Kemm Baqgħalhom in-Nies mill-Agħar?
“Għala . . . żżomm is-skiet [Jehovah] meta min hu ħażin jiblaʼ lil min hu aktar minnu ġust?”—ĦABAKKUK 1:13.
1. L-art kollha meta se tagħraf sewwa l-glorja taʼ Jehovah?
ALLA se jeqridhom xi darba lin-nies mill-agħar? Jekk inhu hekk, kemm iktar irridu nistennew? Nies f’kull parti tad-dinja qed jistaqsu mistoqsijiet bħal dawn. Fejn nistgħu nsibu t-tweġibiet? Nistgħu nsibuhom fil-kliem profetiku mnebbaħ b’mod divin għaż-żmien imwaqqat. Dan jiżgurana li Jehovah dalwaqt se jesegwixxi ġudizzju fuq in-nies mill-agħar kollha. Huwa biss dakinhar li l-art kollha se “tagħraf sewwa l-glorja tal-Mulej, bħalma hu miksi l-baħar bl-ilmijiet!” Din hija l-wegħda profetika li tinsab fil-Kelma Sagra t’Alla f’Ħabakkuk 2:14.
2. Liema tliet ġudizzji esekuzzjonali divini nsibu fil-ktieb taʼ Ħabakkuk?
2 Il-ktieb taʼ Ħabakkuk, li nkiteb madwar is-sena 628 Q.E.K., jikkonsisti f’serje taʼ tliet ġudizzji esekuzzjonali minn Alla Jehovah. Tnejn minn dawn il-ġudizzji diġà ġew esegwiti. L-ewwel wieħed kien il-ġudizzju taʼ Jehovah kontra l-ġens stinat taʼ Ġuda tal-qedem. Xi ngħidu dwar it-tieni? Dan kien il-ġudizzju t’Alla esegwit fuq Babilonja oppressiva. Allura, żgur li għandna għalfejn ikollna fiduċja li t-tielet wieħed minn dawn il-ġudizzji divini se jitwettaq. Fil-fatt, nistgħu nistennew li se jitwettaq fi żmien qrib ferm. Minħabba n-nies retti f’dawn l-aħħar jiem, Alla se jġib qerda fuq il-bnedmin mill-agħar kollha. L-aħħar minn dawn il-bnedmin se jieħu l-aħħar nifs tiegħu fil-“gwerra taʼ nhar il-Jum il-kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox” li qed toqrob bil-ħeffa.—Apokalissi 16:14, 16.
3. X’se jiġrilhom żgur dawk mill-agħar fi żmienna?
3 Il-gwerra tal-jum il-kbir t’Alla riesqa dejjem eqreb. U l-esekuzzjoni tal-ġudizzju divin fuq dawk mill-agħar fi żmienna huwa ċert daqs it-twettiq tal-ġudizzji taʼ Jehovah kontra Ġuda u Babilonja. Madankollu, issa stess, għala ma timmaġinax li qiegħed f’Ġuda fi żmien Ħabakkuk? X’qed jiġri f’dik l-art?
Art Mimlija Taqlib
4. Ħabakkuk liema aħbar li ħasditu jismaʼ?
4 Immaġina ftit lil Ħabakkuk, il-profeta taʼ Jehovah, bil-qegħda fuq il-bejt taʼ daru, jieħu gost biż-żiffa friska taʼ fil-għaxija. Maġenbu għandu strument mużikali. (Ħabakkuk 1:1; 3:19b) Imma Ħabakkuk jismaʼ aħbar li ħasditu. Is-Sultan Ġeħojakim taʼ Ġuda qatel lil Urija u ordna li l-ġisem mejjet taʼ dak il-profeta jiġi mitfugħ fejn jindifnu n-nies komuni. (Ġeremija 26:23) Veru, Urija ma kienx baqaʼ jafda f’Jehovah; kien sar beżgħan u ħarab lejn l-Eġittu. Madankollu, Ħabakkuk jaf li Ġeħojakim ma wettaqx dan l-att vjolenti għax kellu x-xewqa li jonora lil Jehovah. Dan hu evidenti mill-mod sfaċċat li bih kien jinjora l-liġi divina u mill-mibegħda li kellu għall-profeta Ġeremija u għal oħrajn li kienu jaqdu lil Jehovah.
5. Ġuda f’liema stat spiritwali tinsab, u Ħabakkuk kif jirreaġixxi għal dan?
5 Ħabakkuk qed jara d-duħħan taʼ l-inċens tielaʼ mill-bjut tad-djar fil-qrib. In-nies m’humiex qed jaħarqu dan l-inċens bħala adoraturi taʼ Jehovah. Qed jieħdu sehem f’atti reliġjużi foloz appoġġati mis-Sultan mill-agħar Ġeħojakim. X’għarukaża! Għajnejn Ħabakkuk jimtlew bid-dmugħ, u hu jitlob bil-ħniena: “Mulej, kemm se ndum nokrob għall-għajnuna u int ma tismax! Jew ngħajjat: ‘Vjolenza!’ u int ma ssalvax! Għaliex turini l-ħażen, u inti toqgħod tħares lejn il-ħtija? Quddiemi qerda [“serq,” NW] u vjolenza, hemm it-tilwim, u l-ġlied dejjem jiżdied. U b’hekk il-liġi sefgħet mingħajr saħħa, qatt iżjed ma jsir ħaqq. Għax il-ħażin idur madwar il-ġust, għalhekk il-ħaqq li jsir ikun mgħawweġ.”—Ħabakkuk 1:2-4.
6. Xi ġralhom il-liġi u l-ħaqq ġewwa Ġuda?
6 Iva, is-serq u l-vjolenza huma abbundanti. Kulfejn iħares Ħabakkuk, jara inkwiet, tilwim, u ġlied. “Il-liġi sefgħet mingħajr saħħa,” ipparalizzat ruħha. U l-ħaqq? Oħroġ il-għaġeb, dan “qatt iżjed ma jsir” rebbieħ! Qatt ma jittrijonfa. Minflok, “il-ħażin idur madwar il-ġust,” billi jara kif jgħawweġ il-miżuri legali li suppost jipproteġu lill-innoċenti. Tabilħaqq, “il-ħaqq li jsir ikun mgħawweġ.” Ikun pervers. Xi stat ħażin t’affarijiet!
7. Ħabakkuk x’inhu determinat li jagħmel?
7 Ħabakkuk jieqaf ftit u jirrifletti fuq din is-sitwazzjoni. Se jaqtaʼ qalbu? Dażgur li le! Wara li jagħti ħarsa lejn il-persekuzzjoni kollha li jgħaddu minnha l-qaddejja leali t’Alla, dan ir-raġel leali jġedded id-determinazzjoni tiegħu biex jibqaʼ sod, bla ma jitħarrek, bħala l-profeta taʼ Jehovah. Ħabakkuk se jkompli jiddikjara l-messaġġ t’Alla—saħansitra jekk dan ikun ifisser mewt.
Jehovah Jagħmel “Ħaġa” li ma Titwemminx
8, 9. Jehovah liema “ħaġa” li ma titwemminx qed jagħmel?
8 Ġo viżjoni, hu jara r-reliġjonisti foloz, li jiddiżonoraw lil Alla. Isimgħu x’jgħidilhom Jehovah: “Itfgħu ħarstkom fuq il-ġnus, araw, stagħġbu.” X’aktarx li Ħabakkuk jitħasseb għala Alla qed jindirizza lil dawk il-ħżiena b’dan il-mod. Imbagħad jismaʼ lil Jehovah jgħidilhom: “Tbikkmu bl-għaġeb: għaliex fi żmienkom stess għad issir ħaġa li, jekk tingħad, ma temmnuhiex.” (Ħabakkuk 1:5) Fil-fatt, Jehovah nnifsu qed jagħmel din il-ħaġa li ma jistgħux jemmnuha. Imma din x’inhi?
9 Ħabakkuk jagħti widen b’attenzjoni kbira għall-kliem li kompla jgħidlu Alla, li nsibuh f’Ħabakkuk 1:6-11. Dan hu l-messaġġ taʼ Jehovah—u l-ebda alla falz jew idolu bla ħajja ma jistaʼ jagħmel xi ħaġa biex iwaqqaf it-twettiq tiegħu: “Għax, ara, jiena nqajjem il-Kaldin, il-ġens qalil li jaħbat għal kulħadd, u jaqsam l-art fil-wisaʼ kollu tagħha, jaħtaf imkejjen mgħammra m’humiex tiegħu. Hu ġens li jwerwer, taʼ min jibżaʼ minnu; il-ħaqq u l-qerda skond kif jidhirlu hu. Iż-żwiemel tiegħu eħfef mil-ljupardi, eħrex mil-lpup taʼ filgħaxija ħorox. Ilebbtu r-rikkieba tiegħu, ġejjin mill-bogħod ir-rikkieba tiegħu, itiru b’ħeffa t’ajkla tfittex l-ikel. Lkoll kemm huma ġejjin għall-vjolenza, il-biżaʼ taʼ dehrithom jasal qabilhom [“wiċċhom jiblaʼ bħar-riħ ilvant,” KŻ]; il-priġunieri jiġimgħuhom daqs ir-ramel. Dal-ġens iwaqqaʼ s-slaten għaż-żuffjett, jidħak bil-prinċpijiet, jiddieħak b’kull fortizza, u jtallaʼ gzuz taʼ terrapien u lilha jieħu! Mbagħad jonfoħ bħar-riħ u jibqaʼ għaddej, dal-ħati li qawwietu [‘jafha lil,’ NW] alla tiegħu!”
10. Min huma dawk li Jehovah qiegħed iqajjem?
10 Xi twissija profetika mingħand l-Iktar Għoli! Jehovah qiegħed iqajjem lill-Kaldin, il-ġens kiefer taʼ Babilonja. Hekk kif jimmarċja mal-‘wisaʼ kollu taʼ l-art,’ dan se jikkonkwista ħafna u ħafna mkejjen mgħammrin. X’biżaʼ! Il-ġemgħa taʼ Kaldin ‘twerwer u taʼ min jibżaʼ minnha,’ terribbli u tkexkex. Tivvinta l-liġijiet inflessibbli tagħha stess. ‘Il-ħaqq [tagħmlu] skond kif jidhrilha hi stess.’
11. Int kif tiddeskrivi l-mod kif il-qawwiet Babiloniżi telgħu kontra Ġuda?
11 Iż-żwiemel taʼ Babilonja huma iktar ilventi mil-ljupardi ħfief. Il-kavallerija tagħha hija eħrex mill-ilpup imġewħin li jikkaċċjaw bil-lejl. Billi jinsabu fuq ix-xwiek biex jitilqu, ir-‘rikkieba tagħha jlebbtu’ bla paċenzja. Minn Babilonja, li tinsab ’il bogħod, dawn jerħulha għal Ġuda. Filwaqt li jtiru bħal ajkla li qed ittir bil-ħeffa lejn ikla tajba, il-Kaldin dalwaqt se jaqbżu fuq il-priża tagħhom. Se jkun dan biss assalt, sempliċement attakk minn ftit suldati? Dażgur li le! “Lkoll kemm huma ġejjin għall-vjolenza,” bħal qatgħa ġganteska li tinġabar biex tagħmel ħerba. B’wiċċhom jixgħel tant kemm huma ħerqanin, isuqu għan-naħa tal-punent lejn Ġuda u Ġerusalemm, għaddejjin b’ħeffa daqs ir-riħ mil-lvant. Il-qawwiet Babiloniżi tant iġorru priġunieri li qegħdin “jiġimgħuhom daqs ir-ramel.”
12. X’inhi l-attitudni tal-Babiloniżi, u dan l-għadu formidabbli taʼ liema ħaġa fil-fatt se jsir “ħati”?
12 L-armata tal-Kaldin twaqqaʼ lis-slaten għaż-żuffjett u tiddieħaq bil-prinċpijiet, li lkoll kemm huma m’għandhomx ħila jwaqqfu l-avvanz kontinwu tagħha. ‘Tiddieħaq b’kull fortizza,’ għax kwalunkwe fortizza ċċedi meta l-Babiloniżi ‘jtellgħu gzuz taʼ terrapien’ billi jibnu borġ ġebel biex jattakkaw minn fuqu. Fiż-żmien imwaqqat taʼ Jehovah, l-għadu formidabbli “mbagħad jonfoħ bħar-riħ.” Bl-attakk tiegħu fuq Ġuda u Ġerusalemm, dan fil-fatt se jsir “ħati” taʼ ħsara lill-poplu t’Alla. Wara li jikseb rebħa f’ħakka t’għajn, il-kmandant tal-Kaldin se jiftaħar: ‘Din il-qawwa nafuha lil alla tagħna!’ Imma kemm ma jaf xejn miskin!
Bażi Soda għal Tama
13. Ħabakkuk għala jħossu mimli tama u fiduċja?
13 Grazzi għal fehma miżjuda dwar l-iskop taʼ Jehovah, it-tama f’qalb Ħabakkuk tikber. Fiduċjuż għall-aħħar, hu jitkellem b’qima kbira lejn Jehovah. Bħalma nsibu f’Ħabaqquq 1:12 (Saydon), il-profeta jgħid: “M’intix Int minn dejjem, Mulej, Alla qaddis tiegħi, li ma tmutx?” Tabilħaqq, Jehovah hu Alla “minn dejjem għal dejjem.”—Salm 90:1, 2, Saydon.
14. Liema korsa segwew l-apostati taʼ Ġuda?
14 Hekk kif jirrifletti fuq il-viżjoni mogħtija lilu minn Alla u jithenna bid-dehen li din ipprovdietlu, il-profeta jżid: “Mulej, għall-ħaqq Int qegħidtu; ja Blata, għat-twiddib wettaqtu.” Alla kkundanna lill-apostati taʼ Ġuda, u dawn se jingħataw twiddiba, kastig aħrax, mingħand Jehovah. Huma suppost li kienu qed iħarsu lejh bħala l-Blata tagħhom, l-uniku u veru fortizza, refuġju u Sors taʼ salvazzjoni tagħhom. (Salm 62:8 [62:7, NW]; 94:22; 95:1) Madankollu, il-mexxejja apostati taʼ Ġuda ma jersqux qrib t’Alla, u jkomplu jaħqru lill-adoraturi ġwejdin tiegħu.
15. Jehovah f’liema sens hu ‘għajnejh safja wisq biex jara l-ħażen’?
15 Din is-sitwazzjoni tnikktu ferm lill-profeta taʼ Jehovah. Għalhekk, hu jgħid: “Int għajnejk safja wisq biex tara l-ħażen, inti ma tiflaħx tħares lejn id-deni.” (Ħabakkuk 1:13) Iva, Jehovah hu ‘għajnejh safja wisq biex jara l-ħażen,’ jiġifieri, biex jittollera l-għemil ħażin.
16. Int kif tiġbor fi kliemek dak li hemm f’Ħabakkuk 1:13-17?
16 Ħabakkuk għalhekk għandu f’moħħu xi mistoqsijiet li jġagħluk taħseb. Hu jistaqsi: “L-għala nies mill-agħar tħobb tagħti kashom, iżżomm is-skiet meta min hu ħażin jiblaʼ lil min hu aktar minnu ġust? Int tagħmel il-bnedmin bħall-ħut tal-baħar bħall-bhejjem taʼ fuq l-art, bla sid għalihom. Huwa jtellagħhom kollha bis-sunnara, u, wara li jressaqhom bix-xbiek tiegħu, jiġborhom kollha bil-konz tiegħu: u b’hekk jithenna u jifraħ. Għalhekk lix-xbiek joffrilu sagrifiċċju, jaħraq l-inċens quddiem il-konz tiegħu; għax bihom sehmu joktor u iklu jkun aktar utiq. Se jibqaʼ jferraʼ x-xibka tiegħu u joqtol il-ġnus bla waqfien?”—Ħabakkuk 1:13-17.
17. (a) Kif inhu li bl-attakk tagħhom fuq Ġuda u Ġerusalemm il-Babiloniżi kienu qed jaqdu l-iskop t’Alla? (b) Jehovah liema ħaġa jirrivelalu lil Ħabakkuk?
17 Fl-attakk tagħhom fuq Ġuda u Ġerusalemm, il-belt kapitali tagħha, il-Babiloniżi se jaġixxu skond ix-xewqat tagħhom stess. M’humiex se jkunu jafu li qed iservu bħala l-mezz t’Alla biex jesegwixxi l-ġudizzju ġust tiegħu kontra poplu żleali. Faċli tinduna għala Ħabakkuk kien se jsibha iebsa biex jifhem li Alla kien se juża lill-Babiloniżi mill-agħar biex jesegwixxi l-ġudizzju Tiegħu. Dawk il-Kaldin krudili m’humiex adoraturi taʼ Jehovah. Huma jqisu lill-bnedmin bħala sempliċi ‘ħut tal-baħar u bhejjem taʼ fuq l-art,’ li kellhom jinqabdu u jitrażżnu. L-inċertezza taʼ Ħabakkuk m’hijiex se ddum wisq. Jehovah dalwaqt se jirrivela lill-profeta tiegħu li l-Babiloniżi ma kinux se jiskappaw il-kastig għas-serq rgħib li wettqu u għad-demm li xerrdu bla ħniena.—Ħabakkuk 2:8.
Lest għall-Kliem li Jehovah Kien għad Irid Jgħid
18. X’nistgħu nitgħallmu mill-attitudni taʼ Ħabakkuk, kif inhu indikat f’Ħabakkuk 2:1 (NW)?
18 Madankollu, issa stess, Ħabakkuk jistenna biex jismaʼ l-kliem li Jehovah għad irid jgħidlu. Il-profeta jistqarr b’mod riżolut: “Fuq il-post taʼ l-għassa tiegħi jien se nibqaʼ bil-wieqfa, u se nżomm lili nnifsi stazzjonat fuq is-sur; u se noqgħod għassa, biex nara x’se jgħid bija u x’se nwieġeb għaċ-ċanfira tiegħi.” (Ħabakkuk 2:1, NW) Ħabakkuk huwa interessat ferm f’dak li Alla għad irid jgħid permezz tiegħu bħala profeta. Il-fidi li kellu f’Jehovah bħala dak Alla li ma jittollerax il-ħażen iġġagħlu jitħasseb dwar għala l-ħażen tant jiddomina, imma hu lest li jħalli l-irraġunar tiegħu jiġi aġġustat. Sewwa, allura, xi ngħidu għalina? Meta nitħassbu dwar għala ċerti affarijiet ħżiena qed jiġu tollerati, il-fiduċja tagħna fit-tjieba t’Alla Jehovah għandha tgħinna nżommu l-bilanċ u nistennewh jaġixxi.—Salm 42:5, 11, NW.
19. Preċiż bħalma Alla kien qal lil Ħabakkuk, xi ġralhom il-Lhud stinati?
19 Preċiż bħalma kien qal lil Ħabakkuk, Alla esegwixxa ġudizzju fuq il-ġens stinat Lhudi billi ħalla lill-Babiloniżi jinvadu lil Ġuda. Fis-sena 607 Q.E.K., dawn qerdu lil Ġerusalemm u t-tempju, qatlu kemm lill-kbar u kemm liż-żgħar, u ġarrew ħafna priġunieri. (2 Kronaki 36:17-20) Wara eżilju twil f’Babilonja, fdal taʼ Lhud leali rritornaw lejn arthom u eventwalment reġgħu bnew it-tempju. Però, wara dan, il-Lhud reġgħu wrew kemm kienu żleali lejn Jehovah—u dan urewh b’mod speċjali meta ċaħdu lil Ġesù bħala l-Messija.
20. Pawlu kif uża Ħabakkuk 1:5 f’konnessjoni maʼ kif Ġesù ġie miċħud?
20 Skond Atti 13:38-41, l-appostlu Pawlu wera lil-Lhud f’Antjokja x’ikun ifisser li wieħed jiċħad lil Ġesù u b’hekk jirrifjuta b’disprezz is-sagrifiċċju tiegħu bħala prezz għall-fidwa. Waqt li kkwota Ħabakkuk 1:5 mill-verżjoni tas-Settanta Griega, Pawlu wissa: “Mela iftħu għajnejkom, li ma jiġix fuqkom dak li qalu l-profeti: ‘Araw, intom li tmaqdru, stagħġbu u għibu! Għax se nagħmel . . . [“għemil,” KŻ] fi żmienkom, ħaġa li qatt ma temmnuha jekk xi ħadd jgħidilkom biha.’” Fi qbil mal-kwotazzjoni taʼ Pawlu, Ħabakkuk 1:5 kellu t-tieni twettiq meta l-armati Rumani qerdu lil Ġerusalemm u t-tempju tagħha fis-sena 70 E.K.
21. Il-Lhud taʼ żmien Ħabakkuk kif kienu jqisu l-“għemil” t’Alla f’li jġiegħel lill-Babiloniżi jeqirdu lil Ġerusalemm?
21 Il-Lhud taʼ żmien Ħabakkuk lanqas biss kienu joħolmu li jseħħ l-“għemil” t’Alla f’li jġiegħel lill-Babiloniżi jeqirdu lil Ġerusalemm, għaliex dik il-belt kienet is-sede tal-qima taʼ Jehovah u l-post fejn is-sultan midluk tiegħu kien tpoġġa fuq it-tron. (Salm 132:11-18) Minħabba dan il-fatt, Ġerusalemm qatt qabel ma kienet ġiet meqruda. It-tempju tagħha qatt ma kien ġie maħruq. Id-dar irjali taʼ David qatt ma kienet sfat megħluba. Dehret xi ħaġa inkredibbli li Jehovah kien se jħalli affarijiet bħal dawn jiġru. Imma permezz taʼ Ħabakkuk, Alla ta twissija biżżejjed li kellhom iseħħu dawn il-ġrajjiet xokkanti. U r-rakkont storiku juri li dawn ġraw bħalma ġie mbassar.
L-“Għemil” li ma Jitwemminx t’Alla fi Żmienna
22. X’se jinvolvi l-“għemil” li ma jitwemminx taʼ Jehovah fi żmienna?
22 Se jagħmel Jehovah xi “għemil” li ma jitwemminx fi żmienna? Ibqaʼ ċert li iva, avolja dan jidher li ma jistax ikun f’għajnejn dawk li jiddubitaw. Din id-darba, l-għemil li ma jitwemminx taʼ Jehovah se jkun il-qerda tal-Kristjaneżmu. Bħal Ġuda tal-qedem, dan isostni li jqim lil Alla, imma sar korrott għalkollox. Jehovah se jara li kull traċċa tas-sistema reliġjuża tal-Kristjaneżmu se tiġi miknusa f’qasir żmien, bħalma se tiġi miknusa “Babilonja l-Kbira,” l-imperu dinji taʼ reliġjon falza.—Apokalissi 18:1-24.
23. L-ispirtu t’Alla x’iqanqlu jagħmel issa lil Ħabakkuk?
23 Jehovah kellu iktar xogħol għal Ħabakkuk qabel il-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K. Alla x’kien għad fadallu x’jgħidlu lill-profeta tiegħu? Oħroġ il-għaġeb, Ħabakkuk kellu jismaʼ affarijiet li kienu se jqanqluh biex jaqbad l-istrument mużikali tiegħu u jibda jkanta lil Jehovah talb forma taʼ għanjiet funebri! Madankollu, qabel ma jagħmel dan, l-ispirtu t’Alla kellu jqanqal lill-profeta biex iħabbar gwajijiet drammatiċi. Żgur li se napprezzaw il-fatt li se niksbu dehen dwar it-tifsira profonda taʼ dan il-kliem profetiku għaż-żmien imwaqqat t’Alla. Għalhekk, ejja nkomplu nagħtu l-attenzjoni tagħna lill-profezija taʼ Ħabakkuk.
Tiftakar?
• Liema kundizzjonijiet eżistew f’Ġuda fi żmien Ħabakkuk?
• Jehovah liema “ħaġa” li ma titwemminx għamel fi żmien Ħabakkuk?
• Ħabakkuk liema bażi għal tama kellu?
• Alla liema “għemil” li ma jitwemminx se jagħmel fi żmienna?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 9]
Ħabakkuk kien jitħasseb dwar għala Alla ħalla l-ħażen jittrijonfa. Int ukoll?
[Stampa f’paġna 10]
Ħabakkuk bassar li l-Babiloniżi kellhom iġibu gwaj għall-art taʼ Ġuda
[Stampa f’paġna 10]
Fdalijiet arkeoloġiċi taʼ Ġerusalemm, li ġiet meqruda fis-sena 607 Q.E.K.