Il-Persekutur Jara Dawl Kbir
SAWL kien mimli rabja għas-segwaċi taʼ Ġesù. Billi ma kienx kuntent bil-persekuzzjoni li diġà kien għamlilhom f’Ġerusalemm, inkluż it-tħaġġir taʼ Stiefnu, issa kien qed ifittex biex juża miżuri iktar ħorox kontrihom. “Sawl, li kien għadu bil-qawwa kollha jhedded bil-mewt lid-dixxipli tal-Mulej, mar għand il-qassis il-kbir u talbu jagħtih ittri għas-sinagogi taʼ Damasku, biex ikun jistaʼ jaqbad l-irġiel u n-nisa kollha li jsib miexja fit-Triq tal-Mulej u jeħodhom marbuta Ġerusalemm.”—Atti 9:1, 2.
Hekk kif Sawl kien sejjer lejn Damasku, hu bilfors li kien qed jikkontempla kif se jwettaq l-ordni li ngħatatlu bl-iktar mod effettiv possibbli. L-awtorità li ngħatatlu mill-qassis il-kbir kienet mingħajr ebda dubju tassigura l-kooperazzjoni tal-mexxejja tal-komunità kbira Lhudija f’dik il-belt. Sawl kien se jitlob l-għajnuna tagħhom.
L-eċċitament taʼ Sawl żgur li beda jiżdied hekk kif beda joqrob lejn id-destinazzjoni tiegħu. Il-vjaġġ minn Ġerusalemm għal Damasku—mixja taʼ sebaʼ jew tmint ijiem taʼ madwar 220 kilometru—kien taʼ strapazz. F’daqqa waħda għal ħabta taʼ nofsinhar, dawl iktar qawwi minn dak tax-xemx idda madwar Sawl, u hu waqaʼ fl-art. Hu semaʼ leħen jgħidlu bil-Lhudi: “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani? Iebsa għalik li teħodha kontra n-niggieża!” “Min int, Mulej?” staqsa Sawl. “Jien Ġesù li int qiegħed tippersegwitah,” kienet it-tweġiba. “Imma qum u ieqaf fuq riġlejk. Għax jien għalhekk dhertlek, biex nagħmlek ministru u xhud tad-dehra li fiha rajtni u taʼ dawk li fihom għad nidhirlek. Neħilsek mill-poplu u mill-ġnus pagani li għandhom qiegħed nibagħtek.” “X’għandi nagħmel, Mulej?” staqsa Sawl. “Qum u mur Damasku. Hemm jgħidulek kull ma għandek tagħmel.”—Atti 9:3-6; 22:6-10; 26:13-17.
Dawk li kienu qed jivvjaġġaw maʼ Sawl semgħu leħen, imma la raw lill-kelliemi u lanqas fehmu dak li qal. Minħabba d-dija tad-dawl, meta Sawl qam ma setax jara u kellhom imexxuh minn idejh. “Dam tlitt ijiem ma jarax, u la kiel u lanqas xorob.”—Tlett Ijiem taʼ Meditazzjoni
Sawl aċċetta l-ospitalità taʼ Ġuda, li kien jgħix fit-triq li jgħidulha d-Dritta. a (Atti 9:11) Din it-triq—li bl-Għarbi jgħidulha Darb al-Mustaqim—hija triq prinċipali u traffikuża f’Damasku. Immaġina x’għadda minn moħħ Sawl waqt li kien fid-dar taʼ Ġuda. Din l-esperjenza, lil Sawl kienet ħallietu agħma u xxokkjat. Issa kellu l-ħin sabiex jimmedita fuq l-implikazzjonijiet tagħha.
Il-persekutur ġie wiċċ imbwiċċ maʼ dak kollu li hu kien jaħseb li kien assurd. Il-Mulej Ġesù Kristu msammar maʼ zokk—ikkundannat mill-ogħla awtorità Lhudija u “mżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin”—kien ħaj. Hekku, hu saħansitra kien wieqaf approvat fil-lemin t’Alla “f’dawl li ħadd ma jistaʼ jersaq lejh”! Ġesù kien il-Messija. Stiefnu u l-oħrajn kellhom raġun. (Isaija 53:3; Atti 7:56; 1 Timotju 6:16) Sawl kien kompletament żbaljat, għax Ġesù identifika lilu nnifsu maʼ dawk l-istess uħud li Sawl kien qed jippersegwita! Minkejja l-evidenza, Sawl kif setaʼ jibqaʼ ‘jiħodha kontra n-niggieża’? Saħansitra gendus stinat eventwalment jiġi mġiegħel imur fid-direzzjoni li jridu sidu. Għalhekk, jekk jirrifjuta li jikkoopera mat-tħeġġiġ taʼ Ġesù, Sawl kien se jweġġaʼ lilu nnifsu.
Bħala l-Messija, Ġesù ma setax ikun kundannat minn Alla. Madankollu, Jehovah ħallieh isofri l-iktar mewta infamja u jaqaʼ taħt is-sentenza tal-Liġi: “Wieħed imdendel hu s-saħta taʼ Alla.” (Dewteronomju 21:23) Ġesù miet waqt li kien imdendel fuq iz-zokk tat-tortura. Hu ġie misħut, mhux għal dnubietu stess, ladarba ma kellu l-ebda dnub, imma għall-umanità midinba. Sawl iktar tard spjega: “Imma dawk kollha li jgħixu bl-opri tal-Liġi huma taħt is-saħta. Għax hemm miktub: ‘Misħut kull min ma joqgħodx għall-ħwejjeġ kollha li hemm imniżżla fil-ktieb tal-Liġi u ma jagħmilhomx’. U li ħadd permezz tal-Liġi ma hu ġġustifikat quddiem Alla jidher ċar . . . Kristu fdiena mis-saħta tal-Liġi billi sar hu nnifsu saħta għalina, għax hemm miktub: ‘Misħut min ikun imdendel maʼ l-għuda.’ ’’—Galatin 3:10-13.
Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù kellu valur taʼ redenzjoni. Billi aċċetta dan is-sagrifiċċju, Jehovah b’mod figurattiv sammar il-Liġi u s-saħta tagħha maz-zokk tat-tortura. Malli fehem dan il-fatt, Sawl setaʼ jqis iz-zokk tat-tortura bħala “għerf taʼ Alla” filwaqt li dan kien “skandlu għal-Lhud.” (1 Korintin 1:18-25; Kolossin 2:14) Mela, jekk is-salvazzjoni ma kellhiex tkun permezz taʼ xogħlijiet tal-liġi imma permezz tal-fatt li Alla jeżerċita qalb tajba mhix mistħoqqa lejn midinbin bħal Sawl innifsu, potenzjalment din kienet miftuħa għal dawk li ma kinux taħt il-Liġi. U għand il-Ġentili li Ġesù kien se jibagħtu lil Sawl.—Efesin 3:3-7.
Ma nafux kemm Sawl setaʼ jifhem dwar dan fiż-żmien tal-konverżjoni tiegħu. Ġesù kellu jerġaʼ jkellmu, forsi iktar minn darba, dwar il-missjoni tiegħu għand il-ġnus. Iktar minn hekk, għaddew diversi snin qabel ma Sawl poġġa dan kollu bil-miktub taħt ispirazzjoni divina. (Atti 22:17-21; Galatin 1:15-18; 2:1, 2) Madankollu, ftit li xejn kienu għaddew ġranet illi Sawl ma rċiviex iktar direzzjonijiet mill-Mulej ġdid tiegħu.
Żjara minn Ħananija
Wara li deher lil Sawl, Ġesù deher ukoll lil Ħananija, u qallu: “Mur fit-triq li jgħidulha d-Dritta, u hemm, fid-dar taʼ Ġuda, staqsi għal wieħed minn Tarsu, jismu Sawl. Dan qiegħed jitlob, u ra f’dehra wieħed, jismu Ħananija, dieħel ħdejh u jqegħedlu jdejh fuqu biex jerġaʼ jieħu d-dawl.”—Atti 9:11, 12.
Ladarba Ħananija kien samaʼ b’Sawl, nistgħu nifhmu s-sorpriża tiegħu għall-kliem taʼ Ġesù. Hu qal: “Mulej, jien smajt mingħand ħafna fuq dan ir-raġel, kemm għamel ħsara lill-qaddisin tiegħek f’Ġerusalemm. U issa qiegħed hawn bis-setgħa mingħand il-qassisin il-kbar biex jarresta lil dawk kollha li jsejjħu ismek.” Madankollu, Ġesù qal lil Ħananija: “Mur, għax dan ir-raġel hu għodda magħżula minni biex iwassal ismi quddiem il-ġnus u s-slaten u quddiem ulied Iżrael.”—Atti 9:13-15.
Rassigurat, Ħananija mar fl-indirizz li kien tah Ġesù. Wara li sab lil Sawl u sellimlu, Ħananija poġġa idejh fuqu. “F’daqqa waħda,” jgħid ir-rakkont, “waqaʼ bħal qxur minn għajnejh u raġaʼ beda jara.” Sawl issa kien lest biex jagħti widen. Il-kliem taʼ Ħananija kkonferma dak li Sawl probabbilment kien fehem mill-kliem taʼ Ġesù: “Alla taʼ missirijietna għażlek biex tagħraf ir-rieda tiegħu, tara lil dak li hu l-Ġust u tisimgħu jkellmek b’fommu stess. Għax int għad trid tixhed għalih quddiem il-bnedmin kollha fuq dak li rajt u smajt. U issa x’int tistenna? Qum! Tgħammed u nħall minn dnubietek, int u ssejjaħ ismu.” X’kien ir-riżultat? Sawl “qam u tgħammed, kiel xi ħaġa, u ħa r-ruħ.”—Atti 9:17-19; 22:12-16.
Wara li wettaq l-inkarigu tiegħu, il-leali Ħananija malajr sparixxa mix-xena, u ma nafu xejn iktar dwaru. Imma Sawl għaġġeb lil kulmin semgħu! Dak li qabel kien persekutur, li kien ġie Damasku biex jarresta lid-dixxipli taʼ Ġesù, issa beda jippriedka fis-sinagogi u jagħti prova li Ġesù kien il-Kristu.—Atti 9:20-22.
“Appostlu tal-Ġnus”
Dak li ltaqaʼ miegħu Sawl fi triqtu lejn Damasku ġiegħel lil dan il-persekutur biex ma jibqax fil-korsa tiegħu. Billi rrealizza l-identità tal-Messija, Sawl setaʼ japplika ħafna konċetti u profeziji taʼ l-Iskrittura Ebrajka għal Ġesù. Il-fatt li kien sar konxju li Ġesù deherlu u kien ‘qabdu’ u inkarigah bħala “appostlu tal-Ġnus” ittrasforma profondament il-ħajja taʼ Sawl. (Filippin 3:12, Saydon; Rumani 11:13, Saydon) Issa bħala l-appostlu Pawlu, hu kellu l-privileġġ u l-awtorità li kienu se jinfluwenzaw mhux biss il-bqija taʼ ħajtu fuq l-art imma wkoll il-korsa taʼ l-istorja tal-Kristjanità.
Snin wara, meta bdew jiddibattu dwar l-appostolat taʼ Pawlu, hu ddefenda l-awtorità tiegħu billi rrefera għall-esperjenza li għadda minnha fit-triq lejn Damasku. “M’iniex appostlu? Ma rajtx lil Sidna Ġesù?” hu staqsa. U wara li semma d-dehriet taʼ Ġesù rxoxtat lil oħrajn, Sawl (Pawlu) stqarr: “Fl-aħħar deher lili wkoll wara kulħadd, qisni twelidt mormi qabel il-waqt.” (1 Korintin 9:1; 15:8) Kien bħallikieku Sawl, permezz tal-viżjoni li kellu tal-glorja taʼ Ġesù fis-sema, kien ngħata l-unur li jitwieled, jew jiġi rxoxtat, għall-ħajja bħala spirtu qabel iż-żmien.
Sawl għaraf xi privileġġ kellu u għamel ħiltu kollha biex jibżaʼ għalih. “Jien l-inqas wieħed fost l-appostli, u ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, għaliex kont naħqar il-Knisja taʼ Alla,” hu kiteb. “Imma . . . l-grazzja [t’Alla] fija ma sefgħetx fix-xejn, għax tħabatt ħafna iktar [mill-appostli l-oħrajn kollha].”—1 Korintin 15:9, 10.
Forsi bħal Sawl int tiftakar iż-żmien meta rrealizzajt li biex ikollok il-favur t’Alla kellek bżonn tirranġa l-ħarsiet reliġjużi li kont ilek tħaddan. Mingħajr ebda dubju, int kont ferm grat li Jehovah għenek biex tifhem il-verità. Meta Sawl ra d-dawl u rrealizza dak li kien meħtieġ minnu, hu ma żammx lura milli jagħmel dan. U baqaʼ jagħmlu b’żelu u b’determinazzjoni għall-bqija taʼ ħajtu fuq l-art. X’eżempju eċċellenti hu dan għal dawk kollha li llum jixtiequ l-favur taʼ Jehovah!
[Nota taʼ taħt]
a Wieħed studjuż jaħseb li Ġuda setaʼ kien mexxej tal-komunità lokali Lhudija jew il-propjetarju taʼ xi lukanda għal-Lhud.
[Stampa f’paġna 27]
It-triq li jgħidulha d-Dritta f’Damasku fil-ġurnata tal-lum
[Sors taʼ l-istampa]
Photo by ROLOC Color Slides