Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | L-ANĠLI—X’TGĦID IL-BIBBJA DWARHOM?

Hemm anġli mill-​agħar?

Hemm anġli mill-​agħar?

Iva, hemm anġli mill-​agħar. Minn fejn ġew? Ftakar li Alla kien ħalaq lill-​anġli bil-​libertà tal-​għażla. Ftit wara li Alla ħalaq l-​ewwel raġel u mara, Adam u Eva, wieħed mill-​ħlejjaq spirti perfetti abbuża mil-​libertà tal-​għażla li kellu u qajjem rewwixta. Hu rnexxielu jipperswadi lil Adam u Eva biex jirribellaw kontra Alla. (Ġenesi 3:1-​7; Rivelazzjoni 12:9) Il-​Bibbja ma tgħidilniex x’kien jismu dan l-​anġlu jew liema pożizzjoni kellu fis-​sema qabel ma rribella. Imma wara li rribella, il-​Bibbja bdiet issejjaħlu Satana, li jfisser “Wieħed li Jopponi,” u Xitan, li jfisser “Wieħed li Jimmalafama.”—Mattew 4:8-​11.

B’sogħba, ir-​ribelljoni kontra r-​rieda t’Alla ma spiċċatx hemm. Fi żmien Noè, għadd t’anġli “abbandunaw il-​post xieraq” li kellhom mal-​familja t’Alla fis-​sema. Huma ġew fuq l-​art u ħadu iġsma umani biex jgħixu ħajja immorali u mill-​agħar, u b’hekk żvijaw mill-​iskop li kienu maħluqin għalih.—Ġuda 6; Ġenesi 6:1-​4; 1 Pietru 3:19, 20.

X’ġara minn dawn l-​anġli mill-​agħar? Meta Alla ġab dulluvju mad-​dinja kollha biex inaddaf l-​art, huma telqu l-​iġsma li kellhom u marru lura fil-​qasam tal-​ispirti. Madankollu, Alla ma ħalliex lil dawn l-​anġli diżubbidjenti jirritornaw għall-​“pożizzjoni oriġinali tagħhom.” Minflok, hu żammhom f’kundizzjoni degradanti taʼ “dlam ċappa” spiritwali, magħrufa bħala Tartaru. (Ġuda 6; 2 Pietru 2:4) Dawn id-​demonji għażlu li jkunu taħt il-​kontroll taʼ Satana x-​Xitan, “il-​ħakkiem tad-​demonji,” li “jibqaʼ jinbidel f’anġlu tad-​dawl.”—Mattew 12:24; 2 Korintin 11:14.

Il-​Bibbja turi li s-​Saltna t’Alla mmexxija minn Kristu, li hi gvern fis-​sema, ġiet stabbilita fl-​1914. * Wara din il-​ġrajja sinifikanti, Satana u d-​demonji tiegħu tkeċċew mis-​sema u twaddbu ’l isfel lejn l-​art. Il-​ħażen tant mifrux li ma nistgħux insibu tarfu u l-​immoralità gravi li fnew il-​pjaneta tagħna, huma evidenza tal-​effett vendikattiv u qerriedi tagħhom.—Rivelazzjoni 12:9-​12.

Però, iż-​żieda fil-​ħażen u l-​vjolenza xokkanti jikkonfermaw li t-​tmiem tal-​ħakma kiefra tagħhom hi fil-​qrib. Dawn il-​ħlejjaq spirti kefrin dalwaqt se titneħħielhom il-​qawwa li għandhom. Wara li s-​Saltna tkun saltnet fuq art magħmula ġenna għal 1,000 sena, dawn l-​ispirti mill-​agħar se jkollhom ftit żmien bħala l-​aħħar opportunità biex jgħaddu minn prova l-​bnedmin. Imbagħad se jiġu meqrudin għal dejjem.—Mattew 25:41; Rivelazzjoni 20:1-​3, 7-​10.

^ par. 6 Għal iktar informazzjoni dwar is-​Saltna t’Alla, ara kapitlu 8 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Disponibbli wkoll fuq www.isa4310.com/mt.