Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“L-Imħabba taʼ Kull Wieħed Minnkom Qed Tiżdied”

“L-Imħabba taʼ Kull Wieħed Minnkom Qed Tiżdied”

“L-​Imħabba taʼ Kull Wieħed Minnkom Qed Tiżdied”

DIVERSI diżastri naturali laqtu lil Ġappun fl-​2004. Fosthom kien hemm uragani, għargħar, u terremoti. Dawn biddlu l-​ħajjiet taʼ ħafna b’mod drastiku, inkluż tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. (Koħèlet 9:​11) Però, dawn id-​diffikultajiet taw lix-​Xhieda l-​opportunità biex juru affezzjoni taʼ l-​aħwa lejn xulxin.​—1 Pietru 1:​22.

Per eżempju, minħabba xita qalila f’Lulju, xmara fiċ-​ċentru tal-​Ġappun qabżet ix-​xtut tagħha. L-​għargħar ikkaġuna ħsara fuq iktar minn 20 dar tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. F’waħda mis-​Swali tas-​Saltna, l-​ilma telaʼ iktar minn metru mill-​art. Minnufih, Xhieda minn kongregazzjonijiet fil-​viċin taw l-​għajnuna tagħhom. Mijiet taʼ volontieri naddfu d-​djar mimlijin tajn. Is-​Sala tas-​Saltna kienet kompletament nadifa u msewwija fi żmien ħmistax biss.

Fit-23 t’Ottubru, terremot taʼ forza 6.8 fuq l-​iskala Richter laqat l-​istess post. Mietu minn taʼ l-​inqas 40 ruħ, u iktar minn 100,000 persuna kellhom jiġu evakwati minn djarhom. Kellhom jinqatgħu l-​ilma, il-​gass, u l-​elettriku. Għalkemm l-​epiċentru tat-​terremot kien biss 50 kilometru ’l bogħod, is-​Sala tas-​Saltna rinnovata ma ġarrbet ebda ħsara. Din mill-​ewwel saret post temporanju taʼ kenn. Indokraturi Kristjani malajr iċċekkjaw kif kienu sħabhom fit-​twemmin u serrħu rashom meta saru jafu li ħadd minnhom ma kien weġġaʼ jew miet. Kmieni l-​għada fil-​għodu, sitt Xhieda li kienu vittmi taʼ l-​għargħar f’Lulju bil-​ħeġġa kollha marru jaqdu bħala volontieri biex iwasslu l-​ikel u l-​ilma fil-​postijiet milqutin. Wara biss ftit sigħat li kien għamel it-​terremot, kienu disponibbli l-​bżonnijiet taʼ kuljum.

“Dawk li kienu vittmi taʼ l-​għargħar ikkunsidraw ix-​xogħol t’għajnuna għal dawk effettwati mit-​terremot bħala opportunità biex jesprimu l-​apprezzament tagħhom għall-​għajnuna li huma stess kienu rċivew,” jirrakkonta wieħed mill-​indokraturi. “Ħadmu iebes minn kmieni fil-​għodu sa tard bil-​lejl. U kemm xegħel wiċċhom bil-​ferħ!”

La l-​għargħar u lanqas it-​terremoti m’huma taʼ theddida għar-​rabta taʼ mħabba li tgħaqqad lill-​fratellanza Kristjana tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Għall-​kuntrarju, meta diżastri bħal dawn iseħħu, il-​Kristjani jesperjenzaw dak li l-​appostlu Pawlu qal lil sħabu fit-​twemmin fit-​Tessalonika: “L-​imħabba taʼ kull wieħed minnkom qed tiżdied lejn l-​ieħor.”​—2 Tessalonikin 1:3.