Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IMITA L-FIDI TAGĦHOM | REBEKKA

“Irrid immur”

“Irrid immur”

REBEKKA tefgħet ħarsitha ’l bogħod lejn il-​pajsaġġ imħarbat u bl-​għoljiet hekk kif beda jidlam. Wara ġimgħat taʼ vvjaġġar, fl-​aħħar bdiet tidra l-​mixja mbandla tal-​ġemel hekk kif kienet riekba fl-​għoli fuq dahru. Id-​dar taʼ tfulitha f’Ħaran kienet ferm ’il bogħod, mijiet taʼ mili lejn il-​Grigal. Għandha mnejn ma terġax tara lil familtha. Mistoqsijiet dwar il-​futur tagħha żgur li mlewlha moħħha—speċjalment issa li l-​vjaġġ kien riesaq lejn tmiemu.

Il-​karavana kienet qasmet biċċa sew minn Kangħan u kienet għaddejja minn art iżjed imħarbta, in-​Negeb. (Ġenesi 24:62) Rebekka wisq probabbli rat in-​nagħaġ. L-​art setgħet kienet ħarxa u niexfa għall-​biedja, imma pprovdiet biżżejjed mergħa biex il-​bhejjem jirgħu. Kienet art familjari għall-​gwida xwejjaħ tagħha. Hu kellu seba’ mitt sena biex jagħti aħbarijiet tajbin lil sidu—Rebekka kienet se ssir mart Iżakk! Madankollu, Rebekka żgur li tħassbet dwar x’tip taʼ ħajja kien se jkollha f’dan il-​pajjiż. Kif kien se jkun ir-​raġel futur tagħha, Iżakk? Huma qatt ma kienu ltaqgħu! Kien se jieħu pjaċir xħin jaraha? U kif kienet se tħossha dwaru?

F’ħafna partijiet tad-​dinja llum, arranġamenti fejn il-​ġenituri jagħżlu lil min se jiżżewġu wliedhom għandhom mnejn jidhru strambi. F’reġjuni oħra, unjonijiet bħal dawn huma komuni. Hi x’inhi l-​kultura tiegħek, għandek mnejn taqbel li Rebekka ma kinitx taf x’kien hemm jistennieha. Fil-​fatt, hi kienet mara taʼ kuraġġ u fidi straordinarja. Dawn il-​kwalitajiet għandna bżonnhom it-​tnejn meta niffaċċjaw bidliet f’ħajjitna. Hemm kwalitajiet sbieħ u rari oħrajn assoċjati mal-​fidi taʼ Rebekka.

“ĦA NIMLA L-​ILMA GĦALL-​IĠMLA TIEGĦEK UKOLL”

Il-​bidla kbira li ġrat fil-​ħajja taʼ Rebekka bdiet b’mod li setaʼ deher normali għaliha. Hi trabbiet ġo jew viċin Ħaran, belt fil-​Mesopotamja. Il-​ġenituri tagħha kienu differenti mill-​biċċa l-​kbira tan-​nies f’Ħaran. Huma ma kinux iqimu l-​alla-​qamar Sin. Pjuttost, Alla tagħhom kien Ġeħova.—Ġenesi 24:50.

Rebekka kibret u saret żagħżugħa sabiħa ferm, imma għalkemm kienet mara sbejħa ma kinitx vanituża u bla ħeġġa. Kienet enerġetika u baqgħet safja moralment. Il-​familja tagħha kienet komda biżżejjed biex ikollha l-​qaddejja imma Rebekka ma kinitx imfissda jew trattata bħal prinċipessa; kienet imrobbija biex taħdem iebes. Bħal ħafna nisa f’dak iż-​żmien, Rebekka kellha xogħol iebes x’tagħmel, inkluż li ġġib l-​ilma għall-​familja. Kmieni filgħaxija, hi kienet terfaʼ ġarra fuq spallitha u tmur timla l-​ilma.—Ġenesi 24:11, 15, 16.

Lejla waħda, wara li kienet imliet il-​ġarra tagħha, raġel xwejjaħ għaġġel biex jiltaqaʼ magħha. Hu qalilha: “Jekk jogħġbok, agħtini naqra ilma mill-​ġarra tiegħek.” Kienet talba żgħira magħmula bl-​edukazzjoni! Rebekka setgħet tara li r-​raġel kien ivvjaġġa mill-​bogħod. Allura malajr niżżlet il-​ġarra minn fuq spallitha u ħalliet lir-​raġel jixrob, mhux biss belgħa waħda, imma xarba tajba mill-​ilma frisk. Hi nnotat li kellu filliera t’għaxar iġmla għarkopptejhom fil-​viċin u li l-​ħawt ma kienx għadu mtela biex jixorbu. Hi setgħet tara li hu kien attent iħares lejha b’għajnejn li jirriflettu qalb tajba, u xtaqet tkun ġeneruża kemm setgħet. Allura qalet: “Ħa nimla l-​ilma għall-​iġmla tiegħek ukoll biex jixorbu sakemm jixbgħu.”—Ġenesi 24:17-​19.

Innota li Rebekka offriet mhux biss li tagħti xarba żgħira lill-​iġmla imma li tagħtihom jixorbu sakemm jixbgħu. Jekk ikun veru bil-​għatx, ġemel jistaʼ jixrob iktar minn 95 litru taʼ ilma! Kieku l-​iġmla kollha kienu daqshekk bil-​għatx, Rebekka kienet tiffaċċja sigħat taʼ xogħol iebes. Kif żvolġew l-​affarijiet, ma jidhirx li l-​iġmla kienu mejtin bil-​għatx. * Imma kienet tafu dan Rebekka meta offriet biex tagħmel hekk? Le. Hi kienet lesta, saħansitra ħerqana, biex taħdem iebes kemm kien hemm bżonn ħalli turi ospitalità maʼ dan l-​istranġier xwejjaħ. Hu aċċetta l-​offerta tagħha. Imbagħad qagħad iħares lejha, bħal jistudjaha, waqt li hi ġriet kemm-​il darba lejn il-​bir biex timla l-​ilma, u tbattlu darba wara l-​oħra ġol-​ħawt.—Ġenesi 24:20, 21.

Rebekka kienet bieżla u ospitabbli

L-​eżempju taʼ Rebekka għandu ħafna x’jgħallimna llum. Qed ngħixu fi żmien meta l-​egoiżmu qed jeffettwa lil ħafna nies. Bħalma ġie mbassar, in-​nies saru “jħobbu lilhom infushom,” u mhumiex lesti jagħmlu sforz biex jgħinu lil oħrajn. (2 Timotju 3:1-​5) Kristjani li jirsistu biex jiġġieldu kontra din it-​tendenza jagħmlu tajjeb li jikkunsidraw ir-​rakkont Bibliku taʼ din il-​mara żagħżugħa taʼ żmien ilu, li qagħdet ġejja u sejra lejn il-​bir.

Rebekka żgur innotat il-​ħarsa taʼ dan ix-​xwejjaħ fuqha. Ma kien hemm xejn ħażin f’ħarstu; kienet turi stagħġib, ammirazzjoni, u ferħ. Meta Rebekka fl-​aħħar kienet lesta, hu taha ġojjelli prezzjużi bħala għotjiet! Imbagħad staqsa: “Bint min int? Għidli, jekk jogħġbok. Hemm wisaʼ għalina f’dar missierek biex inqattgħu l-​lejl?” Meta qaltlu dwar il-​familja tagħha, il-​ferħ tiegħu żdied. Sforz l-​entużjażmu tagħha, hi żiedet tgħid: “Għandna kemm it-​tiben u kemm l-​għalf, kif ukoll post biex tqattgħu l-​lejl”—offerta konsiderevoli, għax kien hemm oħrajn jivvjaġġaw max-​xwejjaħ. Imbagħad hi ġriet qablu biex tgħid lil ommha b’dak li ġara.—Ġenesi 24:22-​28, 32.

Biċ-​ċar, Rebekka ġiet imrobbija biex tkun ospitabbli. Din hi kwalità oħra li tidher li qed tonqos illum, u hi raġuni oħra biex nimitaw il-​fidi taʼ din iż-​żagħżugħa taʼ qalb tajba. Fidi f’Alla għandha tgħinna nkunu ospitabbli. Ġeħova hu ospitabbli, għax hu ġeneruż maʼ kulħadd, u jixtieq li l-​qaddejja tiegħu jagħmlu l-​istess. Meta nkunu ospitabbli anki maʼ dawk li forsi qatt mhu se jkunu jafuhulna, aħna se nogħġbu lil Missierna tas-​sema.—Mattew 5:44-​46; 1 Pietru 4:9.

“ĦU MARA GĦAL IBNI”

Min kien dak ir-​raġel xiħ maġenb il-​bir? Hu kien qaddej t’Abraham, ħu n-​nannu taʼ Rebekka. B’hekk, hu kien milqugħ fid-​dar taʼ Betwel, missier Rebekka. Isem dan il-​qaddej probabbilment kien Eligħeżer. * Il-​familja li laqgħetu offrietlu ikla, imma hu rrifjuta sakemm għarraf ir-​raġuni taż-​żjara tiegħu. (Ġenesi 24:31-​33) Għandna mnejn nimmaġinawh jitkellem b’entużjażmu, għax kien għadu kif ra evidenza ċara li Alla tiegħu, Ġeħova, kien qiegħed ibierku f’dan l-​inkarigu importanti. Kif?

Immaġina lil Eligħeżer jgħid l-​istorja tiegħu hekk kif missier Rebekka, Betwel, kif ukoll ħuha Laban, semgħu b’attenzjoni sħiħa. Hu qalilhom li Ġeħova kien bierek lil Abraham bil-​kbir f’Kangħan u li Abraham u Sara kellhom tifel, Iżakk, li kien se jiret kollox. Abraham kien ta lil dan il-​qaddej biċċa xogħol importanti ħafna: Hu kellu jfittex mara għal Iżakk minn fost il-​qraba taʼ Abraham f’Ħaran.—Ġenesi 24:34-​38.

Abraham ġiegħel lil Eligħeżer jaħlef li ma kienx se jagħżel mara għal Iżakk minn fost in-​nisa taʼ Kangħan. Għala? Għaliex il-​Kangħanin la rrispettaw u lanqas qiemu lil Alla Ġeħova. Abraham kien jaf li Ġeħova kellu l-​ħsieb li jikkastiga lil dawn in-​nies għall-​prattiki mill-​agħar tagħhom meta jkun il-​waqt. Abraham ma riedx lill-​maħbub ibnu, Iżakk, jintrabat maʼ dawk in-​nies u l-​ħajja immorali tagħhom. Kien jaf ukoll li ibnu kellu rwol importanti f’li jitwettqu l-​wegħdi t’Alla.—Ġenesi 15:16; 17:19; 24:2-​4.

Eligħeżer kompla jgħid lill-​familja li laqgħetu li malli wasal ħdejn il-​bir viċin Ħaran, hu talab lil Alla Ġeħova. Hu bażikament talab lil Ġeħova jagħżel il-​mara żagħżugħa biex tiżżewweġ lil Iżakk. Kif? Eligħeżer talab lil Alla biex jaċċertah li t-​tfajla li Hu riedha tiżżewweġ lil Iżakk tiġi ħdejn il-​bir. Meta jitlobha ftit ilma, hi kellha minn jeddha mhux biss tagħti lil Eligħeżer jixrob imma lill-​iġmla tiegħu wkoll. (Ġenesi 24:12-​14) U aqtaʼ min ġie u għamel preċiż hekk? Rebekka! Immaġina kif setgħet ħassitha kieku kellha tismaʼ l-​istorja li Eligħeżer qal lill-​familja tagħha!

Betwel u Laban ġew imqanqlin bir-​rakkont taʼ Eligħeżer. Huma qalu: “Minn Ġeħova ġejja din il-​ħaġa.” Bħalma kienet id-​drawwa, huma għamlu patt taʼ żwieġ u wiegħdu lil Rebekka bħala l-​mara futura taʼ Iżakk. (Ġenesi 24:50-​54) Ifisser dan, però, li Rebekka ma setgħetx tagħti l-​opinjoni tagħha f’dil-​kwistjoni?

Ġimgħat qabel, Eligħeżer kien iddiskuta proprju dil-​kwistjoni m’Abraham, u staqsieh: “X’jiġri jekk il-​mara ma tiġix miegħi?” Abraham wieġeb: “Int tinħeles mill-​obbligu b’ħalfa li għandek lejja.” (Ġenesi 24:39, 41) Fid-​dar taʼ Betwel, il-​preferenzi taż-​żagħżugħa kienu jgħoddu wkoll. Eligħeżer tant kien entużjast dwar is-​suċċess tal-​inkarigu tiegħu li l-​għada filgħodu, hu talab biex jirritorna Kangħan maʼ Rebekka immedjatament. Madankollu, il-​familja xtaqet li hi tibqaʼ magħhom minn tal-​inqas għaxart ijiem oħra. Fl-​aħħar solvew il-​kwistjoni b’dan il-​mod: “Ejja nsejħu liż-​żagħżugħa u naraw x’tgħid.”—Ġenesi 24:57.

Allura, hawn, Rebekka kellha deċiżjoni importanti x’tieħu f’ħajjitha. X’kienet se tgħid? Kienet se tiġbed is-​simpatija taʼ missierha u ħuha, titlob bil-​ħniena biex tevita dan il-​vjaġġ li ma kinitx taf fejn se jiħodha? Jew kienet se tqisu bħala privileġġ li jkollha sehem fi ġrajjiet li biċ-​ċar kienu qed jiġu gwidati minn Ġeħova? Meta wieġbet, uriet kif ħassitha dwar din il-​bidla għal għarrieda, forsi taʼ sfida, f’ħajjitha. Hi sempliċement qalet: “Irrid immur.”—Ġenesi 24:58.

Xi spirtu rimarkevoli kellha! Illum id-​drawwiet tagħna rigward iż-​żwieġ jistgħu jkunu differenti mhux ħażin, però xorta nistgħu nitgħallmu ħafna minn Rebekka. L-​iktar importanti għaliha ma kinux il-​preferenzi tagħha stess, imma dawk t’Alla tagħha, Ġeħova. Meta niġu għaż-​żwieġ illum, il-​Kelma t’Alla xorta tagħti l-​aħjar gwida disponibbli—rigward liema sieħeb jew sieħba tagħżel u kif issir raġel jew mara miżżewġa mill-​aħjar. (2 Korintin 6:14, 15; Efesin 5:28-​33) Nagħmlu tajjeb li nsegwu l-​eżempju taʼ Rebekka u nfittxu li nagħmlu l-​affarijiet kif irid Alla.

“MIN HU DAK IR-​RAĠEL?”

Il-​familja taʼ Betwel bierku lill-​maħbuba tagħhom Rebekka. Imbagħad hi flimkien maʼ dik li darba kienet tieħu ħsieb Rebekka meta kienet tarbija, Debora, u xi qaddejja nisa, telqu maʼ Eligħeżer u l-​qaddejja rġiel tiegħu. (Ġenesi 24:59-​61; 35:8) Fi żmien qasir, kienu tbiegħdu ħafna minn Ħaran. Il-​vjaġġ kien wieħed twil, xi 800 kilometru, u dam mat-​tliet ġimgħat. X’aktarx ma kienx vjaġġ komdu. Rebekka kienet rat ħafna iġmla f’ħajjitha, imma ma nistgħux nassumu li kienet rikkieba tal-​ġemel t’esperjenza. Il-​Bibbja tiddeskrivi l-​familja tagħha bħala ragħajja u mhux bħala negozjanti li jieħdu ħsieb l-​iġmla. (Ġenesi 29:10) Min ma tantx ikun rikeb iġmla, ħafna drabi jilmenta minħabba skumdità—anki wara rikba qasira ħafna!

Kien x’kien il-​każ, Rebekka ħarset dejjem ’il quddiem, bla dubju tipprova titgħallem kemm tistaʼ minn Eligħeżer dwar Iżakk u l-​familja tiegħu. Immaġina r-​raġel xwejjaħ ikellimha maġenb ħuġġieġa żgħira, jgħidilha rigward il-​wegħda taʼ Ġeħova mal-​ħabib Tiegħu Abraham. Alla kien se jqajjem nisel mil-​linja taʼ Abraham li kien se jġib barkiet għall-​umanità kollha. Aħseb dwar l-​istagħġib li mela qalb Rebekka meta rrealizzat li l-​wegħda taʼ Ġeħova kienet se titwettaq permezz tar-​raġel futur tagħha, Iżakk—u b’hekk, permezz tagħha wkoll!—Ġenesi 22:15-​18.

Rebekka wriet umiltà li hi rari u prezzjuża

Fl-​aħħar, il-​ġurnata li ddeskrivejna fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu waslet. Hekk kif il-​karavana għaddiet min-​Negeb u bdiet nieżla x-​xemx, Rebekka rat raġel miexi fl-​għelieqi. Hu deher miġbur fi ħsibijietu, ħosbien. Naqraw li malajr hi “niżlet minn fuq il-​ġemel”—forsi lanqas biss tat ċans lill-​ġemel biex jinżel għarkopptejh—u staqsiet lill-​gwida tagħha: “Min hu dak ir-​raġel miexi hemmhekk fl-​għalqa u ġej jiltaqaʼ magħna?” Meta saret taf li kien Iżakk, għattiet rasha bil-​velu. (Ġenesi 24:62-​65) Għala? Milli jidher, dan kien sinjal taʼ rispett għar-​raġel futur tagħha. Din it-​tip taʼ sottomissjoni llum għandha mnejn tagħti l-​impressjoni lil xi wħud li hi antikwata. Iżda, verament, l-​irġiel kif ukoll in-​nisa jistgħu jitgħallmu mill-​umiltà taʼ Rebekka, għax min minna m’għandux bżonn iktar minn din il-​kwalità sabiħa?

Iżakk, raġel li kellu madwar 40 sena, kien għadu qed iħoss it-​telfa t’ommu Sara, li kienet mietet madwar tliet snin qabel. Allura nistgħu nikkonkludu li Iżakk kien raġel b’sentimenti teneri u t’affezzjoni. X’barka għal raġel bħal dan li jingħata mara tant ħabrieka, ospitabbli, u umli! Kif ingwalawha maʼ xulxin? Il-​Bibbja sempliċement tgħid: “Sar iħobbha.”—Ġenesi 24:67; 26:8.

Anki għalina, xi 39 seklu wara, huwa faċli li nħobbu lil Rebekka. Kif nistgħu ma nammirawx il-​kuraġġ, il-​bżulija, l-​ospitalità, u l-​umiltà tagħha? Ilkoll kemm aħna—żgħar u kbar, irġiel u nisa, miżżewġin jew single—nagħmlu tajjeb li nimitaw il-​fidi tagħha!

^ par. 10 Kien diġà filgħaxija. Ir-​rakkont ma jagħtina ebda indikazzjoni li Rebekka nżammet timla l-​ilma għal sigħat sħaħ. Ma jagħtiniex x’nifhmu li familtha kienet rieqda sakemm lestiet jew li xi ħadd mar jara għaliex damet daqshekk.

^ par. 15 L-​isem taʼ Eligħeżer mhuwiex imniżżel f’dan ir-​rakkont, imma wisq probabbli kien il-​qaddej involut. Abraham darba kellu l-​ħsieb li Eligħeżer jiret il-​proprjetà tiegħu kollha f’każ li ma kienx hemm eredi naturali, allura hu żgur li kien l-​ikbar u l-​iktar fdat mill-​qaddejja t’Abraham. Dan hu wkoll kif dan il-​qaddej hu deskritt f’dan ir-​rakkont.—Ġenesi 15:2; 24:2-​4.