Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Tistaʼ persuna tiġi maqtugħa mis-sħubija tal-kongregazzjoni Kristjana jekk tinvolvi ruħha f’nuqqas taʼ ndafa bħalma tistaʼ tiġi maqtugħa meta tinvolvi ruħha f’żína jew f’kondotta laxka?
Iva, individwu jistaʼ jiġi maqtugħ mill-kongregazzjoni jekk bla ndiema jipprattika kemm iż-żína, xi forom taʼ nuqqas taʼ ndafa, jew kondotta laxka. L-appostlu Pawlu jniżżel dawn it-tliet dnubiet maʼ għemejjel oħrajn li jwasslu għal qtugħ mis-sħubija meta jikteb: “L-għemejjel tal-laħam jidhru ċar, u huma ż-żína, in-nuqqas taʼ ndafa, il-kondotta laxka . . . qed inwissikom minn qabel . . . li min jipprattika dawn l-affarijiet ma jiritx is-saltna t’Alla.”—Galatin 5:19-21.
Iż-żína (bil-Grieg, pornea) tapplika għal relazzjonijiet sesswali projbiti li jsiru barra ż-żwieġ Skritturali. Din tinkludi l-adulterju, il-prostituzzjoni, u relazzjonijiet sesswali bejn individwi mhux miżżewġin kif ukoll sess orali u anali u manipulazzjoni sesswali tal-ġenitali taʼ xi ħadd li ma jkunx miżżewweġ lil dik il-persuna. Persuna li mingħajr ma tindem tipprattika ż-żína ma tappartjenix lill-kongregazzjoni Kristjana.
Il-kondotta laxka (bil-Grieg, aselgeja) tinkludi kondotta “bla rażan; immorali; bla mistħija; imġiba żienja.” Id-dizzjunarju The New Thayer’s Greek English Lexicon jiddefinixxi t-terminu Grieg bħala “xewqa żienja bla lġiem, . . . bla sens morali, bla mistħija, bla rispett fl-imġiba.” Skond dizzjunarju Grieg ieħor, il-kondotta laxka hija forma taʼ mġiba li “taqbeż kull limitu taʼ dak li huwa aċċettat b’mod soċjali.”
Bħalma juru d-definizzjonijiet li ssemmew, il-“kondotta laxka” tinvolvi żewġ elementi: (1) L-imġiba nfisha hija ksur serju tal-liġijiet t’Alla, u (2) l-attitudni taʼ min jagħmel il-ħażin turi diżrispett.
Għaldaqstant, il-“kondotta laxka” ma tirreferix għal imġiba ħażina taʼ grad minuri. Din tinvolvi atti li huma ksur serju tal-liġijiet t’Alla u li jirriflettu attitudni sfaċċata u taʼ nuqqas taʼ rispett b’ras iebsa—spirtu li juri diżrispett jew anki disprezz għall-awtorità, liġijiet, u livelli. Pawlu jagħmel konnessjoni bejn il-kondotta laxka u s-sess projbit. (Rumani 13:13, 14) Ladarba Galatin 5:19-21 iniżżel il-kondotta laxka fost l-għadd taʼ prattiċi midinba li jiskwalifikaw lil wieħed milli jiret is-Saltna t’Alla, il-kondotta laxka hija bażi għal twiddib u tistaʼ wkoll twassal għal qtugħ mis-sħubija mill-kongregazzjoni Kristjana.
In-nuqqas taʼ ndafa (bil-Grieg, akatarsja) huwa l-iktar terminu miftuħ mit-tliet termini tradotti “żína,” “nuqqas taʼ ndafa,” u “kondotta laxka.” Dan jiġbor fih nuqqas taʼ purità taʼ kull xorta—fi kwistjonijiet sesswali, fil-kliem, fl-imġiba, u f’relazzjonijiet spiritwali. In-“nuqqas taʼ ndafa” jinkludi varjetà kbira taʼ dnubiet serji.
Bħalma huwa dokumentat fit-2 Korintin 12:21, Pawlu jirreferi għal dawk “li kienu dinbu u ma nidmux min-nuqqas taʼ ndafa u ż-żína u l-kondotta laxka li pprattikaw.” Ladarba n-“nuqqas taʼ ndafa” huwa mniżżel maż-“żína u l-kondotta laxka,” xi forom taʼ nuqqas taʼ ndafa jirrikjedu azzjoni ġudizzjarja. Imma n-nuqqas taʼ ndafa huwa terminu vag li jiġbor fih affarijiet li m’humiex taʼ natura ġudizzjarja. Bħalma dar tistaʼ tkun xi ftit maħmuġa jew inkella inkallata bil-ħmieġ, hemm livelli differenti taʼ nuqqas taʼ ndafa.
Skond Efesin 4:19, Pawlu jirreferi għal xi wħud fi żmienu li “tilfu kull sens morali” u “ngħataw għall-kondotta laxka biex b’regħba jagħmlu kull xorta taʼ nuqqas taʼ ndafa.” Għaldaqstant, Pawlu jpoġġi ‘n-nuqqas taʼ ndafa b’regħba’ fl-istess kategorija mal-kondotta laxka. Jekk individwu mgħammed jipprattika bla ndiema ‘nuqqas taʼ ndafa b’regħba,’ dan jistaʼ jiġi maqtugħ mill-kongregazzjoni fuq il-bażi taʼ nuqqas taʼ ndafa kbir.
Nagħmlu mod li jkun hemm koppja għarusa li għal diversi drabi jinvolvu ruħhom f’ħafna żegħil u bews li jqanqal passjoni. L-anzjani jistgħu jiddeterminaw li filwaqt li huma ma wrewx attitudni sfaċċata, jew bla mistħija, li hija karatteristika tal-kondotta laxka, kien hemm ammont taʼ regħba fl-imġiba tagħhom. Għalhekk, l-anzjani għandhom mnejn jieħdu azzjoni ġudizzjarja minħabba li kien hemm involut nuqqas taʼ ndafa kbir. In-nuqqas taʼ ndafa kbir jistaʼ jkun bażi xierqa biex jiġi trattat każ taʼ individwu li b’mod ripetut jagħmel telefonati espliċiti sesswalment lil persuna oħra, speċjalment jekk qabel hu kien diġà ġie mwissi dwar il-kwistjoni.
Hemm bżonn tad-dixxerniment min-naħa taʼ l-anzjani biex jagħmlu ġudizzji bħal dawn. Meta jiġu biex jiddeterminaw jekk għandhiex tittieħed azzjoni ġudizzjarja, huma jridu jaraw bir-reqqa dak li attwalment ġara u sa liema punt sar. Din m’hijiex kwistjoni taʼ li titfaʼ ħtija taʼ kondotta laxka fuq kulmin ma jaċċettax parir Skritturali; lanqas m’hija kwistjoni taʼ li tagħmel xi somma matematika biex tara kemm-il darba individwu jistaʼ jikkommetti xi azzjoni midinba qabel ma tittieħed azzjoni ġudizzjarja. L-anzjani għandhom jiżnu bir-reqqa u bit-talb kull sitwazzjoni u jsiru jafu attwalment x’ġara u kemm-il-darba sar, il-grad taʼ l-imġiba ħażina u sa liema punt saret, u l-intenzjoni u l-motiv taʼ min ikun wettaq l-għemil ħażin.
In-nuqqas taʼ ndafa kbir ma jidhirx biss fi dnubiet sesswali. Biex nagħtu eżempju, ġuvnott mgħammed għandu mnejn ipejjep xi ftit sigaretti f’perijodu taʼ żmien qasir u jistqarr dak li għamel mal-ġenituri tiegħu. Hu jkun determinat li ma jerġax ipejjep. Dan hu nuqqas taʼ ndafa, 2 Korintin 7:1) Jekk it-tifel ma jindimx, jiġi maqtugħ mis-sħubija.
imma ma wasalx sal-punt taʼ ‘nuqqas taʼ ndafa b’regħba.’ Parir Skritturali minn anzjan jew tnejn, flimkien maʼ l-appoġġ tal-ġenituri tiegħu għandu jkun biżżejjed. Imma jekk it-tifel ikun ipejjep is-sigaretti fuq bażi regulari, dan ikun tinġis tal-laħam magħmul bil-ħsieb, u għaldaqstant jinħatar kumitat ġudizzjarju biex jikkunsidra dan il-każ fuq il-bażi taʼ nuqqas taʼ ndafa kbir. (Xi Kristjani involvew ruħhom f’li jaraw il-pornografija. Din hija xi ħaġa offensiva għal Alla, u l-anzjani b’mod xieraq jistgħu jixxokkjaw ruħhom meta jsiru jafu li xi ħadd taʼ l-istess twemmin kien involut fiha. Però, mhux il-każi kollha taʼ min jara l-pornografija jagħtu bażi biex jiltaqaʼ kumitat ġudizzjarju. Per eżempju, nagħmlu mod li wieħed ħu diversi drabi ra pornografija inqas espliċita hekk imsejħa soft-core. Hu jistħi b’dak li għamel, jistqarr dan m’anzjan, u huwa determinat li ma jerġax jirripeti dan id-dnub. L-anzjan jistaʼ jiddetermina sew li l-imġiba tal-ħu ma laħqitx il-punt fejn qed jagħmel ‘kull tip taʼ nuqqas taʼ ndafa b’regħba’; lanqas ma wera attitudni taʼ bla mistħija, li tindika kondotta laxka. Għalkemm ebda azzjoni ġudizzjarja ma tittieħed, dan it-tip taʼ nuqqas taʼ ndafa jeħtieġ parir Skritturali qawwi, u, forsi wkoll, li l-anzjani jibqgħu jsegwu l-każ u jagħtu l-għajnuna tagħhom.
Madankollu, suppost li għal ħafna snin Kristjan bil-moħbi jkun ra pornografija moqżieża li hija degradanti sesswalment u jkun għamel dak kollu li setaʼ biex jaħbi dan id-dnub. Din il-pornografija setgħet tinkludi stupru minn grupp taʼ nies, irbit sforzat, tortura sadistika, ħruxija fuq in-nisa, jew anki pornografija tat-tfal. Meta oħrajn isiru jafu bl-imġiba tiegħu, hu jħossu mistħi bil-kbir. L-attitudni tiegħu ma kinitx waħda taʼ mingħajr mistħija, imma l-anzjani jistgħu jiddeterminaw li hu ‘ngħata’ għal dan il-vizzju maħmuġ u pprattika ‘nuqqas taʼ ndafa b’regħba,’ li hi nuqqas taʼ ndafa kbir. F’dan il-każ jiġi fformat kumitat ġudizzjarju minħabba li hemm involut nuqqas taʼ ndafa kbir. Dak li jkun għamel dan l-għemil ħażin għandu jiġi maqtugħ mis-sħubija jekk ma jkunx wera ndiema lejn Alla u determinazzjoni biex jaqtaʼ l-vizzju li ma jibqax jara l-pornografija. Jekk hu jkun stieden lil oħrajn id-dar biex jaraw il-pornografija—u fil-fatt ikun ippromwova din il-ħaġa—hu jkun qed jagħti evidenza t’attitudni sfaċċata, jew bla mistħija, li hija karatteristika taʼ kondotta laxka.
It-terminu Skritturali “kondotta laxka” dejjem jinvolvi dnub serju, ħafna drabi dnub sesswali. Meta jipprovaw jidentifikaw il-kondotta laxka, l-anzjani għandhom jaraw jekk hemmx attitudni sfaċċata, immoralità, affarijiet moqżieża, nuqqas taʼ mistħija, u dak li huwa xokkanti għad-deċenza pubblika. Min-naħa l-oħra, ksur serju tal-liġi taʼ Ġeħova li jsir minn persuna li ma turix attitudni sfaċċata jistaʼ jkun sar “b’regħba.” Dawn il-każi għandhom jiġu trattati fuq il-bażi tan-nuqqas taʼ ndafa kbir li jinvolvu.
Hija responsabbiltà serja meta wieħed jiddetermina jekk xi ħadd wasalx sal-punt li jkun ħati taʼ nuqqas taʼ ndafa kbir jew taʼ kondotta laxka, għax hemm il-ħajjiet involuti. Dawk li jiġġudikaw każi bħal dawn għandhom jagħmlu dan bit-talb, billi jitolbu lil Alla għall-ispirtu qaddis tiegħu, id-dehen, u l-fehma. L-anzjani għandhom bżonn iżommu s-safa fil-kongregazzjoni u għandhom jibbażaw il-ġudizzju tagħhom fuq il-Kelma t’Alla kif ukoll fuq id-direzzjoni provduta mill-“ilsir leali u għaqli.” (Mattew 18:18; 24:45) F’dawn il-jiem mill-agħar, iktar minn qatt qabel, l-anzjani jeħtieġu li jżommu f’moħħhom il-kliem: “Araw xi tkunu tagħmlu, għax m’intomx tiġġudikaw f’isem il-bnedmin, imma f’isem [Ġeħova, NW].”—2 Kronaki 19:6.