Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Huma Jaqdu lill-Fratellanza Kristjana f’Pajjiżi Barranin

Huma Jaqdu lill-Fratellanza Kristjana f’Pajjiżi Barranin

Huma Jaqdu lill-​Fratellanza Kristjana f’Pajjiżi Barranin

QATT smajt l-​espressjonijiet “qaddejja internazzjonali” u “volontieri internazzjonali”? Ix-​Xhieda taʼ Jehovah li jagħmlu parti minn dawn il-​gruppi joffru l-​ħin u l-​kapaċitajiet tagħhom biex jgħinu fil-​bini taʼ faċilitajiet li jintużaw għall-​istampar u t-​tqassim tal-​messaġġ tas-​Saltna li jinsab fil-​Bibbja. Dawn il-​volontieri jgħinu wkoll fil-​bini taʼ Swali taʼ l-​Assembleat u Swali tas-​Saltna, li jservu bħala ċentri għat-​tagħlim tal-​Bibbja. Fil-​preżent, dawn il-​volontieri qed jgħinu fil-​proġetti taʼ kostruzzjoni f’34 pajjiż differenti l-​iktar f’dawk il-​pajjiżi fejn għandhom ftit riżorsi. Xi sfidi speċjali u ferħ jiksbu dawn il-​ministri hekk kif jaqdu lill-​fratellanza Kristjana f’pajjiżi barranin? Kif iħossuhom dwar is-​“servizz sagru” li jwettqu? (Rivelazzjoni 7: 9, 15, NW) Biex insiru nafu dan ejja niltaqgħu maʼ xi volontieri li qdew fil-​Messiku.

L-​ewwel darba li waslu xi volontieri barranin fil-​Messiku kien f’Mejju taʼ l-​1992. Ftit wara, huma kienu minn taʼ quddiem fix-​xogħol tat-​tkabbir tal-​bini taʼ l-​uffiċċju tal-​fergħa li jieħu ħsieb l-​attivitajiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Messiku. Il-​proġett tat-​tkabbir jikkonsisti f’14-il blokka bini ġdid, inkluż ir-​residenzi għall-​volontieri li jaqdu fl-​uffiċċju tal-​fergħa, l-​istamperija, u l-​uffiċini.

Biex jgħinu f’dan il-​proġett taʼ kostruzzjoni, iktar minn 730 volontier mill-​Ingilterra, l-​Istati Uniti, il-​Kanada, u pajjiżi oħrajn qdew spalla maʼ spalla maʼ mijiet taʼ volontieri minn kull parti tal-​Messiku. Barra minn hekk, iktar minn 28,000 Xhud, li jagħmlu parti minn madwar 1,600 kongregazzjoni li jinsabu fl-​inħawi qrib l-​uffiċċju tal-​fergħa, għenu fl-​attivitajiet taʼ kostruzzjoni fis-​Sibtijiet u l-​Ħdud. Ilkoll qdew minn jeddhom u kienu ferħanin li joffru xogħolhom bla ħlas. Huma ħassewhom privileġġati li jaqdu lil Jehovah b’dan il-​mod. Kemm dam sejjer il-​proġett taʼ kostruzzjoni huma żammew f’moħħhom il-​kliem imnebbaħ taʼ Salm 127:1: “Jekk il-​Mulej ma jibnix id-​dar, għalxejn jitħabtu l-​bennejja.”

L-​Isfidi li Jiffaċċjaw

X’inhuma l-​isfidi li jiffaċċjaw dawn il-​volontieri internazzjonali meta jkunu qed jaqdu f’inkarigu f’pajjiż barrani? Dawn huma ftit mill-​kummenti tagħhom. Curtis u Sally, koppja mill-​Istati Uniti, għenu fi proġetti taʼ kostruzzjoni fil-​Ġermanja, l-​Indja, il-​Messiku, il-​Paragwaj, ir-​Rumanija, ir-​Russja, is-​Senegal, u z-​Zambja. Curtis jirrakkonta: “L-​ewwel sfida kienet li kellna nħallu lit-​tifla tagħna, li taqdi bħala pijuniera [ministru full-time], u l-​kongregazzjoni tagħna fil-​Minnesota. Jien u marti konna ilna nassoċjaw maʼ dik il-​kongregazzjoni għal 24 sena, u konna għal qalbna ħafna fiha.”

Sally tinnota: “Forsi huwa iktar taʼ sfida għal mara milli għal raġel li tgħix f’kundizzjonijiet mhux familjari, imma tgħallimt li huwa possibbli li taddatta ruħek. Saħansitra tgħallimt nissaporti l-​ħafna insetti li kien hemm!” Hi tkompli: “F’pajjiż minnhom, konna għaxar volontieri f’appartament wieħed li lanqas kċina ma kien fih u kellu biss żewġ kmamar tal-​banju. Dan għenni nuri iktar paċenzja.”

Il-fatt li trid titgħallem lingwa ġdida huwa sfida li teħtieġ sforz u umiltà. Sharon, li qdiet maʼ żewġha fi proġetti taʼ kostruzzjoni f’pajjiżi differenti, tgħid: “Hija sfida meta ma tkunx taf bil-​lingwa tal-​pajjiż fejn tkun qed taqdi. Għall-​bidu, ikun veru diffiċli biex issir taf sew lil ħutek spiritwali għax ma tkunx tistaʼ tesprimi s-​sentimenti tiegħek kif tixtieq. Tant tħossok skuraġġita. Imma l-​aħwa li niltaqgħu magħhom f’dawn l-​inkarigi barranin jieħdu ħafna paċenzja bina u tgħidx kemm jieħdu ħsiebna. B’xi mod jew ieħor, fl-​aħħar jirnexxilna nikkomunikaw.”

Kuraġġ Meħtieġ fil-​Ministeru

Dawn il-​volontieri li jissagrifikaw lilhom infushom jikkontribwixxu ħafna għall-​progress tax-​xogħol tal-​kostruzzjoni, imma huma jirrealizzaw li, l-​ewwel u qabel kollox, ix-​xogħol prinċipali tagħhom hu li jxandru l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Għalhekk, huma jappoġġaw bis-​sħiħ ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar fil-​kongregazzjonijiet li jkunu qed jattendu. Åke u Ing-Mari, koppja li għenu fil-​proġetti tal-​kostruzzjoni fil-​Gwadalupe, il-​Malawi, il-​Messiku, u n-​Niġerja, jammettu li trid tkun kuraġġuż biex titkellem b’lingwa oħra meta tkun qed tieħu sehem fil-​ministeru f’pajjiż barrani.

Ing-Mari tirrakkonta: “Għall-​ewwel, ftit tkellimna, għax dejjem konna noħorġu m’aħwa tal-​post, u minħabba l-​mistħija konna nħalluhom jitkellmu huma. Imma, għodwa waħda ddeċidejna li noħorġu fis-​servizz taʼ l-​għalqa waħedna. Tlaqna mid-​dar b’rogħda kbira fuqna u b’qalbna tħabbat sitta sitta. Iltqajna maʼ mara żagħżugħa li qagħdet tismaʼ l-​preżentazzjoni li kont ippreparajt. Qrajtilha skrittura u ħallejtilha xi letteratura. Imbagħad din il-​mara qaltli: ‘Ħa ngħidlek. Jien għandi xi ħadd jiġi minni li jistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah. Kif nistaʼ nibda nistudja jien ukoll?’ Jien bqajt b’ħalqi miftuħ. Imbagħad ġejt f’tiegħi u offrejtilha studju tal-​Bibbja.”

Ing-Mari tkompli: “Immaġina kemm fraħt u kemm kont grata lejn Jehovah li bierek l-​inizjattiva tagħna u x-​xewqa tagħna li naqsmu l-​verità maʼ ħaddieħor.” Din il-​mara għamlet ħafna progress u tgħammdet bħala Xhud f’konvenzjoni distrettwali fil-​belt tal-​Messiku. Åke u Ing-Mari fil-​qosor jgħidu dan dwar il-​ministeru tagħhom: “Aħna napprezzawhom ħafna l-​inkarigi tal-​proġetti tal-​kostruzzjoni differenti li jkollna, imma m’hemm xejn li jġiblek iktar ferħ u sodisfazzjon milli tgħin lil xi ħadd iħaddan il-​verità.”

L-​Ispirtu taʼ Ssagrifikar Tagħhom Infushom

Veru li l-​volontieri li jħallu warajhom lill-​familji u l-​ħbieb jagħmlu ħafna sagrifiċċji biex jaqdu lil ħuthom f’pajjiżi barranin, imma huma jesperjenzaw ukoll ħafna ferħ. Għala?

Howard, li qeda maʼ martu, Pamela, fl-​Angola, l-​Ekwador, El Salvador, il-​Gujana, il-​Kolumbja, il-​Messiku, u Puerto Rico jispjega: “Huwa privileġġ li tiltaqaʼ maʼ l-​aħwa f’pajjiżi differenti u tara b’għajnejk stess l-​imħabba kbira li tgħaqqad il-​fratellanza internazzjonali tagħna. Din spiss naqraw dwarha, imma meta tkun tgħix u taqdi m’oħrajn taʼ kulturi u trobbija differenti, tkun tistaʼ tapprezza ferm iktar il-​fratellanza prezzjuża li għandna.”

Anki Gary, li għen fil-​proġetti taʼ kostruzzjoni fl-​Ekwador, il-​Kolumbja, il-​Kosta Rika, il-​Messiku, u z-​Zambja, iħoss li bbenefika ħafna minn dan il-​programm. Hu jirrakkonta: “It-​taħriġ li ħadt tul is-​snin li ili nagħmilha m’aħwa maturi li jaqdu fil-​fergħat tal-​pajjiżi li nkun ġejt assenjat fihom għenni biex inkun imħejji aħjar għall-​isfidi fl-​inkarigi tiegħi. Dan saħħaħli l-​fidi għaliex pprovdieli opportunità biex nesperjenza l-​unità li tant tispikka fl-​organizzazzjoni taʼ Jehovah madwar id-​dinja—unità li ma tiġix effettwata mid-​differenzi fil-​lingwa, ir-​razza, jew il-​kultura.”

Sadanittant, l-​attività taʼ kostruzzjoni fil-​Messiku tlestiet, u l-​faċilitajiet ġodda tal-​fergħa ġew dedikati din is-​sena. Immotivati mill-​imħabba tagħhom għal Alla, qaddejja u volontieri internazzjonali kkontribwew ħafna għat-​tkabbir tal-​qima vera fil-​Messiku u f’pajjiżi oħra. Il-​fatt li huma qdew minn jeddhom u ssagrifikaw lilhom infushom biex jaqdu lil ħuthom Kristjani fuq skala internazzjonali huwa apprezzat ferm mix-​Xhieda taʼ Jehovah madwar id-​dinja.

[Stampa f’paġna 25]

L-​Ekwador

[Stampa f’paġna 25]

Il-​Kolumbja

[Stampa f’paġna 25]

L-​Angola

[Stampa f’paġna 26]

Jibda x-​xogħol fuq il-​faċilitajiet il-​ġodda fil-​fergħa tal-​Messiku

[Stampa f’paġna 26]

Il-​ġnien fil-​fergħa

[Stampa f’paġna 26]

Taħt: Xi membri tad-​Dipartiment tal-​Kostruzzjoni quddiem parti mill-​faċilitajiet il-​ġodda

[Stampa f’paġna 27]

Volontieri tal-​kostruzzjoni jieħdu gost jappoġġaw ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar mal-​kongregazzjoni lokali