Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jinnota Jehovah Dak li Tagħmel Int?

Jinnota Jehovah Dak li Tagħmel Int?

Jinnota Jehovah Dak li Tagħmel Int?

KIEKU int kif twieġeb għal din il-​mistoqsija? Ħafna għandhom mnejn jgħidu: ‘Jien nemmen li Alla nnota x’wettqu rġiel bħal Mosè, Gidgħon, u David, imma niddubita jekk jinteressahx f’dak li nistaʼ nagħmel jien. Żgur li jien miniex bħal Mosè, Gidgħon, jew David.’

Huwa minnu li xi rġiel leali fiż-​żminijiet Bibliċi wettqu għemejjel li fihom urew fidi taʼ l-​għaġeb. Huma ‘rażżnu saltniet, saddew ħalq l-​iljuni, tfew il-​qawwa tan-​nar, u ħelsu minn xifer is-​sejf.’ (Lhud 11:​33, 34) Madankollu, oħrajn urew il-​lealtà tagħhom b’modi inqas spettakolari, u l-​Bibbja tassigurana li Alla nnota l-​għemejjel leali tagħhom ukoll. Bħala tixbiha, ikkunsidra l-​eżempji skritturali taʼ ragħaj, profeta, u armla.

Ragħaj Joffri Sagrifiċċju

X’tiftakar dwar Abel, it-​tieni iben taʼ Adam u Eva? Forsi tiftakar li hu miet bħala martri, xi ħaġa li ftit minna x’aktarx se ngħaddu minnha. Imma l-​ewwel darba li Alla nnota lil Abel kien għal raġuni oħra.

Darba waħda, Abel ħa ftit mill-​aqwa annimali tal-​merħla tiegħu u offra sagrifiċċju lil Alla. Illum forsi nikkunsidraw l-​għotja tiegħu bħala li hi sempliċi, imma Jehovah innotaha u wera l-​approvazzjoni tiegħu. Madankollu, dan ma kienx kollox. Kważi erbat elef sena wara, Jehovah ispira lill-​appostlu Pawlu biex jikteb dwarha fil-​ktieb tal-​Lhud. Wara dawk is-​snin kollha, Alla kien għadu ma nesiex dan is-​sagrifiċċju sempliċi!—Lhud 6:10; 11:4.

Abel kif iddeċieda dwar liema tip taʼ sagrifiċċju kellu joffri? Il-​Bibbja ma tgħidilniex, imma żgur li kkunsidra l-​kwistjoni bis-​serjetà. Hu kien ragħaj, allura tistennieha li kien se joffri xi ftit mill-​merħla tiegħu. Madankollu, innota li hu ta l-​aħjar parti—il-​“grass tagħhom.” (Ġenesi 4:4) Huwa possibbli wkoll li hu mmedita fuq il-​kliem li Jehovah qal lis-​serp fil-​Ġnien taʼ l-​Għeden: “U jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-​mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.” (Ġenesi 3:15; Apokalissi 12:9) Għalkemm ma fehemx l-​identità tal-​“mara” u “nisilha,” Abel forsi rrealizza li ‘t-​tisħiq taʼ l-​għarqub’ taż-​żerriegħa tal-​mara kellu jinvolvi t-​tixrid tad-​demm. Hu żgur li rrikonoxxa li xejn ma setaʼ jkun iktar taʼ valur minn ħlejqa ħajja li tieħu n-​nifs. Kien x’kien il-​każ, is-​sagrifiċċju tiegħu kien verament xieraq.

Bħal Abel, il-​Kristjani llum joffru sagrifiċċji lil Alla. Huma ma joffrux l-​ewwel imwieled tal-​merħla, imma joffru s-​“sagrifiċċju taʼ tifħir, jiġifieri l-​kelma taʼ xufftejna li tistqarr [isem Alla].” (Lhud 13:15) Xofftejna jkunu qed jagħmlu dikjarazzjoni pubblika meta naqsmu l-​fidi tagħna m’oħrajn.

Tixtieq ittejjeb il-​kwalità tas-​sagrifiċċju tiegħek? Mela nnota sew il-​bżonnijiet tan-​nies fit-​territorju tiegħek. X’jinkwetahom? X’jinteressahom? Liema aspetti tal-​messaġġ tal-​Bibbja taħseb li jolqothom? Kulmeta tkun qed tagħti xiehda, analizza ż-​żjajjar li tkun għamilt bl-​iskop li ttejjeb l-​effettività tiegħek. U meta titkellem dwar Jehovah, tkellem bil-​konvinzjoni, mill-​qalb. Agħmel is-​sagrifiċċju tiegħek verament “sagrifiċċju taʼ tifħir.”—Korsiv tagħna.

Profeta Jippriedka lil Uħud li Ma Jaċċettawx il-​Messaġġ Tiegħu

Ikkunsidra lill-​profeta Ħenok. Hu għandu mnejn kien waħdu kompletament bħala xhud t’Alla Jehovah. Int bħal Ħenok, l-​uniku membru fil-​familja tiegħek li qed jaqdi lil Jehovah lealment? Int l-​uniku student fil-​klassi tiegħek jew l-​uniku ħaddiem fil-​post fejn taħdem li jsegwi l-​prinċipji tal-​Bibbja? Jekk iva, għandek mnejn tiffaċċja xi sfidi. Il-​ħbieb, il-​membri tal-​familja, it-​tfal fil-​klassi, jew il-​ħaddiema fuq ix-​xogħol jistgħu jħeġġuk biex tikser il-​liġijiet t’Alla. Forsi jgħidulek: “Ħadd qatt m’hu se jsir jaf b’dak li għamilt.” “Aħna mhux se nikxfuk.” Forsi jinsistu li hu bluha li tinkwieta dwar il-​livelli morali tal-​Bibbja għax Alla ma jimpurtahx minn dak li tagħmel. Minħabba li jinkeddu għax int ma taħsibx u ma taġixxix bħalhom, huma għandhom mnejn jipprovaw minn kollox biex ikissru r-​reżistenza tiegħek.

Irridu nammettu li m’huwiex faċli tiffaċċja pressjoni bħal din, imma lanqas ma hu impossibbli. Aħseb dwar Ħenok, is-​sebaʼ wieħed mill-​linja taʼ Adam. (Ġuda 14) Sakemm twieled Ħenok, bosta nies ma kellhom ebda morali. Il-​kliem tagħhom kien tal-​mistħija; il-​kondotta tagħhom kienet skandaluża. (Ġuda 15) Huma aġixxew kif jaġixxu ħafna nies illum.

Kif kampa Ħenok? It-​tweġiba għal din il-​mistoqsija tinteressa lilna llum. Għalkemm Ħenok, f’dak iż-​żmien, kien l-​uniku bniedem li jaqdi lil Jehovah fuq l-​art, hu ma kienx waħdu għalkollox. Ħenok mexa m’Alla.—Ġenesi 5:22.

Ħenok għex biex jogħġob lil Jehovah. Hu kien jaf li biex jimxi m’Alla kellu jagħmel iktar milli sempliċement jgħix ħajja nadifa moralment. Jehovah stenna minnu li jippriedka. (Ġuda 14, 15) In-​nies kellhom bżonn jiġu mwissijin li l-​għemejjel midinba tagħhom ġew notati. Ħenok baqaʼ jimxi m’Alla iktar minn 300 mitt sena—ħafna iktar minn kemm ilu jissaporti kull wieħed minnha. Hu kompla jimxi m’Alla sakemm miet.—Ġenesi 5:​23, 24.

Bħal Ħenok, aħna wkoll ġejna inkarigati nippridkaw. (Mattew 24:14) Minbarra li nagħtu xiehda minn dar għal dar, aħna nipprovaw nilħqu bl-​aħbar tajba lill-​membri tal-​familja tagħna, lil dawk li niltaqgħu magħhom fuq ix-​xogħol, u lil sħabna tal-​klassi. Madankollu, xi drabi nistgħu nżommu lura milli nitkellmu. Ġieli jiġrilek hekk? Taqtax qalbek. Imita l-​Kristjani tal-​bidu, u itlob lil Alla għall-​kuraġġ. (Atti 4:29) Qatt m’għandek tinsa li sakemm tibqaʼ miexi m’Alla, qatt ma se tkun verament waħdek.

Armla Tħejji Ikla

Immaġina, armla li ma nafux x’jisimha kisbet żewġ barkiet talli ħejjiet ikla sempliċi! Hi ma kinitx minn Iżrael, imma kienet barranija li għexet fl-​għaxar seklu Q.E.K. fil-​belt taʼ Sarefta. Lejn l-​aħħar taʼ perijodu twil taʼ nixfa u ġuħ, l-​ikel taʼ l-​armla kien wasal biex jispiċċa. Kulma kien fadlilha kien ftit dqiq u biżżejjed żejt biex tagħmel ikla waħda għaliha u għal binha.

F’dan il-​waqt, ġie jżurhom xi ħadd. Kien Elija, il-​profeta t’Alla, li staqsa lill-​armla biex taqsam miegħu il-​ftit ikel li kellha. Lanqas biss kien hemm biżżejjed għaliha u għal binha, aħseb u ara għal xi ħadd li ġie jżurhom. Imma bil-​kelma taʼ Jehovah, Elija assiguraha li jekk taqsam l-​ikel tagħha miegħu, hi u binha ma kinux se jbatu l-​ġuħ. Riedet turi fiduċja biex temmen li Alla taʼ Iżrael kien se jinnotaha minkejja li kienet armla barranija. Madankollu, hi emmnet lil Elija u Jehovah berikha. “U l-​ġarra tad-​dqiq ma ntemmitx, u l-​kus taż-​żejt ma tbattalx, kif kien qal il-​Mulej permezz taʼ Elija.” Il-​mara u binha dejjem kellhom x’jieklu sakemm spiċċa l-​ġuħ.—1 Slaten 17:​8-16.

Madankollu, kien hemm barka oħra lesta għall-​armla. Ftit żmien wara dan il-​miraklu, binha l-​għażiż marad u miet. Imqanqal mill-​ħniena, Elija talab lil Jehovah biex jerġaʼ jagħti l-​ħajja lit-​tifel. (1 Slaten 17:​17-24) Dan kien jirrikjedi miraklu li qatt ma seħħ qabel. M’hemm ebda rekord taʼ xi ħadd li ġie rxoxtat qabel dan! Kien Jehovah se jerġaʼ juri ħniena maʼ din l-​armla barranija? Iva, hekk għamel. Jehovah ta l-​qawwa lil Elija biex jerġaʼ jagħti l-​ħajja lit-​tifel. Ġesù iktar tard qal rigward din il-​mara privileġġata: “Kien hemm bosta romol f’Iżrael . . . [imma Elija] intbagħat . . . għand waħda armla minn Sarefta taʼ Sidon.”—Luqa 4:​25, 26.

Illum, is-​sitwazzjoni ekonomika m’hijiex stabbli, anki f’pajjiżi industrijalizzati. Xi ftit mill-​korporazzjonijiet il-​kbar taw is-​sensja lill-​ħaddiema tagħhom li kien ilhom snin sħaħ jaħdmu magħhom lealment. Meta jiġi fis-​sitwazzjoni li jistaʼ jispiċċa bla xogħol, Kristjan jistaʼ jitħajjar iqattaʼ ammont taʼ ħin esaġerat fuq ix-​xogħol, bit-​tama li l-​kumpanija ma tagħtihx is-​sensja. Jekk jagħmel dan forsi jkollu ftit li xejn ħin biex jattendi l-​laqgħat Kristjani, jieħu sehem fil-​ministeru taʼ l-​għalqa, jew jieħu ħsieb il-​bżonnijiet emozzjonali u spiritwali tal-​familja tiegħu. Madankollu, hu jħoss li għandu jibqaʼ f’dan ix-​xogħol jiġri x’jiġri.

Kristjan li jkun f’sitwazzjoni ekonomika diffiċli bħal din għandu raġun jinkwieta. Illum il-​ġurnata huwa diffiċli li ssib xogħol. Ħafna minnha m’aħniex qed nistinkaw biex insiru għonja, imma bħal l-​armla minn Sarefta, irridu nipprovdu n-​neċessitajiet tal-​ħajja. Madankollu, l-​appostlu Pawlu jfakkarna li Alla qal: “Jien m’iniex se nħallik, anqas nitilqek.” Aħna bil-​fiduċja kollha nistgħu ngħidu: “Il-​Mulej l-​għajnuna tiegħi: jien ma nibżax: x’jistaʼ jagħmilli l-​bniedem?” (Lhud 13:​5, 6) Pawlu kien lest li jirriskja ħajtu minħabba dik il-​wegħda, u Jehovah dejjem ħa ħsiebu. Alla lest jagħmel l-​istess magħna jekk ma nitilquhx.

Aħna forsi nħossu li qatt ma nistgħu nagħmlu l-​istess għemejjel li wettqu individwi spiritwali bħal Mosè, Gidgħon, u David, imma nistgħu nimitaw il-​fidi tagħhom. U nistgħu niftakru l-​atti sempliċi taʼ fidi li għamlu Abel, Ħenok, u l-​armla minn Sarefta. Jehovah jinteressah minn kull att taʼ fidi—żgħir kemm hu żgħir. Meta student li jibżaʼ minn Alla jirrifjuta li jieħu d-​drogi mingħand xi ħadd taʼ mparu, ħaddiem Kristjan ma jaċċettax avanzi immorali fuq il-​post tax-​xogħol, jew Xhud avanzat fl-​età jattendi lealment il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni minkejja li jkollu għeja kbira u nuqqas taʼ saħħa, Jehovah ikun qed jinnotahom u jifraħ!—Proverbji 27:11.

Int Tinnota Dak li Jagħmlu Oħrajn?

Iva, Jehovah jinnota x’nagħmlu aħna. B’hekk, bħala wħud li rridu nimitawh, għandna noqogħdu attenti għall-​isforzi li jagħmlu oħrajn. (Efesin 5:1) Għax ma tinnotax iktar l-​isfidi li jiffaċċjaw il-​Kristjani sħabek biex jattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, jieħdu sehem fil-​ministeru taʼ l-​għalqa, u saħansitra fil-​ħajja taʼ kuljum?

Imbagħad, uri lil sħabek l-​aduraturi taʼ Jehovah li int tapprezza l-​isforzi tagħhom. Huma se jieħdu gost li int tinnota, u l-​interess tiegħek fihom jistaʼ jservi biex jassigurana li Jehovah jinnota wkoll.