Dak li Għandek Tkun Taf Dwar is-Seħer
HUWA diffiċli li tiddeskrivi eżatt x’inhu s-seħer fi żmienna. Ir-raġuni hi li dawk li jipprattikawh ivarjaw ħafna. Dawn ma jirrikonoxxu ebda awtorità jew duttrina ċentrali, jew xi ktieb imqaddes li jgħaqqad it-twemmin tagħhom. Hemm differenzi wkoll fit-tradizzjoni, fl-organizzazzjoni, fir-ritwali, u fl-opinjoni rigward liema allat għandhom jonoraw. Kittieb wieħed josserva: “Id-dinja taʼ l-okkult toffri lil dak li jkun ‘suq ħieles’ taʼ ideat.” Awtriċi oħra tgħid: “Il-biċċa l-kbira tan-Neo-Pagani ma jaqblu kważi fuq xejn.”
Ħafna nies ma jsibu ebda oġġezzjoni għal dawn il-kontradizzjonijiet. Ktieb li jipprovdi gwida għal dawk li jixtiequ jsiru sħaħar jistqarr: “Meta tkun f’diffikultà għax issib informazzjoni kontradittorja, eżamina din l-informazzjoni u agħmel deċiżjoni dwar liema waħda se temmen. Agħmel dak li tħoss dak il-ħin. Fi kliem ieħor, int liberu li tagħżel x’jogħġbok fost ir-ritwali pubblikati u l-kotba taʼ gwida dwar ir-ritwali biex tiddeċiedi dak li tħoss li hu tajjeb.”
Iżda, dawk li jafu minn xiex tistaʼ tingħaraf il-verità joġġezzjonaw għal dawn il-kontradizzjonijiet. Il-verità hi magħmula mill-fatti, minn dak li hu veru. Xi ħaġa tkun vera mhux sempliċement għax persuna tħoss jew tittama jew temmen li hi vera. Per eżempju, kien hemm żmien meta t-tobba kienu jemmnu li setgħu jfejqu l-pulmonite billi jaqsmu tiġieġa ħajja fi tnejn u jpoġġu ż-żewġ nofsijiet fuq sider il-pazjent. Bla dubju, ħafna pazjenti sinċerament kienu jemmnu li din il-kura kienet se tfejjaqhom. Madankollu, it-twemmin u t-tamiet tagħhom ma kinux jaqblu mal-fatti—din il-proċedura ma tfejjaqx il-pulmonite. In-nies ma joħolquhiex huma l-verità, imma jagħmlu ħilithom biex jifhmuha.
Il-Bibbja tgħid li ġo fiha hemm il-verità dwar kwistjonijiet spiritwali. Ġesù Kristu, meta kien fuq l-art, qal f’talba lil Missieru: “Il-kelma tiegħek hi l-verità.” (Ġwann 17:17) L-appostlu Pawlu kiteb: “L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla.” (2 Timotju 3:16) Ħafna li jipprattikaw is-seħer ma jaqblux maʼ dan. Minflok, huma jipprovaw isibu dik ix-xi ħaġa li timmotivahom u tiggwidahom fil-ħrejjef, fir-reliġjonijiet tal-qedem, u saħansitra fil-fantaxjenza. Iżda, ma jkunx raġunevoli li għall-inqas nikkunsidraw dak li tgħid il-Bibbja? Wara kollox, din hi rikonoxxuta tistaʼ tgħid maʼ kullimkien bħala ktieb imqaddes. Hija wkoll waħda mill-iktar kitbiet reliġjużi antiki li baqgħu jeżistu. Il-Bibbja nkitbet matul perijodu taʼ 1,600 sena, u madankollu hija konsistenti fit-tagħlim kollu tagħha. Ejja nqabblu t-tagħlim tal-Bibbja maʼ xi twemmin li jħaddnu dawk li jinkuraġġixxu l-prattika tas-seħer.
Min Hemm fil-Qasam taʼ l-Ispirti?
Mistoqsija fundamentali li għandu jistaqsi min ifittex li jkollu fehma spiritwali hija din, Min hemm fil-qasam taʼ l-ispirti? Filwaqt li l-biċċa l-kbira tas-sħaħar fi żmienna jħaddnu fidi f’iktar minn alla wieħed, li hi relatata man-natura, xi wħud iqimu alla-omm kbira, meqjusa bħala li għandha rwol triplu taʼ xebba, omm, u mara xiħa għakka, li jirrappreżentaw l-istadji bażiċi tal-ħajja. Il-maħbub tagħha huwa alla bil-qrun. Sħaħar oħrajn iqimu alla raġel u alla mara flimkien. Wieħed kittieb jgħid: “L-Alla mara u l-Alla raġel huma meqjusin bħala manifestazzjoni tal-forzi tan-natura femminili u maskili. It-tnejn li huma [għandhom] il-karatteristiċi uniċi tagħhom li meta jingħaqdu flimkien jirriżultaw fil-ħolqien armonjuż tal-ħajja.” Awtorità oħra tikteb: “Waħda mill-iktar għażliet importanti fil-prattika tas-Seħer hija li int tagħżel l-allat (Allat Maskili u Femminili) li se taħdem id f’id magħhom. . . . Il-prattika tas-Seħer tagħtik il-libertà li tagħżel u mbagħad tonora lill-allat li tkun għażilt int stess bħala Divinitajiet.”
Il-Bibbja ma tappoġġa ebda waħda minn dawn l-ideat. Ġesù Kristu ddedika l-ministeru kollu tiegħu biex jgħallem lil oħrajn dwar Jehovah, “l-uniku Alla veru.” (Ġwann 17:3, NW) Il-Bibbja tistqarr: “Kbir il-Mulej, taʼ min ifaħħru ħafna, tal-biżaʼ aktar mill-allat kollha. Għax kollha frugħa l-allat tal-popli.”—1 Kronaki 16:25, 26.
Xi ngħidu għax-Xitan? Il-Webster’s Ninth New Collegiate Dictionary jiddefinixxi s-seħer bħala “komunikazzjoni max-xitan.” Ikun diffiċli llum li nsibu xi saħħara li taqbel maʼ din id-definizzjoni, għaliex ħafna lanqas biss jaċċettaw saħansitra li Satana x-Xitan tassew jeżisti. Waħda mara żagħżugħa, li ġiet deskritta minn The Irish Times bħala “saħħara li għandha kariga importanti u li tmexxi wieħed mill-iktar gruppi influwenti taʼ sħaħar fl-Irlanda,” tirraġuna hekk: “It-twemmin fix-Xitan jimplika li wieħed jaċċetta l-Kristjanità . . . [Ix-Xitan] ma jistax jeżisti f’univers fejn m’hemmx Alla.”
Il-Bibbja tikkonferma l-eżistenza tax-Xitan u takkużah b’ħafna mis-sofferenza u t-taqlib li hawn fid-dinja. (Apokalissi 12:12) Ġesù mhux biss għallem li x-Xitan jeżisti, imma wkoll wera li huwa possibbli li wieħed jistaʼ jkun qed jagħmel ir-rieda tax-Xitan mingħajr ma jkun konxju taʼ dan. Per eżempju, fl-ewwel seklu, xi mexxejja reliġjużi li kienu jriduha taʼ tajbin sostnew li, f’ċertu sens, huma kienu wlied Alla u kienu jemmnu li qed jagħmlu r-rieda t’Alla. Ġesù, li setaʼ jagħraf x’kien hemm f’qalbhom, kien jaf li dan ma kienx veru. Hu qalilhom f’wiċċhom: “Intom ġejjin minn missierkom, li hu x-Xitan, u x-xewqat taʼ missierkom tridu tagħmlu.” (Ġwann 8:44) Iżjed minn hekk, il-ktieb Bibliku t’Apokalissi jgħid li x-Xitan huwa l-“qarrieq tad-dinja kollha.”—Apokalissi 12:9.
Teżisti xi Maġija Tajba?
M’għandniex xi ngħidu, il-maġija minn dejjem kienet assoċjata maʼ l-okkult. a Ħafna nies, kemm fl-antik u kemm fi żmienna, jemmnu li l-maġija li jipprattikaw is-sħaħar issir biex tagħmel il-ħsara lil oħrajn. Jingħad li s-sħaħar għandhom is-setgħa li jikkaġunaw uġigħ tremend u saħansitra l-mewt permezz tal-maġija. Matul iż-żminijiet, is-sħaħar baqgħu jingħataw il-ħtija għal kull tip taʼ sfortuni, inkluż mard, mewt, u ħsara lill-uċuħ tar-rabaʼ.
Is-sħaħar illum jiċħduhom bil-qawwi akkużi bħal dawn. Waqt li jammettu li xi kultant jistaʼ jkun hemm xi saħħara ħażina li tagħmel id-deni, il-biċċa l-kbira minnhom isostnu li l-maġija li jagħmlu ssir għall-ġid, mhux biex tagħmel il-ħsara. Il-membri tal-Wicca jgħallmu li l-effetti tal-maġija se jkunu t-triplu għal min jipprattikaha, u jgħidu li dan hu wieħed mill-akbar fatturi li minħabba fihom is-sħaħar iżommu lura milli jlissnu xi saħta. Eżempji taʼ din l-hekk imsejħa maġija tajba jinkludu sħarijiet biex tipproteġi lilek innifsek, biex tnaddaf lil darek minn forzi negattivi li jkun ħalla warajh min kien joqgħod fid-dar qablek, biex iġġiegħel lil xi ħadd jieħu grazzja miegħek, biex tfiq iktar malajr u tkun b’saħħtek, biex tevita li titlef l-impjieg tiegħek, u biex takkwista l-flus. Meta tqis li l-maġija jingħad li għandha poteri kbar bħal dawn, m’huwiex sorprendenti li din saret daqshekk popolari.
Madankollu, il-Bibbja ma tagħmel ebda distinzjoni bejn maġija tajba u maġija ħażina. Alla wera biċ-ċar kif jaħsibha dwar dan fil-Liġi li ta lil Mosè. Hu qal: “La tagħmlux . . . sħarijiet.” (Levitiku 19:26) Naqraw ukoll: “Ma għandu jkun hemm ħadd f’nofsok . . . [“li jipprattika l-maġija,” NW], min jitkixxef il-ġejjieni, min jagħmel il-magħmul u s-sħarijiet, min isejjaħ l-erwieħ.”—Dewteronomju 18:10, 11.
Alla għala qal hekk? Dan m’huwiex għaliex irid iċaħħadna minn xi ħaġa li hi taʼ benefiċċju għalina. Jehovah ta dawn il-liġijiet lin-nies tiegħu għaliex kien iħobbhom u ma ridhomx jinħakmu mill-biżaʼ u s-superstizzjoni. Minflok, hu jistieden lill-qaddejja tiegħu biex jitolbuh l-affarijiet li jkollhom bżonn. Hu d-Donatur taʼ “kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett.” (Ġakbu 1:17) L-appostlu Ġwanni aċċerta lil sħabu fit-twemmin: “Kull ma nitolbu naqilgħuh mingħandu [mingħand Alla], għax qegħdin inżommu l-kmandamenti tiegħu u nagħmlu dak li jogħġob lilu.”—1 Ġwann 3:22.
Xi Ngħidu għall-Ispirti mill-Agħar?
Ħafna sħaħar jaqblu mal-Bibbja fuq dan il-punt: L-ispirti mill-agħar tassew jeżistu. F’artiklu li kiteb, wieħed li jinkuraġġixxi l-prattika tas-seħer iwissi: “Il-fantażmi qegħdin hemm barra: Dawn jeżistu, fid-dinja inviżibbli simili għal dik li ngħixu fiha aħna, kreaturi ħajjin. . . . It-termini ‘Għafrid’, ‘Spirtu Ħażin’ u ‘Demonju’ huma pjuttost eżatti. Huma għandhom qawwa tremenda. . . . L-iktar intelliġenti fosthom . . . huma kapaċi (jekk xi ħadd jogħġbu jagħtihom l-għajnuna tiegħu u
jiftħilhom bieb) jidħlu fid-dinja tagħna. . . . Jistgħu jidħlu ġo fik . . . , u saħansitra jkollhom ċertu kontroll fuqek. Iva, dan hu eżatt bħall-istejjer antiki taʼ kif uħud ġew maħkumin mid-Demonji.”Fi żminijiet Bibliċi, nies maħkumin mid-demonji kienu jsofru b’diversi modi. Xi wħud minn dawk effettwati ma kinux jistgħu jitkellmu, xi wħud kienu għomja, xi wħud kienu jġibu ruħhom taʼ mġienen, u xi wħud kellhom saħħa barranija. (Mattew 9:32; 12:22; 17:15, 18; Mark 5:2-5; Luqa 8:29; 9:42; 11:14; Atti 19:16) Xi drabi l-agunija kienet tiżdied meta ħafna demonji kienu jaħkmu lil persuna waħda lkoll f’daqqa. (Luqa 8:2, 30) Mela, żgur li hemm raġunijiet tajbin għala Jehovah jwissi lin-nies biex jitbegħdu mis-seħer u prattiċi oħrajn relatati maʼ l-okkult.
Reliġjon Ibbażata fuq il-Verità
Illum, ħafna jitħajru jipprattikaw is-seħer minħabba li din ir-reliġjon ibbażata fuq riverenza għan-natura tidher li ma tagħmel ebda ħsara u m’hi taʼ ebda theddida. F’xi komunitajiet, din ġiet aċċettata. In-nies ma jibżgħux minnha. Minflok, f’ħafna postijiet din saret komuni. F’ambjent fejn it-tolleranza reliġjuża twassal lil ħafna biex jaċċettaw saħansitra dak li m’huwiex normali, is-seħer kiseb l-approvazzjoni taʼ ħafna.
Tabilħaqq, id-dinja taʼ reliġjonijiet saret suq minfejn in-nies huma liberi li jagħżlu waħda li tissodisfa l-bżonnijiet tagħhom, qisu xi ħadd qed jixtri xi par żarbun. B’kuntrast, Ġesù tkellem biss dwar żewġ għażliet. Hu qal: “Għaddu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesaʼ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha. Imma kemm huwa dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha!” (Mattew 7:13, 14) Naturalment, aħna liberi li nagħżlu liema mogħdija se ngħaddu minnha. Imma ladarba hemm involut il-benesseri etern tagħna, din l-għażla għandha importanza vitali. Biex niksbu fehma spiritwali, irridu nibqgħu mexjin fil-mogħdija tal-verità—il-mogħdija li tinsab biss fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja.
[Nota taʼ taħt]
a Bl-Ingliż, xi wħud jużaw il-kelma “magick” biex jagħmlu differenza bejn il-kelma li tirreferi għall-okkult u dik li tirreferi għat-tricks li jsiru fuq il-palk. Ara l-Awake! tat-8 taʼ Settembru, 1993, paġna 26, “Is There Danger in Practicing Magic?”
[Stampa f’paġna 5]
Ħafna llum iqisu s-seħer bħala reliġjon ibbażata fuq riverenza għan-natura li ma tagħmel ebda ħsara
[Stampa f’paġna 6]
Il-maġija minn dejjem kienet assoċjata maʼ l-okkult
[Stampa f’paġna 6]
Qegħdin dawk li jipprattikaw is-seħer jagħmlu r-rieda tax-Xitan mingħajr ma huma konxji taʼ dan?
[Stampi f’paġna 7]
Il-Bibbja tirrivela l-mogħdija tal-verità