija, l-għożża tiegħi u l-għaxqa għalija! Mħabbtek għalija egħżeż minn imħabbet in-nisa!” (2 Sam. 1:26) Din l-imħabba kienet affezzjoni taʼ bejn il-ħbieb u ma kien hemm ebda inklinazzjoni sesswali fiha. David u Ġonatan kienu ħbieb taʼ veru.
Dejjem Kun “Umli”
9. L-importanza taʼ l-umiltà kif tidher fi Mħallfin kapitlu 9?
9 Sabiex inkunu ħbieb t’Alla, irridu nkunu “umli.” (1 Pt. 3:8; Salm 138:6) L-importanza taʼ l-umiltà tidher fi Mħallfin kapitlu 9. Ġotam, bin Gidgħon, qal: “Darba marru s-siġar biex jidilku sultan fuqhom.” Issemmew iż-żebbuġa, it-tina, u d-dielja. Dawn irrappreżentaw individwi li kien jistħoqqilhom ir-rispett u li ma fittxewx li jaħkmu fuq sħabhom l-Iżraelin. Imma l-għollieqa—tajba biss biex tqabbad in-nar—tirrappreżenta s-saltna t’Abimelek li kien kburi, qattiel, u għatxan biex jikkontrolla lil oħrajn. Għalkemm ‘ħakem taʼ prinċep għal tliet snin fuq Iżrael,’ hu miet ħesrem. (Mħ. 9:8-15, 22, 50-54) Kemm hu aħjar li nkunu “umli”!
10. X’tgħallimt mill-fatt li Erodi naqas li ‘jagħti l-glorja lil Alla’?
10 Fl-ewwel seklu E.K., kien hemm tensjoni bejn il-kburi Sultan Erodi Agrippa tal-Lhudija u l-abitanti taʼ Tir u Sidon li riedu jagħmlu paċi miegħu. Meta Erodi kien qed jagħti diskors pubbliku f’okkażjoni minnhom, huma għajtu: “Dan leħen t’alla, mhux taʼ bniedem!” Erodi ma rrifjutax dan it-tifħir u l-anġlu taʼ Ġeħova ħabat għalih, u b’hekk miet mewta kerha “għax ma tax il-glorja lil Alla.” (Atti 12:20-23) Xi ngħidu jekk aħna kelliema jew għalliema xi ftit jew wisq tas-sengħa taʼ veritajiet Bibliċi? Mela ejja nagħtu l-kredtu lil Alla għal dak li jħallina nagħmlu.—1 Kor. 4:6, 7; Ġak. 4:6.
Kun Kuraġġuż u Agħmel il-Ħila
11, 12. L-esperjenza taʼ Ħenok kif turi li Ġeħova jagħti lill-qaddejja tiegħu l-kuraġġ u l-ħila?
11 Jekk bl-umiltà nimxu fit-triqat taʼ Ġeħova, hu se jagħtina kuraġġ u ħila. (Dt. 31:6-8, 23) Ħenok, is-sebaʼ raġel fil-linja ġenealoġika minn Adam, b’kuraġġ mexa m’Alla billi għex ħajja retta fost in-nies mill-agħar taʼ żmienu. (Ġen. 5:21-24) Ġeħova saħħaħ lil Ħenok biex iwasslilhom messaġġ qawwi minħabba l-għemejjel u l-kliem tagħhom bla devozzjoni. (Aqra Ġuda 14, 15.) Għandek int il-kuraġġ meħtieġ biex tiddikjara l-ġudizzji t’Alla?
12 Ġeħova esegwixxa ġudizzju fuq dawk li ċaħdu lil Alla fid-Dilluvju globali fi żmien Noè. Però, il-profezija taʼ Ħenok hija taʼ inkuraġġiment għalina, għax dawk li jiċħdu lil Alla fi żmienna dalwaqt se jinqerdu mill-mirjadi qaddisin t’Alla. (Riv. 16:14-16; 19:11-16) Bi tweġiba għat-talb tagħna, Ġeħova jagħtina l-kuraġġ biex niddikjaraw il-messaġġ tiegħu, kemm jekk għandu x’jaqsam mal-ġudizzji tiegħu u kemm jekk għandu x’jaqsam mal-barkiet taħt il-ħakma tas-Saltna.
13. Għala nistgħu nkunu ċerti li Alla jistaʼ jipprovdi l-kuraġġ u s-saħħa li għandna bżonn sabiex inkampaw maʼ problemi dipressanti?
13 Għandna bżonn kuraġġ u saħħa mingħand Alla biex inkampaw maʼ problemi dipressanti. Meta Għesaw iżżewweġ żewġ nisa Ħittin, dawn “kienu taʼ mrar għal qalb Iżakk u Rebekka [il-ġenituri tiegħu].” Rebekka saħansitra lmentat: “Iddejjaqt minn ħajti minħabba l-bniet taʼ Ħet. Jekk [it-tifel tagħna] Ġakobb jiżżewweġ xi waħda mill-bniet taʼ Ħet bħal dawn, xi mara minn din l-art, xi tkun tiswieli ħajti?” (Ġen. 26:34, 35; 27:46) Iżakk ħa azzjoni u bagħat lil Ġakobb biex isib mara minn fost il-qaddejja taʼ Ġeħova. Għalkemm Iżakk u Rebekka ma setgħux ibiddlu dak li kien għamel Għesaw, Alla tahom l-għerf, il-kuraġġ, u s-saħħa biex jibqgħu leali Lejh. Jekk nitolbu għall-għajnuna li jkollna bżonn, Ġeħova se jagħmel l-istess għalina.—Salm 118:5.
14. Waħda tifla ċkejkna Iżraelija kif uriet il-kuraġġ?
14 Sekli wara, tifla ċkejkna Iżraelija li kienet ittieħdet bħala lsira minn qatgħa ħallelin saret qaddejja fid-dar taʼ Nagħman, il-kmandant taʼ l-armata Sirjana, raġel milqut bil-ġdiem. Minħabba li kienet semgħet dwar il-mirakli li Alla għamel permezz tal-profeta Eliżew, it-tifla bil-kuraġġ qalet lill-mara taʼ Nagħman: ‘Jekk sidi jmur Iżrael, il-profeta taʼ Ġeħova jfejqu mill-ġdiem tiegħu.’ Nagħman mar Iżrael, u ġie mfejjaq b’miraklu. (2 Slat. 5:1-3) Kemm hi t’eżempju mill-aqwa din it-tifla għaż-żgħażagħ li jistrieħu fuq Ġeħova għall-kuraġġ biex jagħtu xiehda lil għalliema, lil sħabhom taʼ l-iskola, u lil oħrajn!
15. Liema azzjoni kuraġġuża ħa Għobadija, qaddej fid-dar t’Aħab?
15 Il-kuraġġ mogħti minn Alla jgħinna nissaportu l-persekuzzjoni. Ikkunsidra lil Għobadija, qaddej fid-dar tas-Sultan Aħab, li kien jgħix fi żmien il-profeta Elija. Meta r-Reġina Ġeżabel ordnat il-qtil tal-profeti t’Alla, Għobadija ħeba 100 minnhom “ħamsin, ħamsin, fl-għerien.” (1 Slat. 18:13; 19:18) Tkun lest int li bil-kuraġġ tgħin lil sħabek fit-twemmin li jkunu qed jiġu persegwitati, bħalma Għobadija għen lill-profeti taʼ Ġeħova?
16, 17. Aristarku u Gaju kif irreaġixxew għall-persekuzzjoni?
16 Jekk aħna niġu persegwitati, nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jkun magħna. (Rum. 8:35-39) Fit-teatru fil-beraħ t’Efesu, Aristarku u Gaju, li kienu jaħdmu spalla maʼ spalla maʼ Pawlu, iffaċċjaw folla nies li x’aktarx kienet tgħodd bl-eluf. L-arġentier Demetriju kien qanqal rewwixta. Hu u arġentiera oħrajn kienu jagħmlu niċeċ tal-fidda taʼ l-alla mara Artemi, u n-negozju tagħhom li kien irendi ħafna flus kien qed jiġi mhedded għaliex ix-xogħol taʼ l-ippridkar taʼ Pawlu qanqal lil ħafna mir-residenti tal-belt biex jabbandunaw il-qima taʼ l-idoli. Il-folla tan-nies kaxkru lil Aristarku u lil Gaju fit-teatru u baqgħu jgħajtu: “Kbira Artemi taʼ l-Efesin!” Aristarku u Gaju x’aktarx li ħasbu li se jiġu maqtulin, imma r-reġistratur tal-belt ikkalma lill-folla.—Atti 19:23-41.
17 Kieku int għaddejt minn esperjenza bħal din, kont tipprova tgħix ħajja iktar faċli? M’hemm ebda ħjiel li Aristarku u Gaju naqsilhom il-kuraġġ. Minħabba li kien minn Tessalonika, Aristarku kien jaf li l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba jistaʼ jirriżulta f’persekuzzjoni. Ftit taż-żmien qabel, kienet qamet rewwixta meta Pawlu kien ippriedka hemmhekk. (Atti 17:5; 20:4) Peress li Aristarku u Gaju mxew fit-triqat taʼ Ġeħova, huma esperjenzaw is-saħħa u l-kuraġġ mingħand Alla biex jissaportu l-persekuzzjoni.
Fittex l-Interessi t’Oħrajn
18. Priska u Akwila kif kienu qed ‘ifittxu’ l-interessi t’oħrajn?
18 Kemm jekk qed niġu persegwitati issa u kemm jekk le, għandna nkunu konċernati dwar sħabna l-Kristjani. Priska u Akwila kienu qed ‘ifittxu’ l-interessi t’oħrajn. (Aqra Filippin 2:4.) Din il-koppja miżżewġa eżemplari għandha mnejn tat lil Pawlu post fejn joqgħod meta kien f’Efesu, fejn l-arġentier Demetriju kien qanqal ir-rewwixta li ssemmiet qabel. Din is-sitwazzjoni forsi qanqlet lil Akwila u Priska biex ‘jissograw ħajjithom’ għal Pawlu. (Rum. 16:3, 4; 2 Kor. 1:8) Illum, interess f’ħutna li qed jiġu persegwitati jagħmilna “għaqlin bħas-sriep.” (Mt. 10:16-18) Aħna nwettqu x-xogħol tagħna b’għaqal u nirrifjutaw li nittradixxu lil ħutna billi nikxfu isimhom jew nagħtu xi informazzjoni oħra dwarhom lil dawk li jippersegwitawhom.
19. Liema affarijiet tajbin għamlet Dorka għal oħrajn?
19 Hemm diversi modi kif nistgħu nfittxu l-interessi t’oħrajn. Xi Kristjani għandhom ċerti bżonnijiet, u aħna forsi nistgħu nissodisfaw dawn il-bżonnijiet. (Efes. 4:28; Ġak. 2:14-17) Fil-kongregazzjoni taʼ l-ewwel seklu f’Ġoppa, kien hemm mara ġeneruża jisimha Dorka. (Aqra Atti 9:36-42.) Dorka “kienet tagħmel ħafna għemejjel tajbin u tagħti ħafna għotjiet taʼ ħniena,” u milli jidher dawn inkludew li kienet tagħmel il-ħwejjeġ għar-romol fil-bżonn. Il-mewta tagħha, fis-sena 36 E.K., ikkaġunat ħafna niket fost ir-romol. Alla uża lill-appostlu Pietru biex jirxoxta lil Dorka, u x’aktarx li hi qattgħet il-kumplament taʼ ħajjitha fuq l-art tippriedka l-aħbar tajba bil-ferħ u twettaq affarijiet tajbin għal oħrajn. Kemm aħna ferħanin li fostna llum għandna nisa Kristjani mhux egoisti, proprju bħalma kienet din il-mara!
20, 21. (a) L-inkuraġġiment kif għandu x’jaqsam maʼ li nfittxu l-interessi t’oħrajn? (b) X’tistaʼ tagħmel biex tkun taʼ inkuraġġiment?
20 Aħna nfittxu l-interessi t’oħrajn billi ninkuraġġuhom. (Rum. 1:11, 12) Sila, li kien jaħdem flimkien maʼ Pawlu, kien sors taʼ inkuraġġiment. Madwar is-sena 49 E.K., wara li ġiet deċiża l-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni, il-ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm bagħtet rappreżentanti biex iwasslu ittra lill-Kristjani sħabhom f’postijiet oħrajn. Sila, Ġuda, Barnaba, u Pawlu ħaduha Antjokja. Hemmhekk, Sila u Ġuda “inkuraġġew lill-aħwa b’ħafna taħditiet u saħħewhom.”—Atti 15:32.
21 Iktar tard, Pawlu u Sila ntefgħu l-ħabs f’Filippi imma nħelsu minħabba li seħħ terremot. Min jaf kemm ħassewhom ferħanin meta taw xiehda lill-kalzrier u raw lilu u lil dawk taʼ daru jsiru Kristjani! Qabel ma telqu mill-belt, Sila u Pawlu inkuraġġew lill-aħwa. (Atti 16:12, 40) Bħal Pawlu u Sila, stinka biex tinkuraġġixxi lil oħrajn bil-kummenti, bit-taħditiet, u bil-ministeru żeluż tiegħek. M’għandniex xi ngħidu, u meta jkollok ‘xi kelma taʼ inkuraġġiment, għidha.’—Atti 13:15.
Ibqaʼ Miexi fit-Triqat taʼ Ġeħova
22, 23. Kif nistgħu verament nibbenefikaw mir-rakkonti Bibliċi?
22 Tassew għandna nkunu grati għar-rakkonti li seħħew fir-realtà dokumentati fil-Kelma taʼ Ġeħova, “l-Alla taʼ kull inkuraġġiment”! (2 Kor. 1:3, Byington) Sabiex nibbenefikaw minn dawn l-esperjenzi, għandna napplikaw il-lezzjonijiet tal-Bibbja f’ħajjitna u nħallu l-ispirtu qaddis t’Alla jmexxina.—Gal. 5:22-25.
23 Jekk nimmeditaw fuq ir-rakkonti Bibliċi se niġu megħjunin nuru kwalitajiet li jogħġbu lil Alla. Dan se jsaħħaħ ir-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova, li jagħtina “għerf, [“għarfien,” NW] u hena.” (Koħ. 2:26) B’riżultat taʼ dan, nistgħu nferrħu l-qalb kollha mħabba t’Alla. (Prov. 27:11) Jalla nkunu determinati li nagħmlu dan billi nibqgħu mexjin fit-triqat taʼ Ġeħova.
Int Kif Twieġeb?
• Kif tistaʼ turi li int taʼ min jafdak?
• Għala għandna nkunu “umli”?
• Ir-rakkonti Bibliċi kif jistgħu jgħinuna nkunu kuraġġużi?
• B’liema modi nistgħu nfittxu l-interessi t’oħrajn?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 8]
Ġefta, li kien bniedem taʼ min jafdah, u bintu wettqu l-wegħda tiegħu, għalkemm ma kienx faċli għalihom
[Stampa f’paġna 10]
Żgħażagħ, x’tgħallimtu mit-tifla Iżraelija?
[Stampa f’paġna 11]
Dorka kif issodisfat il-bżonnijiet tal-Kristjani sħabha?