Gawdi “l-Ħajja Vera”
Gawdi “l-Ħajja Vera”
ALLA JEHOVAH lill-bniedem tah is-sens taʼ l-eternità. (Ekkleżjażti 3:11, KŻ) Dan iġiegħel lill-bnedmin iħossu li ma jistgħu jagħmlu xejn kontra l-mewt imma, fl-istess ħin, iqajjem fihom xewqa kostanti biex jgħixu.
Il-Bibbja Mqaddsa, il-Kelma mnebbħa t’Alla, verament tagħtina tama. (2 Timotju 3:16) Ma jistax ikun li Jehovah, li hu l-essenza taʼ l-imħabba, għamel lill-bniedem bl-abbiltà li jifhem il-konċett taʼ l-eternità u mbagħad ikkundannah biex jgħix biss ftit tas-snin. Hu sempliċement kuntrarju għall-personalità t’Alla li joħloqna biex insofru minħabba s-sitwazzjoni tagħna. Aħna ma ġejniex maħluqin bħal “bhejjem bla raġuni li minnhom infushom twieldu biex ikunu maqbuda u maqtula.”—2 Pietru 2:12.
Meta Alla Jehovah ħalaq lil Adam u Eva b’sens naturali taʼ l-eternità, hu għamel xi ħaġa ‘tajba ħafna’; hu ħalaqhom bil-potenzjal li jgħixu għal dejjem. (Ġenesi 1:31) Imma b’sogħba, l-ewwel raġel u mara wżawha ħażin din ir-rieda ħielsa tagħhom, billi ma obdewx projbizzjoni ċara mingħand il-Ħallieq u tilfu l-perfezzjoni oriġinali tagħhom. Bħala riżultat, huma mietu, wara li għaddew l-imperfezzjoni u l-mewt fuq id-dixxendenti tagħhom.—Ġenesi 2:17; 3:1-24; Rumani 5:12.
Il-Bibbja ma tħalli lanqas l-iċken ħjiel taʼ misteru dwar l-iskop tal-ħajja u dwar xi tfisser il-mewt. Din tgħid li fil-mewt “ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf” u li l-mejtin “ma jafu xejn.” (Koħèlet 9:5, 10) Fi kliem ieħor, il-mejtin huma mejtin. Id-duttrina tar-ruħ immortali m’hijiex Biblika, u għalhekk m’hemm l-ebda misteru kbir x’jiġi solvut dwar il-kundizzjoni tal-mejtin.—Ġenesi 3:19; Salm 146:4; Koħèlet 3:19, 20; Eżekjel 18:4, KŻ. a
Alla kellu skop; hu ma ħalaqx l-art “għall-baħħ.” Sawwarha biex “jgħammru fiha” bnedmin perfetti f’kundizzjonijiet taʼ ġenna, u Alla ma biddilx l-iskop tiegħu. (Isaija 45:18; Malakija 3:6) Biex iwettaq dan, bagħat lil Ibnu fuq l-art. Billi baqaʼ leali sal-mewt, Ġesù Kristu pprovda l-mezz biex iħallas il-prezz tal-fidwa taʼ l-umanità mid-dnub u l-mewt. Fil-fatt, Ġesù qal: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja taʼ dejjem.”—Ġwann 3:16.
Żmien ilu, Alla wiegħed li kien se joħloq “smewwiet ġodda u art ġdida.” (Isaija 65:17; 2 Pietru 3:13) Dan kellu jinvolvi li jagħżel grupp limitat taʼ Kristjani leali għal ħajja fis-sema. Flimkien maʼ Ġesù Kristu, huma jifformaw in-nukleu tal-gvern. Il-Bibbja tirreferi għalih bħala s-“Saltna tas-Smewwiet,” jew “is-Saltna taʼ Alla,” li se jamministra “kull ma hu fl-art.” (Mattew 4:17; 12:28; Efesin 1:10; Apokalissi 5:9, 10; 14:1, 3) Wara li jeqred il-ħażen kollu minn fuq il-globu tagħna u jippurifikah, Alla se jġib soċjetà umana ġdida taʼ tjieba, jew “art ġdida.” Din se tinkludi nies li Alla se jipproteġihom matul il-qerda imminenti taʼ din is-sistema t’affarijiet mill-agħar. (Mattew 24:3, 7-14, 21; Apokalissi 7:9, 13, 14) Magħhom se jingħaqdu dawk li se jinġiebu lura għall-ħajja permezz taʼ l-irxoxt imwiegħed.—Ġwann 5:28, 29; Atti 24:15.
“Il-Ħajja Vera” dak iż-Żmien
Biex jikkonferma d-deskrizzjoni kommoventi tal-ħajja futura fuq l-art magħmula Ġenna, Alla jgħid: “Ara, se nġedded kollox.” (Apokalissi 21:5) Huwa impossibbli li moħħ il-bniedem jifhem għalkollox ix-xogħlijiet meraviljużi li Alla se jagħmel għall-umanità. Alla se joħloq ġenna taʼ l-art mad-dinja kollha, li tixbah il-ġnien taʼ Għeden. (Luqa 23:43, NW) Bħal f’Għeden, se jkun hemm abbundanza taʼ kuluri, ħsejjes, u togħmiet sbieħ u pjaċevoli. Il-faqar u n-nuqqas taʼ ikel m’humiex se jkunu iktar, għaliex dwar dak iż-żmien il-Bibbja tgħid: “Għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.” (Apokalissi 21:4; Salm 72:16) Ħadd iktar ma se jgħid, “Jien marid,” għaliex il-mard se jiġi eliminat għal dejjem. (Isaija 33:24) Iva, il-kaġuni kollha taʼ wġigħ se jisparixxu, inkluż il-mewt, dak l-għadu taʼ l-umanità li ilu jeżisti għal tant żmien. (1 Korintin 15:26) Fil-viżjoni taʼ l-għaġeb taʼ l-“art ġdida,” dik is-soċjetà umana ġdida taħt il-ħakma taʼ Kristu, l-appostlu Ġwanni semaʼ leħen jgħid: “[Alla] jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed.” X’jistaʼ jġibilna iktar faraġ u ferħ mit-twettiq taʼ din il-wegħda divina?
Waqt li tiddeskrivi l-ħajja futura, il-Bibbja tenfasizza partikolarment il-kundizzjonijiet li se jissodisfaw ix-xewqat morali u spiritwali tal-bniedem. L-ideali ġusti kollha li l-umanità ilha s’issa titħabat għalxejn biex takkwistahom se jinkisbu kompletament. (Mattew 6:10) Fosthom hemm ix-xewqa għall-ġustizzja, li baqgħet ma twettqitx minħabba li taʼ spiss il-bniedem kien mgħakkes minn oppressuri krudili li ddominaw lid-dgħajfin. (Koħèlet 8:9) Is-salmista kiteb b’mod profetiku dwar il-kundizzjonijiet taħt il-ħakma taʼ Kristu: “Jikber f’jiemu l-ħaqq, u kotra taʼ sliema.”—Salm 72:7, Saydon.
L-ugwaljanza hija xewqa oħra li ħafna wħud għamlu sagrifiċċji kbar biex jakkwistawha. “Fid-dinja l-ġdida,” Alla se jneħħiha għalkollox id-diskriminazzjoni. (Mattew 19:28) Kulħadd se jgawdi l-istess dinjità. Din mhix se tkun ugwaljanza imposta minn reġim aħrax taʼ xi gvern. Għall-kuntrarju, il-kaġuni tad-diskriminazzjoni se jiġu eliminati, inkluż ir-regħba u l-kburija li jwasslu lill-bnedmin biex ikunu jridu jiddominaw fuq oħrajn jew igeddsu ammonti kbar taʼ oġġetti. Isaija pprofetizza: “Huma għad jibnu djarhom u jgħammru fihom, iħawwlu d-dwieli u jieklu frotthom. Ma jibnux biex jgħammar ħaddieħor, u ma jħawwlux biex jiekol ħaddieħor.”—Isaija 65:21, 22.
Kemm bata l-bniedem minħabba t-tixrid taʼ demm, kemm fi gwerer persunali kif ukoll f’dawk kollettivi! Dan ilu sejjer mill-qtil taʼ Abel sal-gwerer taʼ żmienna. Kemm ilhom il-bnedmin jittamaw u jistennew, mid-dehra għalxejn, biex tiġi stabbilita din il-paċi! Fil-Ġenna taʼ l-art restawrata, il-bnedmin kollha se jkunu paċifiċi u ġwejdin; u “bi sliem kotran jitgħaxxqu.”—Salm 37:11.
Isaija 11:9 jgħid: “Mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.” Fost affarijiet oħra, minħabba li writna l-imperfezzjoni, m’huwiex possibbli għalina llum li nifhmu għalkollox l-iskop taʼ dan il-kliem. Għandu mnejn li għad irridu nitgħallmu kif l-għarfien perfett t’Alla se jgħaqqadna miegħu u kif dan se jirriżulta f’ferħ kbir. Imma ladarba l-Iskrittura turina kemm Jehovah hu Alla meraviljuż fil-qawwa, fl-għerf, fil-ġustizzja, u fl-imħabba, nistgħu nkunu ċerti li hu se jismaʼ t-talb kollu li jsir mill-abitanti taʼ l-“art ġdida.”
“Il-Ħajja Vera” Hija Ħaġa Ċerta—Aħtafha!
Għal ħafna, il-ħajja eterna f’dinja aħjar hi sempliċement ħolma jew illużjoni. Madankollu, għal dawk li verament għandhom fidi fil-wegħda tal-Bibbja, din it-tama hi ħaġa ċerta. Hi bħal ankra għal ħajjithom. (Lhud 6:19) Sewwa sew bħalma ankra żżomm vapur sod u ma tħallihx jitbandal ’l hawn u ’l hemm, it-tama tal-ħajja eterna ġġiegħel lin-nies iħossuhom stabbli u fiduċjużi u tagħmilhom kapaċi jiffaċċjaw diffikultajiet serji fil-ħajja u saħansitra jegħlbuhom.
Aħna nistgħu nkunu ċerti li Alla se jwettaq il-wegħdi tiegħu. Hu saħansitra ta garanzija billi lissen ġurament, impenn li ma jistax jerġaʼ lura minnu. L-appostlu Pawlu kiteb: “Alla, meta lill-werrieta tal-wegħda ried jurihom b’mod aktar qawwi li r-rieda tiegħu ma titbiddilx, rabat lilu nnifsu b’ġurament, biex bis-saħħa taʼ żewġ atti li ma jitreġġgħux lura, u li jagħtu xhieda li Alla ma jigdibx, aħna . . . ikollna qalbna qawwija sewwa li niksbu t-tama li hemm lesta għalina.” (Lhud 6:17, 18) Iż-“żewġ atti li ma jitreġġgħux lura” li Alla qatt ma jistaʼ jħassar huma l-wegħda tiegħu u l-ġurament tiegħu, li fuqhom nibbażaw l-istennijiet tagħna.
Fidi fil-wegħdi t’Alla tipprovdi faraġ kbir u saħħa spiritwali. Ġożwè, wieħed mill-mexxejja tal-ġens taʼ Iżrael, kellu fidi bħal din. Meta Ġożwè għamel id-diskors finali tiegħu lill-Iżraeliti, hu kien imdaħħal fiż-żmien u kien jaf li kien wasal biex imut. Madankollu, esprima saħħa u lealtà li ma bħalha, li oriġinaw minn fiduċja kompleta fil-wegħdi t’Alla. Wara li qal li kien sejjer fit-“triq tal-bnedmin kollha taʼ l-art,” il-mogħdija li twassal lill-umanità kollha għall-mewt, Ġożwè stqarr: “Kunu afu b’qalbkom kollha u b’ruħkom kollha li ebda waħda mill-wegħdiet taʼ ġid li għamlilkom il-Mulej, Alla tagħkom, ma naqset. Kollha seħħulkom, ebda waħda minnhom ma marret fix-xejn!” Iva, tliet darbiet Ġożwè rrepeta li Alla dejjem iwettaq il-wegħdi kollha tiegħu.—Ġożwè 23:14.
Int ukoll jistaʼ jkollok l-istess fidi fil-wegħda t’Alla taʼ dinja ġdida li dalwaqt se tiġi stabbilita. Billi tistudja l-Bibbja bis-serjetà, int se tifhem min hu Jehovah u għala jistħoqqlu l-fiduċja sħiħa tiegħek. (Apokalissi 4:11) Abraham, Sara, Iżakk, Ġakobb, u wħud leali oħrajn tal-qedem kellhom fidi soda, ibbażata fuq l-għarfien intimu tagħhom dwar dak Alla veru, Jehovah. It-tama tagħhom baqgħet soda, minkejja l-fatt li “kienu għadhom ma ħadux dak li kien imwiegħed” matul ħajjithom. Xorta waħda, “huma rawh mill-bogħod u sellmulu.”—Lhud 11:13.
Apokalissi 16:14, 16) Bħal nies leali tal-qedem, aħna rridu nibqgħu nistennew b’fiduċja l-ġrajjiet futuri, billi nkunu mqanqlin mill-fidi kif ukoll mill-imħabba għal Alla u għall-“ħajja vera.” Il-fatt li d-dinja l-ġdida qegħda tant fil-qrib jipprovdi inċentiv qawwi għal dawk li jeżerċitaw fidi f’Jehovah u għal dawk li jħobbuh. Fidi u mħabba bħal dawn għandhom bżonn jiġu kultivati sabiex wieħed jikseb il-favur u l-protezzjoni t’Alla matul il-jum kbir tiegħu, li hu fil-qrib.—Sofonija 2:3; 2 Tessalonkin 1:3; Lhud 10:37-39.
Billi qed nifhmu l-profeziji tal-Bibbja, issa qed naraw l-avviċinar tal-“Jum il-kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox,” li matulu l-art se titnaddaf mill-ħażen kollu. (Għalhekk, tħobbha int il-ħajja? U tixtieq saħansitra iktar li jkollok “il-ħajja vera”—ħajja bħala qaddej approvat t’Alla, bil-prospett taʼ futur hieni, iva, bil-ħajja eterna quddiemek? Jekk dan hu li qed tfittex, agħti kas it-twissija taʼ l-appostlu Pawlu, li kiteb li m’għandniex ‘inqegħdu t-tama tagħna f’għana li ma tistax torbot fuqu, imma f’Alla.’ Pawlu kompla: ‘Stagħnu b’opri tajba,’ li jonoraw lil Alla, sabiex ‘tiksbu l-ħajja, il-ħajja vera.’—1 Timotju 6:17-19.
Billi taċċetta l-offerta taʼ studju tal-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah, int tistaʼ tikseb għarfien li jfisser il-“ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 17:3) B’imħabba, il-Bibbja tiddokumenta din l-istedina taʼ missier lil kulħadd: “Ibni, tinsiex it-tagħlim tiegħi, iżda żomm f’qalbek il-kmandamenti tiegħi; għax għomor twil u ħafna snin, u riżq tajjeb iġibulek.”—Proverbji 3:1, 2.
[Nota taʼ taħt]
a Biex teżamina dan is-suġġett fid-dettall, ara l-browxer X’Jiġrilna meta Mmutu?, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.