Il-Modestja—Kwalità li Tikkontribwixxi għall-Paċi
Kemm tkun sabiħa d-dinja li kieku kulħadd kien modest! Kieku n-nies ikunu inqas esiġenti, il-membri tal-familja jkunu inqas aggressivi, il-korporazzjonijiet ikunu inqas kompetittivi, u n-nazzjonijiet ikunu inqas ġellidin. Int tixtieq tgħix f’dinja bħal din?
IL-QADDEJJA veri t’Alla Jehovah qed jippreparaw għad-dinja ġdida li hu wegħedhom, li fiha kulħadd se jqis il-modestja, mhux bħala dgħjufija, imma bħala saħħa morali u bħala virtù. (2 Pietru 3:13) Fil-fatt, huma qegħdin jiżviluppaw il-kwalità tal-modestja saħansitra issa. Għala? B’mod speċjali għaliex dan hu dak li Jehovah jirrikjedi minnhom. Il-profeta tiegħu Mikea kiteb: “Bniedem, huwa wriek x’inhu tajjeb u x’jistenna minnek il-Mulej: li tagħmel dak li hu ġust, li tħobb u tkun ħanin, u li tkun . . . [“modest,” NW] fl-imġiba tiegħek maʼ Alla tiegħek.”—Mikea 6:8.
Il-modestja tistaʼ tfisser diversi affarijiet, bħal li wieħed ma jkunx jippretendiha, jew li ma jkunx imkabbar bih innifsu, u li wieħed iżomm lura milli jiftaħar bl-abbiltajiet tiegħu, b’dak li jirnexxilu jwettaq, u b’dak li jippossiedi. Skond xogħol wieħed taʼ referenza,
il-modestja tfisser ukoll “li wieħed ma jaqbiżx il-limiti.” Bniedem modest ma jaqbiżx il-limiti taʼ l-imġiba tajba. Hu jirrikonoxxi wkoll li hemm limiti rigward dak li suppost jagħmel u dak li hu kapaċi jagħmel. Jaf li hemm affarijiet li m’huwiex intitolat għalihom. Żgur li nieħdu gost nagħmluha maʼ nies modesti. “M’hemm xejn li jistaʼ jiġbidna iktar mill-modestja vera,” kiteb il-poeta Ingliż Joseph Addison.Il-modestja m’hijiex karatteristika naturali fil-bnedmin imperfetti. Irridu nagħmlu sforz biex niżviluppaw din il-kwalità. Biex tinkuraġġina f’dan ir-rigward, il-Kelma t’Alla tiddeskrivi għadd taʼ ġrajjiet li juru x’inhi l-modestja fid-diversi forom tagħha.
Żewġ Slaten Modesti
Wieħed mill-iktar qaddejja leali taʼ Jehovah kien David, li kien għadu żagħżugħ meta ġie midluk biex ikun is-sultan futur taʼ Iżrael. Wara dan, is-Sultan renjanti Sawl ġiegħel lil David iħossu taħt pressjoni kbira billi pprova joqtlu u billi sforzah jgħix bħala maħrub.—1 Samwel 16:1, 11-13; 19:9, 10; 26:2, 3.
Saħansitra taħt dawk iċ-ċirkustanzi, David irrikonoxxa li kien hemm limiti għal dak li kellu jagħmel biex jipproteġi ħajtu. Darba minnhom waqt li kien fix-xagħri, David irrifjuta li jħalli lil Abisaj iweġġaʼ lis-Sultan Sawl, li kien rieqed, billi qal: “Lanqas biss jgħaddili minn moħħi, da parti tiegħi, mill-punt taʼ kif jaraha Jehovah, li noħroġ idi kontra l-midluk taʼ Jehovah!” (1 Samwel 26:8-11, NW) David kien jaf li hu ma kellux l-awtorità li jneħħi lil Sawl mill-kariga taʼ sultan. B’hekk, f’din l-okkażjoni David wera l-modestja billi ma qabiżx il-limiti taʼ l-imġiba xierqa. B’mod simili, il-qaddejja t’Alla llum jafu li “mill-punt taʼ kif jaraha Jehovah,” hemm affarijiet li assolutament ma jistgħux jagħmluhom, saħansitra meta jkun hemm il-ħajja taʼ xi ħadd fil-periklu.—Atti 15:28, 29; 21:25.
Salamun, bin is-Sultan David, ukoll kien juri modestja meta kien żagħżugħ, għalkemm b’manjiera kemxejn differenti. Meta Salamun ngħata t-tron, hu ħass li ma kienx kapaċi biżżejjed biex iġorr ir-responsabbiltà tqila taʼ li jkun sultan. Hu talab: “Mulej, Alla tiegħi, lili, qaddej tiegħek, għadek kemm qegħedtni sultan flok David missieri. Iżda jiena għadni daqsxejn taʼ żagħżugħ, bla ma naf mnejn għandi ngħaddi.” Jidher ċar li Salamun kien konxju tan-nuqqas t’abbiltà u n-nuqqas t’esperjenza tiegħu. F’dak iż-żmien kien modest, ma kienx jippretendiha, u ma wera ebda frugħa. Salamun talab lil Jehovah għad-dixxerniment, u t-talba tiegħu ġiet mismugħa.—1 Slaten 3:4-12.
Il-Messija u Dak li Ħejjielu t-Triq
Iktar minn 1,000 sena wara żmien Salamun, Ġwanni l-Għammied wettaq ix-xogħol taʼ li jħejji t-triq għall-Messija. Bħala dak li ħejja t-triq għall-Wieħed Midluk, Ġwanni kien qed iwettaq il-profezija Biblika. Hu setaʼ ftaħar b’dan il-privileġġ. Ġwanni setaʼ wkoll ipprova jieħu l-unur għax kien qarib tal-Messija. Imma Ġwanni qal lin-nies li lanqas biss kien jistħoqqlu jħoll il-qafla tal-qorq taʼ Ġesù. U meta Ġesù ppreżenta lilu nnifsu għall-magħmudija fix-Xmara Ġordan, Ġwanni qal: “Jiena hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u int tiġi għandi?” Dan jindika li Ġwanni ma kienx wieħed li jħobb jiftaħar. Hu kien modest.—Mattew 3:14; Malakija 3:23, 24 [4:5, 6, NW]; Luqa 1:13-17; Ġwann 1:26, 27.
Wara li Ġesù ġie mgħammed, hu daħal għal ministeru full-time, dak taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Minkejja li Ġesù kien raġel perfett, hu qal: “Jiena ma nistaʼ nagħmel xejn minn rajja . . . jien ma nfittixx ir-rieda tiegħi, imma r-rieda taʼ min bagħatni.” Barra minn hekk, Ġesù ma fittixx l-unur mingħand il-bnedmin, imma ta glorja lil Jehovah għal dak kollu li għamel. (Ġwann 5:30, 41-44) Kemm kien modest!
Għalhekk, jidher ċar li l-qaddejja leali taʼ Jehovah—bħal David, Salamun, Ġwanni l-Għammied, u saħansitra r-raġel perfett Ġesù Kristu—kellhom il-modestja. Huma ma kinux jiftaħru, ma kinux imkabbrin bihom infushom, jew jippretenduha, u ma qabżux il-limiti. L-eżempji tagħhom huma raġuni biżżejjed biex il-qaddejja taʼ Jehovah fi żmienna jiżviluppaw u juru l-modestja. Madankollu, hemm jerġaʼ iktar raġunijiet għala dan għandu jsir.
F’dan il-perijodu kollu taħwid taʼ l-istorja umana,
il-modestja hija kwalità li hi taʼ valur kbir għall-Kristjani veri. Din tagħmilha possibbli biex huma jkunu fil-paċi m’Alla Jehovah, maʼ bnedmin sħabhom, u magħhom infushom.Paċi m’Alla Jehovah
Paċi maʼ Jehovah hija possibbli biss jekk aħna ma naqbżux il-limiti li hu jpoġġi għall-qima vera. L-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, qabżu l-limiti li Alla stabbilixxa, u saru l-ewwel bnedmin li naqsu li juru l-modestja. Huma tilfu l-waqfa tajba li kellhom quddiem Jehovah, u tilfu wkoll darhom, il-futur tagħhom, kif ukoll ħajjithom stess. (Ġenesi 3:1-5; 16-19) Kemm pattewha qares!
Ejja nitgħallmu mill-iżball taʼ Adam u Eva, għaliex il-qima vera tpoġġi limiti fuq kif għandna naġixxu. Per eżempju, il-Bibbja tistqarr li “la żienja, la idolatri, la adulteri, la effemminati, la omosesswali, la ħallelin, la rgħiba, la skaren, la qassiesa fuq in-nies, la ħattafa, ma jirtu s-saltna taʼ Alla!” (1 Korintin 6:9, 10) Jehovah, b’għerf kbir ipoġġi dawn il-limiti fuqna għall-ġid tagħna, u aħna nuru l-għerf billi ma naqbżuhomx. (Isaija 48:17, 18) Proverbji 11:2 (NW) jgħidilna: “L-għerf qiegħed mal-modesti.”
Xi ngħidu jekk xi organizzazzjoni reliġjuża tgħidilna li nistgħu ninjoraw dawn il-limiti u xorta waħda ngawdu paċi m’Alla? Din l-organizzazzjoni tkun qed tipprova tiżvijana. Mill-banda l-oħra, il-modestja tgħinna nikkultivaw relazzjoni mill-qrib m’Alla Jehovah.
Paċi maʼ Bnedmin Sħabna
Il-modestja tikkontribwixxi wkoll għal relazzjonijiet paċifiċi m’oħrajn. Per eżempju, meta l-ġenituri jkunu t’eżempju f’li jkunu kuntenti bin-neċessitajiet tagħhom u f’li jagħtu prijorità lil affarijiet spiritwali, ikun hemm probabbiltà akbar li wliedhom jadottaw l-istess attitudni. Iż-żgħar imbagħad se jsibuha iktar faċli li jikkuntentaw anki jekk għandu mnejn li mhux dejjem jieħdu dak li jridu. Dan se jgħinhom jgħixu modestament, u l-ħajja tal-familja se tkun iktar paċifika.
Dawk li għandhom l-inkarigu taʼ indokraturi għandhom bżonn joqogħdu attenti b’mod partikulari biex ikunu modesti u ma jabbużawx mill-awtorità tagħhom. Per eżempju, il-Kristjani jingħataw l-istruzzjoni: “Tmorrux lil hinn mill-affarijiet li huma miktubin.” 1 Korintin 4:6, NW) L-anzjani tal-kongregazzjoni jirrealizzaw li m’għandhomx jipprovaw jimponu l-preferenzi persunali tagħhom fuq oħrajn. Minflok, huma jużaw il-Kelma t’Alla bħala bażi biex jinkuraġġixxu l-korsa t’azzjoni xierqa fejn jidħlu l-imġiba, l-ilbies, il-maxta, jew ir-rikreazzjoni. (2 Timotju 3:14-17) Meta l-membri tal-kongregazzjoni josservaw li l-anzjani ma jaqbżux il-limiti Skritturali, dan jinkuraġġixxi r-rispett lejn dawn l-irġiel u jikkontribwixxi għal spirtu t’għaqda, imħabba, u paċi fil-kongregazzjoni.
(Paċi Magħhom Infushom
Dawk li jipprattikaw il-modestja huma premjati b’paċi ġewwinija. Bniedem modest ma jħallix l-ambizzjoni tirkbu. Dan ma jfissirx li hu ma jkollu ebda miri persunali. Per eżempju, hu għandu mnejn ikun jixtieq li jkollu iktar privileġġi taʼ servizz, imma hu jħalli f’idejn Alla, u jagħti l-kredtu lil Jehovah għal kwalunkwe privileġġi Kristjani li jingħata. Dawn ma jqishomx bħala xi ħaġa li kisibha bil-ħila tiegħu stess. Dan iressaq lill-wieħed modest iktar qrib taʼ Jehovah, dak “Alla tas-sliem.”—Filippin 4:9.
Jistaʼ jkun li xi kultant inħossu li oħrajn jinjorawna. Imma ma jkunx aħjar li niġu injorati għaliex aħna modesti milli niġbdu l-attenzjoni lejna nfusna billi nuru nuqqas taʼ modestja? Nies modesti ma jħallux l-ambizzjoni tirkibhom. B’hekk, huma jkunu f’paċi magħhom infushom, u dan hu taʼ benefiċċju għall-benesseri emozzjonali u fiżiku tagħhom.
Niżviluppaw u Nkomplu Nuru l-Modestja
Adam u Eva ċedew u wrew nuqqas taʼ modestja—karatteristika li għaddewha lin-nisel tagħhom. X’jistaʼ jgħinna nevitaw li nagħmlu l-istess żball li għamlu l-ġenituri tagħna? Kif nistgħu niżviluppaw il-kwalità sabiħa tal-modestja?
L-ewwelnett, ikun t’għajnuna li jkollna fehma eżatta taʼ x’inhi l-pożizzjoni tagħna f’relazzjoni maʼ Jehovah, il-Ħallieq taʼ l-univers. Liema affarijiet li wettaqna nistgħu ngħidu li jistgħu xi darba jitqabblu maʼ dak li għamel Alla? Jehovah staqsa lill-qaddej leali tiegħu Ġob: “Fejn kont int jien u nqiegħed sisien l-art? Għidli, jekk għandek id-dehen.” (Ġob 38:4) Ġob ma setaʼ jagħti ebda tweġiba. Aħna mhux ukoll limitati fl-għarfien, fl-abbiltà, u fl-esperjenza? Ma jkunx aħjar għalina li nirrikonoxxu l-limitazzjonijiet tagħna?
Barra minn hekk, il-Bibbja tgħidilna: “Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha, id-dinja u kull ma jgħix fiha.” Dan jinkludi “l-bhejjem tax-xagħri, . . . [i]l-bhejjem fuq l-għoljiet.” Jehovah jistaʼ jgħid: “Tiegħi l-fidda u tiegħi d-deheb.” (Salm 24:1; 50:10; Ħaggaj 2:8) X’jistaʼ jkollna aħna li jistaʼ jitqabbel maʼ dak kollu li għandu Jehovah? Lanqas l-iktar raġel sinjur fid-dinja m’għandu raġun jiftaħar b’dak kollu li għandu! Għalhekk, ikun għaqli li nsegwu l-parir ispirat taʼ l-appostlu Pawlu lill-Kristjani f’Ruma: “Jiena ngħidilkom ilkoll bis-saħħa tal-grazzja li tani Alla: tippretendux li intom xi ħaġa aktar milli intom kif għandu jkun!”—Rumani 12:3.
Bħala qaddejja t’Alla li jixtiequ jikkultivaw il-modestja, aħna għandna nitolbu għall-frott taʼ l-ispirtu—l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, is-sabar fit-tul, il-qalb tajba, it-tjubija, il-fidi, il-ħlewwa, u l-kontroll fuqna nfusna. (Luqa 11:13; Galatin 5:22, 23) Għala? Għax kull waħda minn dawn il-kwalitajiet se tagħmilha iktar faċli għalina li nkunu modesti. Per eżempju, l-imħabba għal bnedmin sħabna se tgħinna niġġieldu kontra t-tendenza li niftaħru jew li nippretenduha. U l-kontroll fuqna nfusna se jġagħalna nieqfu u naħsbu qabel ma naġixxu b’nuqqas taʼ modestja.
Ejja noqogħdu attenti! Hemm bżonn li nibqgħu għassa l-ħin kollu biex ma naqgħux fin-nassa taʼ li ma nkunux modesti. Tnejn mis-slaten li ssemmew iktar kmieni mhux dejjem kienu modesti. Is-sultan David qabad u għamel ċensiment f’Iżrael bla ma qagħad jaħsibha xejn, xi ħaġa li kienet tmur kontra r-rieda taʼ Jehovah. Is-Sultan Salamun tant ma baqax modest li saħansitra beda jipprattika l-qima falza.—2 Samwel 24:1-10; 1 Slaten 11:1-13.
Sakemm iddum din is-sistema t’affarijiet taʼ mingħajr Alla, li nkunu modesti jirrikjedi li nibqgħu għassa kontinwament. Madankollu, huwa vallapena li nagħmlu dan l-isforz. Fid-dinja l-ġdida t’Alla, is-soċjetà umana se tkun tikkonsisti biss minn nies li huma modesti. Huma se jqisu l-modestja bħala saħħa morali, u mhux bħala dgħjufija. Kemm se jkun sabiħ meta kull individwu u kull familja jkunu mberkin bil-paċi li ġġib magħha l-modestja!
[Stampa f’paġna 23]
Ġesù kien modest u ta l-kredtu lil Jehovah għal kulma għamel