L-Għemejjel mill-Aħjar Iġibu Glorja lil Alla
DAWK li jħobbu lil Alla jistinkaw biex jirriflettu d-dawl spiritwali tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja. B’dan il-mod, huma jsegwu l-kmand taʼ Ġesù: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.” (Mattew 5:16) Kemm il-kliem kif ukoll il-kondotta retta jistgħu jġibu glorja lil Alla.
Ix-Xhieda taʼ Jehovah jfittxu li jogħġbu lil Alla billi jaġixxu fi qbil mal-Bibbja u jistinkaw biex jgħinu lil oħrajn spiritwalment. Huma jagħmlu dan saħansitra f’artijiet fejn il-ministeru pubbliku tagħhom għadu m’huwiex reġistrat legalment. Fil-belt kapitali taʼ wieħed minn dawn il-pajjiżi, ix-Xhieda jagħmlu konvenzjonijiet annwali li għalihom jattendu bejn 6,000 u 9,000 ruħ minn kullimkien. Għal laqgħat bħal dawn, huma jikru s-swali f’kumpless fejn isiru l-wirjiet. L-istess bħalma għamlu fis-snin preċedenti, qabel il-konvenzjoni tagħhom fl-1999, mijiet taʼ Xhieda ħadmu iebes biex inaddfu l-faċilitajiet, iħejju s-sistema tas-sawnd u jirranġaw eluf taʼ siġġijiet.
Dawn it-tħejjijiet kollha ma ġewx injorati. Il-maniġment tal-kumpless osserva dawn l-attivitajiet. Hu ra wkoll li għalkemm il-quċċata taʼ l-attendenza kienet taʼ 15,666, kollox mar sew u x-Xhieda mxew tassew b’ordni. Baqaʼ impressjonat ukoll bit-tindifa bir-reqqa li ngħatat wara.
Il-maniġment wera l-apprezzament tiegħu għal dan kollu billi niżżel lix-Xhieda fuq il-lista tiegħu, sabiex tingħatalhom l-ewwel opportunità għall-kiri tal-bini għas-sena taʼ wara. Imma l-maniġment għamel saħansitra iktar minn hekk. Fil-15 taʼ Lulju, 1999, ippreżenta premju t’apprezzament lill-kumitat tal-konvenzjoni. Minqux fuq il-plakka kien hemm il-kliem “il-kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah”—xi ħaġa li ma tistennihiex f’pajjiż fejn ix-xogħol edukattiv tagħhom tal-Bibbja huwa projbit.
Huwa mistenni li matul l-2000/2001, miljuni taʼ nies mad-dinja kollha jattendu għall-mijiet taʼ Konvenzjonijiet Distrettwali tax-Xhieda taʼ Jehovah “Nagħmlu Dak li Tgħid il-Kelma t’Alla.” Billi tkun preżenti, int tistaʼ tara għalik innifsek kif dawk li bil-ħeġġa kollha jagħmlu dak li tgħid il-Bibbja qed jieħdu sehem fl-għemejjel mill-aħjar li jġibu glorja lil Alla.