X’benefiċċji jistaʼ jkollok meta ssir taf lil Alla?
S’issa diġà tgħallimna affarijiet li jgħinuna nwieġbu l-mistoqsija, Nistgħu nsiru nafuh lil Alla? Bdejna billi rajna li fil-Bibbja ismu hu Ġeħova u li l-aqwa kwalità tiegħu hi l-imħabba. Ikkunsidrajna wkoll dak li għamel u dak li għadu se jagħmel għall-benefiċċju tal-bnedmin. Għalkemm hemm ħafna iktar x’tistaʼ titgħallem dwar Alla, int forsi taħseb x’jistaʼ jkun il-benefiċċju għalik jekk tagħmel dan.
Ġeħova jwiegħed li “jekk tfittxu, iħallik issibu.” (1 Kronaki 28:9) Immaġina r-rigal prezzjuż li hemm jistenniek hekk kif int tfittex u ssir taf lil Alla—ħbiberija mill-qrib maʼ Ġeħova! (Salm 25:14) Ħbiberija bħal din x’tistaʼ tfisser għalik?
Ferħ ġenwin. Ġeħova hu deskritt bħala “l-Alla l-hieni.” (1 Timotju 1:11) Jekk tersaq qrib tiegħu u tipprova timitah, int se jkollok ferħ ġenwin u dan se jkun taʼ benefiċċju għalik emozzjonalment, mentalment, u fiżikament. (Salm 33:12) Int jistaʼ jkollok ukoll ħajja ferħana billi tevita stil taʼ ħajja li jagħmel il-ħsara, tiżviluppa drawwiet tajbin, u żżomm relazzjoni tajba m’oħrajn. Imbagħad int se taqbel maʼ dak li qal is-salmista: “Li nersaq qrib Alla huwa tajjeb għalija.”—Salm 73:28.
Jieħu ħsiebek u jagħtik attenzjoni persunali. Ġeħova wiegħed lill-qaddejja tiegħu: “Se nagħtik pariri u nżomm għajnejja fuqek.” (Salm 32:8) Dan ifisser li Ġeħova jimpurtah persunalment minn kull qaddej tiegħu u jagħti lil kull wieħed propju dak li jkollu bżonn. (Salm 139:1, 2) Meta tiżviluppa relazzjoni tajba maʼ Ġeħova, int se tinduna li hu se jkun dejjem hemm għalik.
Futur mill-isbaħ. Minbarra li jgħinek biex ikollok ħajja sodisfaċenti u ferħana issa, Alla Ġeħova qed jagħtik l-opportunità biex ikollok futur meraviljuż. (Isaija 48:17, 18) Il-Bibbja tgħid: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) F’dan iż-żmien diffiċli, it-tama li Alla jagħti hi bħal ankra, “żgura u soda.”—Ebrej 6:19.
Dawn huma biss ftit mill-ħafna raġunijiet importanti għala għandek issir taf lil Alla aħjar u biex tiżviluppa ħbiberija mill-qrib miegħu. Inħeġġuk titkellem maʼ wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova jew tmur fuq jw.org għal iktar informazzjoni utli.