Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Eżekjel kapitlu 37 jiddeskrivi żewġ bsaten li saru bastun wieħed. Dan xi jfisser?

Permezz tal-​profeta Eżekjel, Ġeħova bassar li n-​nies tiegħu kellhom imorru lura lejn l-​Art Imwiegħda u jerġgħu jingħaqdu bħala ġens wieħed. Din il-​profezija bassret ukoll li dawk li jqimu lil Alla matul l-​aħħar jiem kienu se jkunu magħqudin bħala poplu wieħed.

Ġeħova qal lill-​profeta tiegħu Eżekjel biex jikteb fuq żewġ bsaten. Fuq bastun wieħed kellu jikteb, “Għal Ġuda u għal sħabu, ulied Israel,” u fuq l-​ieħor, “Għal Ġużeppi, il-​bastun t’Efrajm, u sħabu, id-​dar kollha taʼ Israel.” Iż-​żewġ bsaten kellhom isiru “bastun wieħed” f’id Eżekjel.—Eżekjel 37:15-​17.

It-​terminu “Efrajm” xi jfisser? It-​tribù t’Efrajm kien l-​iktar wieħed prominenti mill-​għaxar tribujiet tas-​saltna tal-​Iżrael fit-​Tramuntana. Infatti, l-​ewwel sultan li mexxa dik is-​saltna, Ġerobogħam, kien mit-​tribù t’Efrajm. (Dewteronomju 33:13, 17; 1 Slaten 11:26) Dak it-​tribù ħareġ minn Efrajm, bin Ġużeppi. (Numri 1:32, 33) Ġużeppi kien irċieva barka speċjali mingħand missieru, Ġakobb. Allura kien xieraq li “l-​bastun t’Efrajm” irrappreżenta s-​saltna b’għaxar tribujiet fit-​Tramuntana. Fis-​sena 740 QK, ħafna qabel ma Eżekjel ipprofetizza, l-​Assirjani rebħu lis-​saltna tal-​Iżrael fit-​Tramuntana u ħadu n-​nies fil-​jasar. (2 Slaten 17:6) Snin wara, il-​Babiloniżi rebħu lill-​Assirjani. Għalhekk, meta Eżekjel kiteb il-​profezija dwar iż-​żewġ bsaten, il-​maġġorparti minn dawk l-​Iżraelin kienu mxerrda mal-​Imperu Babiloniż.

Fis-​sena 607 QK, il-​Babiloniżi rebħu s-​saltna taʼ Ġuda b’żewġ tribujiet fin-​Nofsinhar u ħadu lin-​nies lejn Babilonja. Għandhom mnejn ħadu wkoll lil dawk li baqaʼ mis-​saltna tal-​Iżrael fit-​Tramuntana. Is-​slaten tas-​saltna tan-​Nofsinhar kienu mit-​tribù taʼ Ġuda. Anki l-​qassisin għexu f’​Ġuda għax qdew fit-​tempju f’Ġerusalemm. (2 Kronaki 11:13, 14; 34:30) Għalhekk, il-​bastun li kien “għal Ġuda” kien xieraq li rrappreżenta s-​saltna b’żewġ tribujiet fin-​Nofsinhar.

Iż-​żewġ bsaten meta ġew magħqudin flimkien? Dan ġara fis-​sena 537 QK, meta rappreżentanti mis-​saltna fin-​Nofsinhar u mis-​saltna fit-​Tramuntana rritornaw Ġerusalemm mill-​eżilju biex jerġgħu jibnu t-​tempju. Il-​ġens tal-​Iżrael ma kienx baqaʼ maqsum. Għal darb’oħra, l-​Iżraelin qiemu lil Ġeħova flimkien. (Eżekjel 37:21, 22) Din l-​unità kienet imbassra mill-​profeti Isaija u Ġeremija.—Isaija 11:12, 13; Ġeremija 31:1, 6, 31.

Il-​profezija t’Eżekjel x’bassret dwar il-​qima pura? Li Ġeħova jġiegħel lil dawk kollha li jqimu Lilu jsiru “wieħed.” (Eżekjel 37:18, 19) Seħħet din il-​wegħda fi żminijiet reċenti? Iva. Il-​profezija bdiet isseħħ fl-​1919. Qabel dan, Satana kien ipprova jifred lin-​nies t’Alla b’mod permanenti. Imma fl-​1919, ġew organizzati u magħqudin mill-​ġdid bil-​mod il-​mod.

F’dak iż-​żmien, ħafna min-​nies t’Alla kellhom it-​tama li jsiru slaten u qassisin fis-​sema maʼ Ġesù. (Rivelazzjoni 20:6) Huma kienu bħall-​bastun taʼ Ġuda. Madankollu, kien hemm xi ftit li kellhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art. Hekk kif għadda ż-​żmien, dawk li kellhom din it-​tama żdiedu fl-​għadd. (Żakkarija 8:23) Huma kienu bħall-​bastun taʼ Ġużeppi.

Illum, iż-​żewġ gruppi jaqdu lil Ġeħova flimkien. U għandhom Sultan wieħed, Ġesù Kristu. Fil-​profezija t’Eżekjel, hu msejjaħ bħala “l-​qaddej tiegħi David.” (Eżekjel 37:24, 25) Ġesù talab lil Missieru dwar is-​segwaċi tiegħu: “Ħalli jkunu lkoll ħaġa waħda, . . . bħalma int, Missier, f’unjoni miegħi u jien f’unjoni miegħek.” * (Ara n-​nota taʼ taħt.) (Ġwanni 17:20, 21) Ġesù bassar ukoll li l-​merħla żgħira taʼ dixxipli midlukin kienu se “jsiru merħla waħda” man-​“nagħaġ oħrajn” tiegħu. Ilkoll kemm huma kienu se jsegwu lir-​“ragħaj wieħed.” (Ġwanni 10:16) Bħalma spjega Ġesù, in-​nies kollha t’Alla llum huma magħqudin, kemm jekk qed iħarsu ’l quddiem li jgħixu għal dejjem fis-​sema u kemm jekk fuq l-​art!

^ par. 10 Meta Ġesù tkellem dwar is-​sinjal tal-​aħħar jiem, hu ta lid-​dixxipli tiegħu diversi tixbihat. Hu taʼ interess li ninnotaw li hu l-​ewwel irrefera għall-​“ilsir leali u għaqli,” il-​grupp żgħir t’aħwa midlukin li se jieħdu t-​tmexxija fost in-​nies t’Alla. (Mattew 24:45-​47) Imbagħad ta tixbihat li rreferew għall-​midlukin kollha. (Mattew 25:1-​30) Fl-​aħħar hu tkellem dwar dawk li kienu se jappoġġjaw lil ħut Kristu u li se jgħixu għal dejjem fuq l-​art. (Mattew 25:31-​46) B’mod simili, meta l-​profezija t’Eżekjel bdiet isseħħ fi żmienna, din kienet tapplika l-​ewwel għal dawk li kellhom it-​tama li jgħixu fis-​sema. U għalkemm l-​għaxar tribujiet tal-​Iżrael normalment ma jirrappreżentawx lil dawk li se jgħixu għal dejjem fuq l-​art, l-​unità deskritta f’din il-​profezija tfakkarna fl-​unità li hemm bejn dawn u l-​midlukin.