Is-Swali tas-Saltna Miftuħin għal Kulħadd
Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Is-Swali tas-Saltna Miftuħin għal Kulħadd
META kien qed iħarreġ lid-dixxipli tiegħu għall-ministeru pubbliku, Ġesù Kristu inkuraġġiehom biex ‘ixandruh minn fuq il-bjut.’ (Mattew 10:27) Iva, kellhom iwettqu l-ministeru Kristjan tagħhom fil-beraħ, fil-pubbliku. Billi japplikaw dan il-prinċipju, ix-Xhieda taʼ Jehovah ukoll jikkonduċu l-attività tagħhom bil-miftuħ. Dan għen lix-Xhieda biex jegħlbu l-ostilità u jiġu magħrufin u aċċettati.
Għalkemm il-laqgħat tal-kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah huma miftuħin għall-pubbliku, il-preġudizzju jġiegħel lil xi nies isibuha bi tqila biex jidħlu f’Sala tas-Saltna. Dan hu minnu fil-Finlandja. Oħrajn sempliċement jiddejqu jmorru f’postijiet ġodda. Meta tinbena Sala tas-Saltna ġdida jew tiġi rinnovata xi sala, ħafna drabi tiġi rranġata ġurnata għall-pubbliku. Jistaʼ jsir sforz speċjali biex il-ġirien jiġu mistiedna jżuru s-Sala tas-Saltna u jsiru familjari maʼ l-attività tax-Xhieda taʼ Jehovah.
F’lokalità waħda, ix-Xhieda organizzaw kampanja bir-rivisti fl-istess ġurnata li s-Sala tas-Saltna l-ġdida tagħhom kienet miftuħa għall-pubbliku. Żewġ Xhieda ltaqgħu maʼ raġel imdaħħal fiż-żmien li qal li jħobb jaqra r-rivisti t-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! L-aħwa qalulu li dak in-nhar is-Sala tas-Saltna kienet miftuħa għall-pubbliku u offrewlu li jiħduh hemm. Ir-raġel qal li jkun ferħan li jmur magħhom. Peress li l-mara semgħet il-konversazzjoni tagħhom għajtet, “Titilqux mingħajri!”
Hekk kif daħlu fis-Sala tas-Saltna, ir-raġel ta daqqa t’għajn madwaru u qal: “Din żgur li mhix sewda. Anzi, din sabiħa u mdawla. Qaluli li s-Sala tas-Saltna se tkun miżbugħa sewda!” Il-koppja baqgħet hemm għal xi ħin u talbet xi letteratura li kienet għall-wiri.
Kongregazzjoni waħda riedet tagħmel avviż fil-gazzetta lokali li kienet qed torganizza ġurnata għall-pubbliku fl-okkażjoni tad-dedikazzjoni tas-Sala tas-Saltna tagħhom. Meta saret taf b’dan l-avveniment, l-editriċi ssuġġeriet li jinkiteb artiklu dwar is-suġġett. L-aħwa aċċettaw, u fi żmien qasir, artiklu favorevoli taʼ nofs paġna deher fil-gazzetta, isemmi l-avveniment u jiddeskrivi l-attivitajiet tal-kongregazzjoni lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah.
Wara li l-artiklu ġie pubblikat, Xhud anzjana ltaqgħet maʼ waħda mill-ġirien tagħha li qaltilha: “Kien hemm artiklu sabiħ ħafna dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah fil-gazzetta taʼ llum!” L-oħt irnexxielha tagħtiha xiehda u wara ħallitilha l-browxer Jehovah’s Witnesses in the Twentieth Century.
Arranġamenti f’konnessjoni maʼ ġranet miftuħin għall-pubbliku u programmi taʼ dedikazzjoni għal Swali tas-Saltna ġodda, minbarra li jiċċaraw xi ideat żbaljati dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah, iqanqlu lill-pubblikaturi billi jinkuraġġuhom jistiednu iktar nies biex jattendu l-laqgħat. Iva, f’ħafna pajjiżi, inkluż il-Finlandja, in-nies tgħallmu li s-Swali tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Jehovah huma miftuħin għal kulħadd.