Ġesù Kristu—L-Aqwa Missjunarju
Ġesù Kristu—L-Aqwa Missjunarju
“Jien rappreżentant tiegħu, u Hu bagħatni.”—ĠW. 7:29.
1, 2. X’inhu missjunarju, u min jistaʼ jissejjaħ l-aqwa Missjunarju?
X’JIĠIK f’moħħok meta tismaʼ l-kelma “missjunarju”? Xi wħud jaħsbu fil-missjunarji tal-Kristjaneżmu, li ħafna minnhom jinvolvu ruħhom fi kwistjonijiet politiċi u ekonomiċi tal-pajjiżi fejn ikunu qed jaqdu. Iżda, bħala wieħed jew waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova, int forsi jiġuk f’moħħok il-missjunarji li jintbagħtu mill-Ġemgħa li Tiggverna biex jippridkaw l-aħbar tajba f’ħafna pajjiżi differenti madwar id-dinja. (Mt. 24:14) Dawn il-missjunarji jiddedikaw bla egoiżmu l-ħin u l-enerġija tagħhom għall-kawża nobbli li jgħinu lin-nies jersqu qrib lejn Alla Ġeħova u jgawdu relazzjoni speċjali miegħu.—Ġak. 4:8.
2 Iż-żewġ kelmiet “missjunarju” u “missjunarji” ma jinstabux fit-test prinċipali tan-New World Translation of the Holy Scriptures. Madankollu, fin-nota taʼ taħt t’Efesin 4:11, tgħid li l-kelma Griega tradotta “evanġelizzaturi” tistaʼ tiġi tradotta wkoll “missjunarji.” Ġeħova hu l-aqwa Evanġelizzatur, iżda ma nistgħux insejħulu l-aqwa Missjunarju, għax hu qatt ma kien mibgħut minn xi ħadd. Però, dwar Missieru tas-sema, Ġesù Kristu jgħid: “Jien rappreżentant tiegħu, u Hu bagħatni.” (Ġw. 7:29) F’turija taʼ mħabba għad-dinja taʼ l-umanità, Ġeħova bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu fuq l-art. (Ġw. 3:16) Ġesù jistaʼ jissejjaħ l-aqwa Missjunarju, Missjunarju li ma bħalu, għax raġuni waħda għala kien mibgħut fuq l-art kienet biex ‘jixhed għall-verità.’ (Ġw. 18:37) Hu rnexxa bis-sħiħ f’li jxandar l-aħbar tajba tas-Saltna, u aħna għadna nistgħu nibbenefikaw mis-servizz tiegħu sa llum. Per eżempju, aħna nistgħu napplikaw il-metodu tiegħu taʼ tagħlim fil-ministeru tagħna, sew jekk aħna ġejna inkarigati bħala missjunarji u sew jekk le.
3. Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?
3 L-irwol taʼ Ġesù bħala proklamatur tas-Saltna jqajjem ċerti mistoqsijiet, bħal dawn li ġejjin: Ġesù minn xiex għadda meta kien fuq l-art? It-tagħlim tiegħu għala kien effettiv? U x’kien li għamel il-ministeru tiegħu wieħed taʼ suċċess?
Spirtu taʼ Rieda Tajba f’Ċirkustanzi Differenti
4-6. X’kienu xi ftit mill-bidliet li ffaċċja Ġesù meta ntbagħat fuq l-art?
4 Il-missjunarji taʼ żmienna u xi Kristjani li jmorru jgħixu f’postijiet fejn il-bżonn għal proklamaturi tas-Saltna huwa akbar għandu mnejn ikunu jridu jidraw il-kundizzjonijiet taʼ ħajja li jkunu taʼ livell iktar baxx minn dak li kienu mdorrijin bih qabel. Iżda aħna lanqas nistgħu nimmaġinaw x’kuntrast hemm bejn iċ-ċirkustanzi li Ġesù kellu fuq l-art u dawk li kellu fis-sema, fejn kien jgħix maʼ Missieru fost ħlejjaq anġeliċi li kienu jaqdu lil Ġeħova b’motivi puri. (Ġob 38:7) X’differenza meta kellu jgħix fost bnedmin midinbin f’dinja korrotta! (Mk. 7:20-23) Ġesù saħansitra kellu jittratta mal-pika li kien hemm fost l-eqreb dixxipli tiegħu. (Lq. 20:46; 22:24) M’għandniex xi ngħidu, hu ttratta maʼ dak kollu li ltaqaʼ miegħu fuq l-art b’mod perfett.
5 Ġesù ma bediex jitkellem xi lingwa tal-bnedmin b’mod mirakoluż; hu beda jitgħallem il-lingwa bħala tifel ċkejken. X’bidla kienet din, meta tqis li hu kien il-mexxej taʼ l-anġli fis-sema! Fuq l-art, Ġesù uża minn taʼ l-inqas wieħed mill-“ilsna tal-bnedmin.” Dan kien differenti għalkollox mill-‘ilsna taʼ l-anġli.’ (1 Kor. 13:1) Iżda, rigward l-użu taʼ kliem ħelu, l-ebda bniedem ma qatt tkellem bħalma tkellem Ġesù.—Lq. 4:22.
6 Ikkunsidra modi oħrajn kif l-affarijiet inbidlu bil-kbir għall-Iben t’Alla meta ġie fuq l-art. Għalkemm ma wiritx id-dnub minn Adam, Ġesù sar bniedem, bħal dawk li iktar tard kellhom isiru “ħutu,” jew is-segwaċi midlukin tiegħu. (Aqra Ebrej 2:17, 18.) Fl-aħħar lejl tal-ħajja tiegħu fuq l-art, Ġesù ma talabx lil Missieru tas-sema biex jibgħat “iktar minn tnax-il leġjun t’anġli.” Iżda aħseb ftit dwar il-ħlejjaq anġeliċi li fuqhom kellu awtorità bħala Mikiel l-Arkanġlu! (Mt. 26:53; Ġuda 9) Iva, Ġesù wettaq il-mirakli; madankollu, dak li għamel meta kien fuq l-art kien relattivament limitat meta jitqabbel maʼ dak li setaʼ jkun kapaċi jwettaq fis-sema.
7. Il-Lhud kif aġixxew fejn kienet tidħol il-Liġi?
7 Bħala “l-Kelma,” matul l-eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem, Ġesù x’aktarx li kien il-Kelliemi t’Alla li mexxa lill-Iżraelin fix-xagħri. (Ġw. 1:1; Eżo. 23:20-23) Madankollu, huma kienu ‘rċivew il-Liġi kif ngħatat mill-anġli imma ma żammewhiex.’ (Atti 7:53; Ebr. 2:2, 3) Fil-fatt, il-mexxejja reliġjużi Lhud taʼ l-ewwel seklu ma fehmux is-sinifikat veru tal-Liġi. Per eżempju, ikkunsidra l-liġi tas-Sabat. (Aqra Marku 3:4-6.) L-iskribi u l-Fariżej ‘injoraw l-affarijiet li huma iktar importanti fil-Liġi, jiġifieri, il-ġustizzja u l-ħniena u l-fedeltà.’ (Mt. 23:23) Minkejja dan, Ġesù ma qatax qalbu u ma waqafx jiddikjara l-verità.
8. Ġesù għala jistaʼ jgħinna?
8 Ġesù kellu spirtu taʼ rieda tajba. Hu kien imqanqal mill-imħabba li kellu għan-nies u mix-xewqa kbira li jgħinhom. Hu qatt ma tilef l-ispirtu taʼ l-evanġelizzar. U minħabba l-fedeltà tiegħu lejn Ġeħova, meta kien fuq l-art, Ġesù “sar responsabbli mis-salvazzjoni taʼ dejjem taʼ dawk kollha li jobduh.” Iktar minn hekk, “billi hu stess sofra meta kien imġarrab, jistaʼ jidħol għal dawk [bnedmin bħalna] li qed jiġu mġarrbin.”—Ebr. 2:18; 5:8, 9.
Imħarreġ Sew Bħala Għalliem
9, 10. Ġesù liema xorta taʼ taħriġ irċieva qabel ma ntbagħat fuq l-art?
9 Qabel ma l-Kristjani taʼ żmienna jintbagħtu bħala missjunarji, il-Ġemgħa li Tiggverna taħsbilhom għat-taħriġ. Ġesù Kristu qatt irċieva taħriġ? Iva, iżda mhux billi attenda l-iskejjel rabbiniċi qabel ma ġie midluk bħala l-Messija; u lanqas ma kien mgħallem minn xi mexxejja reliġjużi li kienu prominenti. (Ġw. 7:15; qabbel Atti 22:3.) Mela, allura Ġesù għala kien daqshekk kwalifikat biex jgħallem?
10 Minkejja dak li setaʼ tgħallem mingħand ommu, Marija, u l-missier adottiv tiegħu, Ġużeppi, Ġesù rċieva t-taħriġ prinċipali tiegħu għall-ministeru mingħand l-ogħla Wieħed. Dwar dan, Ġesù qal: “Ma tkellimtx minn jeddi, imma l-Missier li bagħatni, hu stess ordnali x’għandi ngħid u x’għandi nitkellem.” (Ġw. 12:49) Innota li l-Iben kien mogħti istruzzjoni speċifika dwar dak li kellu jgħallem. Qabel ma ġie fuq l-art, bla dubju Ġesù qattaʼ ħafna ħin jagħti widen għall-istruzzjoni taʼ Missieru. Liema taħriġ aħjar setaʼ jirċievi?
11. Ġesù sa liema punt irrifletta l-attitudni taʼ Missieru lejn il-bnedmin?
11 Sa minn meta ġie maħluq, l-Iben kellu relazzjoni mill-qrib maʼ Missieru. Matul l-eżistenza tiegħu qabel sar bniedem, Ġesù għaraf l-attitudni t’Alla lejn il-bnedmin billi osserva l-mod kif Ġeħova jittratta magħhom. L-imħabba t’Alla għall-bnedmin kienet tidher fl-Iben tant li bħala l-għerf personifikat, hu setaʼ jgħid: “Nitgħaxxaq b’ulied il-bnedmin.”—Prov. 8:22, 31.
12, 13. (a) Ġesù kif tgħallem billi osserva l-mod kif Missieru mexa maʼ l-Iżraelin? (b) Ġesù kif użah it-taħriġ li rċieva?
12 It-taħriġ li rċieva l-Iben kien jinkludi wkoll li josserva l-mod kif Missieru kien jittratta ċirkustanzi diffiċli. Per eżempju, ikkunsidra l-mod kif Ġeħova mexa maʼ l-Iżraelin li kienu diżubbidjenti. Neħemija 9:28 jgħid: “Kif kienu jsibu l-mistrieħ, kienu jerġgħu bħal qabel, u jagħmlu dak li hu ħażin quddiemek [Ġeħova]. Int kont titlaqhom f’idejn l-għedewwa tagħhom, u dawn kienu jaħkmu fuqhom. Imma mbagħad kienu jerġgħu lura, u jsejjħu lilek, u int mis-smewwiet kont tismagħhom. Kemm-il darba ħlisthom skond il-ħniena tiegħek.” Billi ħadem maʼ Ġeħova u osservah, Ġesù kkultiva mogħdrija simili għan-nies fit-territorju tiegħu.—Ġw. 5:19.
13 Ġesù poġġa t-taħriġ tiegħu fil-prattika billi ttratta lid-dixxipli tiegħu b’mogħdrija. Fil-lejl taʼ qabel mewtu, l-appostli kollha li tant kien iħobb “abbandunawh u ħarbu.” (Mt. 26:56; Ġw. 13:1) L-appostlu Pietru saħansitra ċaħad lil Kristu tliet darbiet! Minkejja dan, Ġesù ħalla l-bieb miftuħ għall-appostli tiegħu sabiex jerġgħu lura għandu. Hu qal lil Pietru: “Jien tlabt bil-ħerqa għalik biex il-fidi tiegħek ma tonqosx; u int, meta terġaʼ tiġi lura, saħħaħ lil ħutek.” (Lq. 22:32) Iżrael spiritwali ġie stabbilit b’suċċess fuq “l-appostli u l-profeti,” u l-ġebel tal-pedament tal-ħajt taʼ Ġerusalemm il-Ġdida għandu l-isem tat-12-il appostlu leali tal-Ħaruf, Ġesù Kristu. Sa llum, il-Kristjani midlukin flimkien maʼ sħabhom li huma dedikati, in-“nagħaġ oħrajn,” jiffjorixxu fix-xogħol tagħhom taʼ l-ippridkar dwar is-Saltna taħt l-id setgħana t’Alla u t-tmexxija taʼ Ibnu l-għażiż.—Efes. 2:20; Ġw. 10:16; Riv. 21:14.
Il-Mod Kif Għallem Ġesù
14, 15. It-tagħlim taʼ Ġesù b’liema modi kien differenti minn dak taʼ l-iskribi u l-Fariżej?
14 Ġesù kif poġġa t-taħriġ tiegħu fil-prattika meta għallem lis-segwaċi tiegħu? Meta nqabblu l-mod kif kien jgħallem Ġesù mal-mod kif kienu jgħallmu l-mexxejja reliġjużi Lhud, nistgħu naraw ċar kemm kien superjuri l-mod kif kien jgħallem Ġesù. L-iskribi u l-Fariżej ‘ġabuha fix-xejn il-kelma t’Alla minħabba t-tradizzjoni tagħhom.’ B’kuntrast, Ġesù ma tkellimx minn żniedu; hu żamm mal-kelma, jew il-messaġġ t’Alla. (Mt. 15:6; Ġw. 14:10) Dan hu dak li għandna bżonn nagħmlu aħna wkoll.
15 Kien hemm fattur ieħor li għamel lil Ġesù differenti għalkollox mill-mexxejja reliġjużi. Dwar l-iskribi u l-Fariżej, hu qal: “Kulma jgħidulkom agħmluh u osservawh, imma tagħmlux bħalhom, għax ma jagħmlux dak li jgħidu.” (Mt. 23:3) Ġesù kien jipprattika dak li għallem. Ejja nikkunsidraw eżempju wieħed li jagħti prova li dan hu veru.
16. Għala tistaʼ tgħid li Ġesù għex fi qbil mal-kliem tiegħu mniżżel f’Mattew 6:19-21?
16 Ġesù ħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex ‘jaħżnu teżori fis-sema.’ (Aqra Mattew 6:19-21.) Ġesù nnifsu għex fi qbil maʼ din it-twissija? Iva, għax hu setaʼ verament jgħid dwaru nnifsu: “Il-volpijiet għandhom l-għerien u l-għasafar tas-sema għandhom il-bejtiet, imma Bin il-bniedem m’għandu mkien fejn imidd rasu.” (Lq. 9:58) Ġesù kien jgħix ħajja sempliċi. Hu kien medhi primarjament bix-xandir taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna, u wera x’kien ifisser li tkun ħieles mill-ansjetajiet li jiġu meta taħżen teżori fuq l-art. Ġesù wera li jkun ħafna aħjar li wieħed jaħżen teżori fis-sema, “fejn ma jittiklux mill-kamla u mis-sadid, u fejn ma jidħlux il-ħallelin biex jisirqu.” Qiegħed int issegwi t-twissija taʼ Ġesù biex taħżen teżori fis-sema?
Kwalitajiet li Ġibdu lin-Nies Lejn Ġesù
17. Liema kwalitajiet għamlu lil Ġesù evanġelizzatur taʼ l-għaġeb?
17 Liema kwalitajiet għamlu lil Ġesù evanġelizzatur taʼ l-għaġeb? Kwalità waħda kienet l-attitudni tiegħu lejn in-nies li kien jgħin. Fost il-kwalitajiet mill-aqwa taʼ Ġeħova, li kien jimita Ġesù, insibu l-umiltà, l-imħabba, u l-mogħdrija. Innota kif dawn il-kwalitajiet ġibdu ħafna nies lejn Ġesù.
18. Għala jistaʼ jingħad li Ġesù kien umli?
18 Billi aċċetta l-inkarigu li jiġi fuq l-art, Ġesù “xejjen lilu nnifsu u ħa s-sura taʼ lsir u sar jixbah lill-bnedmin.” (Flp. 2:7) Dan kien att t’umiltà. Iktar minn hekk, Ġesù ma qiesx lin-nies bħala inferjuri għalih. Hu ma rraġunax, ‘Jien qgħadt noqgħod ninżel mis-sema, allura issa tridu tagħtuni widen.’ Kuntrarju għal dawk li b’qerq kienu jgħidu li huma nfushom kienu l-Messija, Ġesù ma kienx ixandar maʼ l-erbat irjieħ l-irwol tiegħu bħala l-Messija l-veru. Kultant hu kien jgħid lin-nies biex ma jgħidu lil ħadd min kien jew x’kien għamel. (Mt. 12:15-21) Ġesù ried li d-deċiżjoni li jieħdu n-nies biex isegwuh tkun ibbażata fuq dak li jkunu raw huma b’għajnejhom stess. Kemm kienu mberkin id-dixxipli tiegħu li l-Mulej tagħhom ma stenniex li huma jkunu bħall-anġli perfetti li magħhom kien issieħeb fis-sema!
19, 20. L-imħabba u l-mogħdrija kif qanqlu lil Ġesù biex jgħin lin-nies?
19 Ukoll, Ġesù Kristu wera l-imħabba—kwalità prinċipali taʼ Missieru tas-sema. (1 Ġw. 4:8) Ġesù għallem lill-udjenzi tiegħu bl-imħabba. Per eżempju, ikkunsidra s-sentimenti tiegħu għal ċertu ħakkiem żagħżugħ. (Aqra Marku 10:17-22.) Ġesù “ħass imħabba għalih” u ried jgħinu, iżda l-ħakkiem żagħżugħ m’abbandunax il-ġid kbir li kellu sabiex isir segwaċi taʼ Kristu.
20 Fost il-kwalitajiet sbieħ taʼ Ġesù nsibu l-mogħdrija. Bħall-bnedmin imperfetti kollha, dawk li wieġbu għat-tagħlim tiegħu kienu mgħobbijin bil-problemi. Konxju taʼ dan, Ġesù għallimhom b’mogħdrija u ħniena. Sabiex nagħtu eżempju: F’okkażjoni minnhom, Ġesù u l-appostli tiegħu tant kellhom x’jagħmlu li lanqas kellhom ħin jieklu. Madankollu, x’kienet ir-reazzjoni taʼ Ġesù meta ra li kienet inġabret folla nies? Ħassu mqanqal u “tħassarhom, għax kienu bħal nagħaġ mingħajr ragħaj. U beda jgħallimhom ħafna affarijiet.” (Mk. 6:34) Ġesù nnota l-qagħda msejkna tan-nies fit-territorju tiegħu u uża l-enerġija tiegħu biex jgħallimhom u jwettaq mirakli għall-benefiċċju tagħhom. Xi wħud inġibdu lejn il-kwalitajiet mill-aqwa tiegħu, tqanqlu bi kliemu, u saru dixxipli tiegħu.
21. X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
21 Hemm ħafna iktar x’nistgħu nitgħallmu dwar il-ministeru taʼ Ġesù fuq l-art, bħalma se juri l-artiklu li jmiss. B’liema modi oħrajn nistgħu nimitaw lil Ġesù Kristu, l-aqwa Missjunarju?
Int Kif Twieġeb?
• Liema taħriġ irċieva Ġesù qabel ġie fuq l-art?
• Il-mod kif kien jgħallem Ġesù kif kien superjuri għall-mod kif għallmu l-iskribi u l-Fariżej?
• Liema kwalitajiet ġibdu lin-nies lejn Ġesù?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 15]
Ġesù kif għallem lill-folol?