Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | GĦALA GĦANDEK TKUN ONEST?

Kif id-diżonestà teffettwa lilek

Kif id-diżonestà teffettwa lilek

“Dejjem hemm sitwazzjonijiet diffiċli li tistaʼ ssolvihom b’xi naqra diżonestà.”—Samantha, l-​Afrika t’Isfel.

Taqbel maʼ din l-​istqarrija? Bħal Samantha, ilkoll kemm aħna ġejna f’xi diffikultà ħin jew ieħor. Il-​mod kif nirreaġixxu għal sitwazzjonijiet li jittantawna nkunu diżonesti jistaʼ juri x’valuri nħaddnu. Pereżempju, jekk ikun importanti għalina li nsalvaw ġieħna, aktarx inqisu d-​diżonestà bħala sempliċi għodda oħra li nistgħu nużaw biex inwettqu l-​ħsieb tagħna. Però, meta toħroġ il-​verità, id-​diżonestà ġġib magħha konsegwenzi negattivi. Ikkunsidra dan li ġej.

ID-​DIŻONESTÀ TEQRED IL-​FIDUĊJA

Ir-​relazzjonijiet huma mibnijin fuq il-​fiduċja. Meta tnejn min-​nies jafdaw lil xulxin, iħossuhom protetti u siguri. Imma l-​fiduċja ma tiġix mil-​lum għall-​għada. In-​nies jibnu l-​fiduċja meta jqattgħu l-​ħin flimkien, filwaqt li jikkomunikaw bl-​onestà u jaġixxu bla egoiżmu. Madankollu, il-​fiduċja tistaʼ tintilef b’att wieħed taʼ diżonestà. U meta tintilef il-​fiduċja, jistaʼ jkun diffiċli li terġaʼ tinbena.

Qatt ġejt imqarraq minn xi ħadd li ħsibt li kien ħabib tajjeb? Jekk inhu hekk, kif ħassejtek? Aktarx li ħassejtek imweġġaʼ jew tradut. Dan tistaʼ tifhmu. Bla dubju, id-​diżonestà tistaʼ teqred il-​pedament taʼ relazzjonijiet prezzjużi.

ID-​DIŻONESTÀ TITTIEĦED

Fi studju, Robert Innes, professur fl-​ekonomija fil-​University of California, sab li “d-​diżonestà tabilħaqq tittieħed.” B’hekk, id-​diżonestà tistaʼ tixxebbah maʼ virus—iktar ma jkollok kuntatt maʼ xi ħadd li hu qarrieq, iktar ikun hemm riskju li tiġi “infettat” bid-​diżonestà int stess.

Kif tistaʼ tevita li taqaʼ fin-​nassa tad-​diżonestà? Il-​Bibbja tistaʼ tgħinek. Jekk jogħġbok ikkunsidra ftit prinċipji Bibliċi.