Għerf Mill-qedem Għal Dinja Moderna
Tkunx ansjuż
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Tibqgħux tkunu ansjużi dwar ħajjitkom.”—Mattew 6:25.
Xi jfisser dan? Ġesù qal dan il-kliem fil-Prietka taʼ fuq il-Muntanja. Skont dizzjunarju tal-Bibbja, il-verb Grieg għal “li tkun ansjuż” jistaʼ jirreferi għar-“reazzjoni naturali tal-bniedem għall-faqar, il-ġuħ, u inkwiet ieħor li jiġu fuqu fil-ħajja taʼ kuljum.” L-ansjetà spiss tinvolvi li wieħed jinkwieta dwar affarijiet li jistgħu jiġru fil-futur. Hu normali u tajjeb li nkunu kkonċernati dwar il-bżonnijiet materjali tagħna u l-benesseri tal-maħbubin tagħna. (Filippin 2:20) Imma meta Ġesù qal, “qatt tkunu ansjużi,” kien qed jagħti parir lis-segwaċi tiegħu biex jevitaw l-inkwiet żejjed—biżaʼ eċċessiva dwar l-għada li tistaʼ tiħodlok il-ferħ tal-lum.—Mattew 6:31, 34.
Huwa prattiku llum? Ikun għaqli jekk napplikaw il-parir taʼ Ġesù. Għala? Xi xogħlijiet taʼ referenza jgħidu li meta n-nies jinkwetaw ħafna, is-sistema tal-ġisem li tipprepara lil dak li jkun biex jieħu azzjoni immedjata tkun dejjem attiva u dan “hu assoċjat maʼ problemi mediċi inkluż ulċeri, mard tal-qalb, u ażma.”
Ġesù ta raġuni tajba għala għandna nevitaw ansjetà bla bżonn: Ma fihiex skop. “Min minnkom billi jkun ansjuż jistaʼ jtawwal għomru mqar bi ftit?” staqsa Ġesù. (Mattew 6:27) Meta tiffoka fuq l-inkwiet li jkollok, lanqas biss iżżid it-tul taʼ ħajtek b’sekonda, aħseb u ara kemm se ttejjibha. Barra minn hekk, spiss ma jiġrix kif inkunu ħsibna aħna. Wieħed studjuż qal hekk: “Inkwiet dwar il-futur hu sforz fil-vojt, u spiss il-futur ikun aħjar milli nimmaġinawh.”
Kif nistgħu nevitaw l-ansjetà? L-ewwel, afda f’Alla. Jekk Alla jipprovdi l-ikel għall-għasafar u jlibbes il-fjuri bil-ġmiel, ma jipprovdix in-neċessitajiet tal-ħajja lil dawk li jpoġġu l-ewwel f’ħajjithom il-qima lejh? (Mattew 6:25, 26, 28-30) It-tieni, għix ġurnata b’ġurnata. ‘Qatt tkun ansjuż dwar l-għada,’ qal Ġesù, “għax l-għada se jkollu l-ansjetajiet tiegħu.” Ma taqbilx int li ‘kull ġurnata jkollha l-ħażen tagħha’?—Mattew 6:34.
Billi napplikaw il-parir għaqli taʼ Ġesù, nistgħu nevitaw li nagħmlu ħsara fiżika lilna nfusna. Iżjed minn hekk, se nsibu paċi ġewwinija—dik li l-Bibbja ssejħilha “l-paċi t’Alla.”—Filippin 4:6, 7.