“Ibqgħu Agħmlu Kollox bla Tgergir”
“Ibqgħu Agħmlu Kollox bla Tgergir”
“Ibqgħu agħmlu kollox bla tgergir.”—FILIPPIN 2:14.
1, 2. L-appostlu Pawlu liema parir ta lill-Kristjani f’Filippi u f’Korintu, u għala?
FL-ITTRA tiegħu ispirata minn Alla lill-kongregazzjoni Kristjana taʼ l-ewwel seklu f’Filippi, l-appostlu Pawlu ta ħafna tifħir. Hu faħħar lil sħabu fit-twemmin f’dik il-belt għall-ispirtu ġeneruż u żeluż tagħhom, u esprima l-ferħ tiegħu minħabba l-għemejjel tajbin tagħhom. Minkejja dan, Pawlu fakkarhom biex ‘jibqgħu jagħmlu kollox bla tgergir.’ (Filippin 2:14) L-appostlu għala ta din it-twiddiba?
2 Pawlu kien jaf għalxiex jistaʼ jwassal it-tgergir. Ftit tas-snin qabel, hu kien fakkar lill-kongregazzjoni f’Korintu li t-tgergir jistaʼ jkun perikoluż. Pawlu fakkarhom li meta l-Iżraelin kienu fix-xagħri, huma għal darba wara l-oħra qanqlu r-rabja taʼ Ġeħova. Kif? Billi xxennqu għal affarijiet li jagħmlu l-ħsara, billi pprattikaw l-idolatrija u ż-żína, billi ġarrbu lil Ġeħova, u billi gergru. Pawlu inkuraġġixxa lill-Korintin biex jitgħallmu minn dawn l-eżempji. Hu kiteb: “Lanqas [m’għandna] ingergru, kif gergru xi wħud minnhom, u spiċċaw biex inqerdu mill-qerried.”—1 Korintin 10:6-11.
3. Is-suġġett tat-tgergir għala huwa taʼ interess illum?
3 Bħala l-qaddejja taʼ Ġeħova llum, aħna nuru spirtu simili għal dak tal-kongregazzjoni f’Filippi. Aħna żelużi għal għemejjel tajbin, u għandna l-imħabba bejnietna. (Ġwanni 13:34, 35) Però, meta nqisu l-ħsara li t-tgergir ikkaġuna fost il-poplu t’Alla fil-passat, għandna raġuni tajba biex nagħtu kas il-parir: “Ibqgħu agħmlu kollox bla tgergir.” Ejja l-ewwelnett nikkunsidraw eżempji taʼ tgergir imsemmijin fl-Iskrittura. Imbagħad se niddiskutu xi affarijiet li nistgħu nagħmlu biex ma nħallux it-tgergir jagħmel il-ħsara llum.
Ġemgħa Ħażina Tgerger Kontra Ġeħova
4. L-Iżraelin b’liema mod gergru fix-xagħri?
4 Il-kelma Ebrajka li tfisser ‘li tgerger, tgemgem, tilmenta, jew tredden’ hija użata fil-Bibbja b’konnessjoni maʼ ġrajjiet matul l-40 sena li l-Iżraelin għamlu fix-xagħri. Kultant, l-Iżraelin ma kinux kuntenti bis-sitwazzjoni tagħhom u esprimew dan billi gergru. Per eżempju, ftit ġimgħat biss wara l-ħelsien tagħhom mill-jasar fl-Eġittu, “il-ġemgħa kollha taʼ wlied Iżrael bdew igergru kontra Mosè u Aron.” L-Iżraelin gergru dwar l-ikel tagħhom, billi qalu: “M’hux li mitna b’id il-Mulej fl-art taʼ l-Eġittu, meta konna ħdejn il-borom tal-laħam u konna nieklu ħobż bix-xabaʼ! Ħriġtuna f’dan id-deżert biex toqtlu bil-ġuħ din il-ġemgħa kollha!”—Eżodu 16:1-3.
5. Meta l-Iżraelin ilmentaw, it-tgergir tagħhom fir-realtà lil min kien indirizzat?
5 Fir-realtà, Ġeħova sostna lill-Iżraelin b’dak li kellhom bżonn fix-xagħri, billi bl-imħabba pprovdielhom ikel u ilma. Qatt ma kien hemm it-theddida li l-ġens taʼ Iżrael kien se jmut bil-ġuħ fix-xagħri. Però, minħabba li ma kinux kuntenti, huma esaġeraw is-sitwazzjoni diffiċli tagħhom u bdew igergru. Għalkemm it-tgergir tagħhom ġie indirizzat lil Mosè u Aron, f’għajnejn Ġeħova huma kienu qed igergru kontra tiegħu stess. Mosè qal lill-Iżraelin: “Il-Mulej samaʼ t-tgergir tagħkom li intom gemgimtu kontra tiegħu . . . Għaliex aħna x’aħna? Mhux kontrina gergirtu, imma kontra l-Mulej.”—Eżodu 16:4-8.
6, 7. Bħalma naraw f’Numri 14:1-3, l-attitudni taʼ l-Iżraelin kif inbidlet?
6 Ftit taż-żmien wara dan, l-Iżraelin reġgħu gergru. Mosè bagħat 12-il spija fl-Art Imwiegħda. Għaxra minnhom irritornaw b’rapport negattiv. X’kien ir-riżultat? “L-Iżraelin kollha gemgmu kontra Mosè u Aron, u l-miġemgħa kollha qaltilhom: ‘M’hux li mitna fl-art taʼ l-Eġittu! Jew f’dan id-deżert! Għalfejn se jdaħħalna l-Mulej f’dan il-pajjiż [Kangħan], biex ninqerdu bix-xabla? In-nisa tagħna u wliedna se jeħduhomlna bi priża. Ma jkunx aħjar għalina li nerġgħu lura lejn l-Eġittu?’”—Numri 14:1-3.
7 Kemm kienet inbidlet l-attitudni taʼ l-Iżraelin! Għall-ewwel, tant kemm kienu grati għall-ħruġ tagħhom mill-Eġittu u għall-ħelsien tagħhom mill-Baħar l-Aħmar li kienu tqanqlu biex ikantaw tifħir lil Ġeħova. (Eżodu 15:1-21) Madankollu, hekk kif iffaċċjaw l-iskumditajiet tax-xagħri u l-biżaʼ minħabba l-Kangħanin, il-gratitudni tal-poplu t’Alla nbidlet f’attitudni taʼ skuntentizza. Minflok ma rringrazzjaw lil Alla għal-libertà tagħhom, huma waħħlu fih għal dak li b’mod żbaljat qisuh bħala ċaħda. It-tgergir għalhekk kien espressjoni taʼ nuqqas t’apprezzament għall-provvedimenti taʼ Ġeħova. Mhux taʼ b’xejn li qalilhom: “Kemm se ddum din il-ġemgħa ħażina tgemgem kontrija?”—Numri 14:27; 21:5.
It-Tgergir fl-Ewwel Seklu
8, 9. Semmi xi eżempji taʼ tgergir rakkontati fl-Iskrittura Griega Kristjana.
8 L-eżempji taʼ tgergir li għadna kemm rajna involvew gruppi taʼ nies li milli jidher kienu qed jesprimu l-iskuntentizza tagħhom fil-beraħ. Madankollu, meta Ġesù Kristu kien f’Ġerusalemm għall-Festa taʼ l-Għerejjex fis-sena 32 E.K., “fost il-folol sar ħafna diskors minn taħt l-ilsien dwaru.” (Ġwanni 7:12, 13, 32) Kienu qed ifesfsu dwaru; xi wħud bdew jgħidu li kien raġel tajjeb, oħrajn qalu li ma kienx.
9 F’okkażjoni oħra, Ġesù u d-dixxipli tiegħu kienu mistidnin fid-dar taʼ Levi, jew Mattew, il-kollettur tat-taxxi. “Il-Fariżej u l-iskribi tagħhom bdew igergru mad-dixxipli tiegħu u jgħidulhom: ‘Għala tieklu u tixorbu mal-kolletturi tat-taxxi u l-midinbin?’” (Luqa 5:27-30) Fil-Galilija xi ftit taż-żmien wara, “il-Lhud bdew igergru [kontra Ġesù] għax qal: ‘Jien il-ħobż li niżel mis-sema.’” Anki wħud mis-segwaċi taʼ Ġesù ħadu għalihom minħabba dak li qal u bdew igergru.—Ġwanni 6:41, 60, 61.
10, 11. Il-Lhud li kienu jitkellmu bil-Grieg għala gergru, u l-anzjani Kristjani kif jistgħu jibbenefikaw mill-mod taʼ kif l-ilment ġie trattat?
10 F’każ taʼ tgergir li seħħ ftit wara Pentekoste tas-sena 33 E.K., kien hemm riżultat iktar pożittiv. Ħafna dixxipli li kienu għadhom kif ikkonvertew minn pajjiżi barra minn Iżrael kienu qed igawdu l-ospitalità taʼ sħabhom fit-twemmin fil-Lhudija, imma qamu xi problemi b’konnessjoni mat-tqassim taʼ dak li kien disponibbli. Ir-rakkont jgħid: “Qam tgergir min-naħa tal-Lhud li jitkellmu bil-Grieg kontra l-Lhud li jitkellmu bl-Ebrajk, għax ir-romol tagħhom kienu qed jinqabżu fit-tqassim taʼ l-ikel taʼ kuljum.”—Atti 6:1.
11 Dawk li gergru ma kinux bħall-Iżraelin fix-xagħri. Il-Lhud li kienu jitkellmu bil-Grieg m’esprimewx l-iskuntentizza b’mod egoist dwar is-sitwazzjoni tagħhom fil-ħajja. Huma ġibdu l-attenzjoni lejn in-nuqqas biex jiġu sodisfati l-bżonnijiet taʼ wħud mir-romol. Iktar minn hekk, dawk li gergru ma qagħdux jaqilgħu l-inkwiet u jitkellmu fil-beraħ kontra Ġeħova. Huma stqarrew l-ilment tagħhom maʼ l-appostli, li rranġaw għal azzjoni immedjata għaliex l-ilment kien ġustifikat. X’eżempju mill-aħjar ħallew l-appostli għall-anzjani Kristjani llum! Dawn ir-rgħajja spiritwali huma attenti biex ma ‘jsoddux widnejhom għall-ilment tal-batut.’—Proverbji 21:13, NW; Atti 6:2-6.
Għasses Kontra l-Effett Qerriedi tat-Tgergir
12, 13. (a) Agħti tixbiha dwar l-effetti tat-tgergir. (b) X’jistaʼ jqanqal lil individwu biex igerger?
12 Il-biċċa l-kbira mill-eżempji Skritturali li kkunsidrajna juru li t-tgergir ikkaġuna ħafna ħsara fost il-poplu t’Alla fil-passat. Għalhekk, nagħmlu tajjeb jekk naħsbu serjament dwar l-effett qerriedi li jistaʼ jkollu llum. Tixbiha għandha mnejn tgħinna. Ħafna tipi taʼ metall għandhom tendenza naturali biex jissaddu. Jekk is-sinjali taʼ sadid ma jiġux trattati mill-ewwel, il-metall jistaʼ jissaddad sal-punt li ma jibqax iservi l-iskop tiegħu. Numru kbir taʼ karozzi jintremew, mhux minħabba ħsara fil-magna, imma minħabba li l-metall tant ikun issaddad li jkun sar perikoluż. Kif nistgħu nqabblu din it-tixbiha mat-tgergir?
13 Sewwasew bħalma ċerti metalli għandhom it-tendenza li jissaddu, bnedmin imperfetti għandhom it-tendenza li jilmentaw. Għandna noqogħdu għassa biex nagħrfu kwalunkwe sinjal taʼ dan. Bħalma l-umdità u l-arja mielħa jġagħlu l-metall jissaddad iktar malajr, l-avversità tagħmilna iktar inklinati biex ingergru. L-istress jistaʼ jbiddel irritazzjoni żgħira fi lment kbir. Hekk kif il-kundizzjonijiet fl-aħħar jiem taʼ din is-sistema jiddeterjoraw, ir-raġunijiet biex nilmentaw x’aktarx se jiżdiedu. (2 Timotju 3:1-5) Għalhekk, wieħed qaddej taʼ Ġeħova forsi jibda jgerger kontra ieħor. Il-kaġun jistaʼ jkun kwistjoni żgħira, bħal skuntentizza minħabba n-nuqqasijiet, l-abbiltajiet, jew il-privileġġi taʼ servizz taʼ dak li jkun.
14, 15. Għala għandna nwaqqfu t-tendenza li ngergru?
14 Tkun xi tkun ir-raġuni għad-dispjaċir tagħna, jekk ma nwaqqfux it-tendenza li ngergru, din tistaʼ tqanqal fina spirtu taʼ skuntentizza u tagħmilna wħud li ngergru spiss. Iva, l-effett qerriedi spiritwalment tat-tgergir jistaʼ jeqridna kompletament. Meta l-Iżraelin gergru dwar il-ħajja tagħhom fix-xagħri, huma waslu biex waħħlu f’Ġeħova. (Eżodu 16:8) Jalla dan qatt ma jiġri lilna!
15 It-tendenza li l-metall jissaddad tistaʼ titnaqqas billi jingħata passata żebgħa kontra s-sadid u billi jiġu kkurati mill-ewwel l-irqajjaʼ tas-sadid li jkun diġà tfaċċa. Bl-istess mod, jekk naraw fina t-tendenza li ngergru, din tistaʼ tiġi kontrollata jekk mill-ewwel nagħtu attenzjoni lill-kwistjoni bit-talb. Kif?
Ara l-Affarijiet mill-Ħarsa taʼ Ġeħova
16. Kif nistgħu negħlbu t-tendenza li nilmentaw?
16 It-tgergir iġagħalna niffokaw l-attenzjoni tagħna fuqna nfusna u l-problemi tagħna u jwarrab il-barkiet li ngawdu bħala Xhieda taʼ Ġeħova. Biex negħlbu t-tendenza li nilmentaw, irridu nżommu dawn il-barkiet fuq quddiem f’moħħna. Per eżempju, ilkoll kemm aħna għandna l-privileġġ meraviljuż li nġorru l-isem persunali taʼ Ġeħova. (Isaija 43:10, NW) Aħna nistgħu nikkultivaw relazzjoni mill-qrib miegħu, u nistgħu nkellmu lil Dak li ‘jismaʼ talbna’ fi kwalunkwe ħin. (Salm 65:3 [65:2, NW]; Ġakbu 4:8) Il-ħajja tagħna għandha tifsir veru għaliex nifhmu l-kwistjoni tas-sovranità universali u niftakru li huwa l-privileġġ tagħna li nżommu l-integrità lejn Alla. (Proverbji 27:11) Aħna jistaʼ jkollna sehem regulari fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna. (Mattew 24:14) Fidi fis-sagrifiċċju tal-fidwa taʼ Ġesù Kristu tgħinna biex ikollna kuxjenza nadifa. (Ġwanni 3:16) Dawn huma barkiet li ngawdu minkejja kwalunkwe prova li jkollna nissaportu.
17. Għala għandna nipprovaw inqisu l-affarijiet bħalma jqishom Ġeħova, anki jekk ikollna raġuni valida biex nilmentaw?
17 Ejja nipprovaw inqisu l-affarijiet bħalma jqishom Ġeħova, mhux kif inqisuhom aħna. Is-salmista David kanta: “Triqatek, Mulej, għarrafni, il-mogħdijiet tiegħek għallimni.” (Salm 25:4) Jekk għandna raġuni valida biex nilmentaw, din żgur ma ħarbitx l-attenzjoni taʼ Ġeħova. Hu jistaʼ jikkoreġi l-kwistjoni mill-ewwel. Allura, kultant għala jħalli l-prova tkompli għaddejja? Dan jistaʼ jkun biex jgħinna niżviluppaw kwalitajiet mill-aħjar bħall-paċenzja, is-sabar, il-fidi, u s-sabar fit-tul.—Ġakbu 1:2-4.
18, 19. Spjega x’jistgħu jkunu l-effetti jekk inkampaw maʼ l-inkonvenjenzi mingħajr ma nilmentaw.
18 Il-fatt li nkampaw maʼ l-inkonvenjenzi mingħajr ma nilmentaw mhux biss jgħinna ntejbu l-personalità tagħna, imma jistaʼ wkoll jimpressjona lil dawk li josservaw il-kondotta tagħna. Fl-2003, grupp tax-Xhieda taʼ Ġeħova vvjaġġaw b’karozza tal-linja mill-Ġermanja biex jattendu konvenzjoni fl-Ungerija. Is-sewwieq ma kienx Xhud, u ma tantx ried ikun max-Xhieda għal għaxart ijiem. Madankollu, fl-aħħar tal-vjaġġ hu kien biddel il-ħsieb tiegħu kompletament. Għala?
19 Matul il-vjaġġ, diversi affarijiet ma rnexxewx. Imma x-Xhieda qatt ma gergru. Is-sewwieq qal li dan kien l-aħjar grupp taʼ passiġġieri li qatt kellu! Fil-fatt, hu wiegħed li meta x-Xhieda jerġgħu jħabbtulu, hu kien se jistidinhom ġewwa u jismagħhom b’attenzjoni. X’impressjoni mill-aqwa ħallew il-passiġġieri billi ‘għamlu kollox bla tgergir’!
Il-Maħfra Ġġib l-Unità
20. Għala għandna naħfru lil xulxin?
20 Xi ngħidu jekk għandna xi lment kontra seħibna fit-twemmin? Jekk il-kwistjoni hija serja, għandna napplikaw il-prinċipji li nsibu f’dak li qal Ġesù kif inhu mniżżel f’Mattew 18:15-17. Però, dan mhux dejjem hu neċessarju ladarba l-biċċa l-kbira mill-problemi jkunu żgħar. Għala ma tħarisx lejn is-sitwazzjoni bħala opportunità biex tipprattika l-maħfra? Pawlu kiteb: “Komplu issaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-qalb, agħmlu hekk intom ukoll. Imma, minbarra dawn l-affarijiet kollha, ilbsu l-imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kolossin 3:13, 14) Lesti aħna biex naħfru? M’għandux Ġeħova għalfejn jilmenta dwarna? Madankollu, hu darba wara l-oħra juri l-mogħdrija u l-maħfra.
21. Dawk li jisimgħu t-tgergir kif jistgħu jiġu effettwati?
21 Ikunu xi jkunu l-intoppi, it-tgergir mhux se jsolvi l-kwistjoni. It-terminu Ebrajk li jfisser “li tgerger” jistaʼ jfisser ukoll “li tredden.” X’aktarx li nħossuna skomdi ħdejn xi ħadd li l-ħin kollu jgerger u nipprovaw inżommu ’l bogħod minnu. Jekk aħna ngergru, jew irreddnu, dawk li jisimgħuna forsi jħossuhom bl-istess mod. Fil-fatt, għandhom mnejn li tant iħossuhom skomdi li jżommu ’l bogħod minna! It-treddin forsi jiġbed l-attenzjoni taʼ dak li jkun, imma żgur li mhux se jiġbdu lejna.
22. Waħda tfajla x’qalet dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova?
22 Jekk inkunu lesti li naħfru se jkun hemm l-unità—xi ħaġa li l-poplu taʼ Ġeħova jgħożż. (Salm 133:1-3) F’pajjiż Ewropew, tfajla taʼ 17-il sena li hija Kattolika kitbet lill-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova biex tesprimi ammirazzjoni lejhom. Hi qalet: “Hija l-unika organizzazzjoni li naf biha li l-membri m’humiex mifrudin bil-mibegħda, ir-regħba, l-intolleranza, l-egoiżmu, jew in-nuqqas t’unità.”
23. X’se niddiskutu fl-artiklu li jmiss?
23 Apprezzament għall-barkiet spiritwali kollha li nirċievu bħala qaddejja taʼ l-Alla l-veru, Ġeħova, se jgħinna nippromwovu l-unità u nevitaw it-tgergir kontra oħrajn fi kwistjonijiet persunali. L-artiklu li jmiss se jurina kif kwalitajiet divini se jwaqqfuna milli nieħdu sehem saħansitra f’tip taʼ tgergir iktar perikoluż—jiġifieri, tgergir kontra l-parti taʼ l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuq l-art.
Tiftakar Int?
• It-tgergir x’jinvolvi?
• Kif tistaʼ tagħti tixbiha taʼ l-effetti tat-tgergir?
• X’jistaʼ jgħinna negħlbu kwalunkwe tendenza biex ingergru?
• Il-fatt li nkunu lesti naħfru kif jistaʼ jgħinna ma ngergrux?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 15]
L-Iżraelin fil-fatt gergru kontra Ġeħova!
[Stampa f’paġna 17]
Tipprova int tqis l-affarijiet bħalma jqishom Ġeħova?
[Stampi f’paġna 18]
Il-maħfra ġġib l-unità Kristjana