Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Int x’Taf Dwar is-Seħer?

Int x’Taf Dwar is-Seħer?

IS-​SEĦER! X’iġġib quddiem għajnejk meta tismaʼ din il-​kelma?

Għal ħafna, is-​seħer huwa l-​bażi tas-​superstizzjoni u l-​fantasija, xi ħaġa li m’għandhiex tittieħed bis-​serjetà. Għalihom, is-​seħer jeżisti biss fid-​dinja taʼ l-​immaġinazzjoni—sħaħar xjuħ lebsin mantar bil-​barnuża, li jitfgħu l-​ġwienaħ tal-​friefet il-​lejl ġo kaldarun ibaqbaq, ibiddlu lin-​nies fi żrinġijiet, u jtiru bil-​lejl fuq l-​ixkupi waqt li jfaqqgħu dik id-​daħqa malizzjuża tagħhom.

Għal oħrajn, is-​seħer m’huwiex xi ħaġa taċ-​ċajt. Xi investigaturi jgħidu li iktar minn nofs il-​popolazzjoni tad-​dinja temmen li s-​sħaħar veru jeżistu u jistgħu jinfluwenzaw il-​ħajjiet tan-​nies. Miljuni taʼ nies jemmnu li s-​seħer huwa xi ħaġa ħażina ħafna, perikoluża, u li għandhom jibżgħu ħafna minnha. Per eżempju, ktieb dwar ir-​reliġjon Afrikana jgħid: “It-​twemmin fl-​użu u l-​perikli tal-​maġija ħażina, il-​magħmul u s-​seħer għandu għeruq fondi fil-​ħajja Afrikana. . . . Is-​sħaħar u dawk li jagħmlu l-​magħmul huma l-​iktar nies mibgħudin fil-​komunità tagħhom. Saħansitra llum għad hemm postijiet u każi fejn dawn jiġu msawtin għall-​mewt mill-​bqija tan-​nies.”

Madankollu, fil-​pajjiżi tal-​Punent, is-​seħer libes maskra ġdida li permezz tagħha kiseb l-​approvazzjoni taʼ iktar nies. Il-​kotba, it-​televiżjoni, u l-​films kellhom sehem kbir f’li jnaqqsu l-​biżaʼ mis-​seħer. David Davis, analista tad-​divertiment, josserva: ‘F’daqqa waħda, is-​sħaħar saru iktar żgħażagħ u iktar attraenti, ferm iktar attraenti. L-​industrija tal-​films malajr taqbad xi jkunu t-​tendenzi kurrenti. . . . Billi lis-​sħaħar tagħmilhom jidhru iktar attraenti u iktar taʼ min iħobbhom, dawn ikunu jistgħu jintgħoġbu minn iktar nies, inkluż in-​nisa u tfal iktar żgħar.’ L-​industrija tal-​films taf kif għandha tibdel kwalunkwe tendenza kurrenti fi proposta li ġġib il-​qligħ.

Xi wħud jgħidu li s-​seħer sar wieħed mill-​iktar movimenti spiritwali li qed jikbru b’rata mgħaġġla fl-​Istati Uniti. Fil-​pajjiżi żviluppati tad-​dinja, numru li dejjem jikber taʼ nies qegħdin ifittxu sodisfazzjon spiritwali f’diversi forom taʼ seħer minħabba li qed jiġu influwenzati mill-​ideat taʼ movimenti femministi u qed iħossuhom diżappuntati bir-​reliġjonijiet ewlenin. Fil-​fatt, tant hemm modi differenti kif jiġi prattikat is-​seħer li jeżisti nuqqas taʼ qbil saħansitra fuq it-​tifsira tal-​kelma “saħħara.” Madankollu, dawk li jgħidu li huma sħaħar taʼ spiss jidentifikaw ruħhom bħala membri tal-​Wicca, li dizzjunarju wieħed jispjegaha bħala ‘reliġjon pagana bbażata fuq riverenza għan-​natura, li għandha l-​għeruq tagħha fl-​Ewropa tal-​punent fl-​era taʼ qabel Kristu u li fi żmienna tinsab għaddejja minn perijodu taʼ qawmien mill-​ġdid.’ a Minħabba f’dan, ħafna jirreferu għalihom infushom ukoll bħala pagani jew neopagani.

Matul l-​istorja, is-​sħaħar ġew mibgħudin, persegwitati, torturati, u saħansitra maqtulin. Mhux taʼ b’xejn li wħud li jipprattikaw is-​seħer fi żmienna huma ħerqanin biex itejbu l-​opinjoni li n-​nies għandhom dwarhom. Fi stħarriġ li sar, lil ħafna sħaħar staqsewhom x’inhu l-​iktar messaġġ li jixtiequ jgħaddu lill-​pubbliku. It-​tweġiba tagħhom, miġbura fil-​qasir mir-​riċerkatriċi Margot Adler, kienet: “Aħna m’aħniex ħżiena. Ma nadurawx lix-​Xitan. Ma nagħmlux ħsara lin-​nies jew inqarrqu bihom. M’aħniex perikolużi. Aħna nies normali bħalkom. Għandna familji, impjiegi, tamiet, u xewqat. Aħna m’aħniex xi kult. M’aħniex taʼ barra minn hawn. . . . M’għandkomx għalfejn tibżgħu minna. . . . Aħna nixbhukom ferm iktar milli taħsbu intom.”

Dan il-​messaġġ qed jiġi aċċettat minn iktar u iktar nies. Imma jfisser dan li m’hemmx għalfejn ninkwetaw dwar l-​ipprattikar tas-​seħer? Ejja nikkunsidraw din il-​mistoqsija fl-​artiklu li jmiss.

[Nota taʼ taħt]

a Il-kelma Ingliża “witchcraft” (“seħer”) ġejja mill-​kliem Ingliż Antik “wicce” u “wicca,” li jirreferu rispettivament għal irġiel u nisa li jipprattikaw is-​seħer.