Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 47

Kif Nistgħu Nżommu l-Imħabba taʼ Bejnietna b’Saħħitha?

Kif Nistgħu Nżommu l-Imħabba taʼ Bejnietna b’Saħħitha?

“Ħa nkomplu nħobbu lil xulxin, għax l-imħabba hi minn Alla.”—1 ĠW. 4:7.

GĦANJA 109 Ħobb mill-qalb bil-ħeġġa kollha

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1-2. (a) L-appostlu Pawlu għala qal li l-imħabba hi “l-akbar” kwalità? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

 META l-appostlu Pawlu kien qed jitkellem dwar il-fidi, it-tama, u l-imħabba, hu qal li “l-akbar fosthom hi l-imħabba.” (1 Kor. 13:13) Pawlu għala qal dan il-kliem? Għax fil-futur mhux se jkollna bżonn il-fidi fil-wegħdi t’Alla għad-dinja l-ġdida għax l-affarijiet li qed nittamaw għalihom se jkunu ġraw. Imma l-imħabba għal Ġeħova u għan-nies dejjem se jkollna bżonnha. Fil-fatt, l-imħabba tagħna lejhom se tibqaʼ tikber.

2 Peress li dejjem għandna nuru l-imħabba, se nikkunsidraw tliet mistoqsijiet. L-ewwel, għala għandna nħobbu lil xulxin? It-tieni, kif nuru li nħobbu lil xulxin? It-tielet, kif nistgħu nżommu l-imħabba taʼ bejnietna b’saħħitha?

GĦALA GĦANDNA NĦOBBU LIL XULXIN?

3. Għala għandna nħobbu lil xulxin?

3 Għala hu importanti għalina li nħobbu lil xulxin? Meta nħobbu lil xulxin inkunu qed nuru li aħna Kristjani veri. Ġesù qal lill-appostli: “Jekk tħobbu lil xulxin, kulħadd ikun jaf li intom dixxipli tiegħi.” (Ġw. 13:35) Barra minn hekk, meta nħobbu lil xulxin se nibqgħu magħqudin. Pawlu qal li l-imħabba hi “rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kol. 3:14) Imma hemm raġuni importanti oħra għala għandna nħobbu lil xulxin. L-appostlu Ġwanni kiteb lill-aħwa: “Min iħobb lil Alla għandu jħobb lil ħuh ukoll.” (1 Ġw. 4:21) Mela meta nħobbu lil xulxin nuru li nħobbu lil Alla.

4-5. Spjega kif l-imħabba għal Alla hi marbuta mal-imħabba għal ħutna.

4 L-imħabba tagħna lejn Alla kif inhi marbuta mal-imħabba tagħna lejn ħutna? Biex inġibu eżempju, aħseb kif il-qalb hi marbuta maʼ partijiet oħra taʼ ġisimna. Meta tabib jiċċekkja l-polz taʼ idna, hu jistaʼ jsir jaf kif qed taħdem qalbna. X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu minn dan l-eżempju?

5 Meta t-tabib jiċċekkjalna l-polz, hu jistaʼ jkun jaf jekk qalbna hix b’saħħitha. B’mod simili, aħna nistgħu nkunu nafu kemm hi b’saħħitha l-imħabba tagħna għal Alla meta neżaminaw kemm hi b’saħħitha l-imħabba tagħna għal ħutna. Jekk nindunaw li l-imħabba li għandna għal ħutna m’għadhiex b’saħħitha bħalma kienet qabel, jistaʼ jkun li l-imħabba tagħna għal Alla m’għadhiex b’saħħitha wkoll. Imma meta nuru li nħobbu lil ħutna b’mod regulari, se nkunu nafu li l-imħabba għal Ġeħova hi b’saħħitha.

6. Għala tkun problema jekk l-imħabba tagħna għall-aħwa tiddgħajjef? (1 Ġwanni 4:​7-9, 11)

6 Jekk l-imħabba għal ħutna qed tiddgħajjef, għandna problema serja. Għala? Għax dan jistaʼ jfisser li l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova qed tiddgħajjef. L-appostlu Ġwanni wriena dan b’mod ċar meta qal: “Min ma jħobbx lil ħuh, li jarah, ma jistax ikun li jħobb lil Alla, li ma jarahx.” (1 Ġw. 4:20) X’nitgħallmu minn dan il-kliem? Aħna nitgħallmu li Ġeħova se jkun ferħan bina jekk aħna “nħobbu lil xulxin.”—Aqra l-1 Ġwanni 4:​7-9, 11.

KIF NURU LI NĦOBBU LIL XULXIN?

7-8. Kif nistgħu nuru li nħobbu lil xulxin?

7 Għal darba wara l-oħra fil-Kelma t’Alla nsibu l-kmand biex ‘inħobbu lil xulxin.’ (Ġw. 15:​12, 17; Rum. 13:8; 1 Tess. 4:9; 1 Pt. 1:22; 1 Ġw. 4:11) Imma l-imħabba hi xi ħaġa li nħossu ġewwa fina, u n-nies ma jistgħux jaraw x’hemm f’qalbna. Allura kif nistgħu nuru lill-aħwa li aħna nħobbuhom? B’dak li ngħidu u nagħmlu.

8 Hemm ħafna modi li bihom nistgħu nuru lill-aħwa li nħobbuhom. Dawn huma xi eżempji: “Tkellmu bil-verità maʼ xulxin.” (Żak. 8:16) “Żommu l-paċi maʼ xulxin.” (Mk. 9:50) “Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.” (Rum. 12:10) “Ilqgħu lil xulxin.” (Rum. 15:7) “Komplu . . . aħfru lil xulxin.” (Kol. 3:13) “Komplu ġorru t-toqol taʼ xulxin.” (Gal. 6:2) “Ibqgħu farrġu lil xulxin.” (1 Tess. 4:18) “Ibqgħu . . . ibnu lil xulxin.” (1 Tess. 5:11) “Itolbu għal xulxin.”—Ġak. 5:16.

Kif nistgħu ngħinu ħu jew oħt li hi mdejqa? (Ara paragrafu 7-9)

9. Għala hu importanti li ninkuraġġixxu lil oħrajn? (Ara l-istampa.)

9 Ejja neżaminaw mod wieħed kif nistgħu nuru li nħobbu lil xulxin. L-appostlu Pawlu qal: “Ibqgħu farrġu lil xulxin.” Dan għala huwa mod importanti kif nuru li nħobbu lil oħrajn? Skont referenza tal-Bibbja, il-kelma li Pawlu uża għal “faraġ” tfisser “toqgħod maġenb persuna biex tinkuraġġiha meta tkun għaddejja minn problema kbira.” Għalhekk, meta ninkuraġġixxu lil xi ħu jew oħt li tkun qed tbati, inkunu qed ngħinuha biex tibqaʼ leali lejn Ġeħova u tkompli taqdih. U kull darba li ninkuraġġixxu lil xi ħadd, inkunu qed nuruh li nħobbuh.—2 Kor. 7:​6, 7, 13.

10. Li nħossu għal oħrajn u ninkuraġġuhom kif imorru flimkien?

10 Li nħossu għal oħrajn u ninkuraġġuhom kif imorru flimkien? Meta xi ħadd iħoss għal persuna li tkun qed tbati, hu ħa jkun jixtieq jinkuraġġiha u jgħinha. Għalhekk, l-ewwel irridu nħossu għal dak li jkun, imbagħad ninkuraġġuh. Pawlu spjega li l-ħniena li Ġeħova għandu għan-nies timmotivah biex jinkuraġġihom. Pawlu jiddeskrivi lil Ġeħova bħala “l-Missier taʼ kull ħniena tenera u l-Alla taʼ kull faraġ.” (2 Kor. 1:3) F’dan il-vers, Pawlu juża l-kliem “ħniena tenera” biex jiddeskrivi sentimenti taʼ ħniena li persuna turi lejn oħrajn. Għalhekk, Alla jissejjaħ “il-Missier taʼ kull ħniena tenera” għax hu juri ħafna ħniena man-nies. U din il-ħniena timmotivah biex jinkuraġġina meta nkunu għaddejjin minn problemi. (2 Kor. 1:4) Bħalma dawk li jkunu bil-għatx u jixorbu ilma frisk iħossuhom b’saħħithom, Ġeħova jsaħħaħ u jinkuraġġixxi lil dawk li jkunu mdejqin. Kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova billi nħossu għal oħrajn u ninkuraġġuhom? Mod wieħed hu billi naħdmu biex ikollna kwalitajiet li jgħinuna nħossu għal oħrajn u ninkuraġġuhom. X’inhuma ftit minn dawn il-kwalitajiet?

11. Skont Kolossin 3:12 u l-​1 Pietru 3:​8, x’se jgħinna biex inħobbu lill-aħwa u ninkuraġġuhom?

11 X’ħa jgħinna biex inkomplu nħobbu u ninkuraġġixxu lil xulxin kuljum? Aħna rridu naħdmu biex inħossu għal xulxin, nuru affezzjoni, u qalb tajba lejn xulxin. (Aqra Kolossin 3:12; l-1 Pietru 3:8.) Dan kif se jgħinna? Meta nħossu għal ħutna u veru jkun jinteressana minnhom, se nkunu nixtiequ ħafna ninkuraġġuhom meta jkollhom problemi kbar. Bħalma qal Ġesù: “In-nies jitkellmu dwar dak li hemm f’qalbhom. Raġel tajjeb jgħid affarijiet tajbin għax affarijiet tajbin għandu f’qalbu.” (Mt. 12:​34, 35) Li ninkuraġġixxu lil ħutna hu mod importanti kif nuru li aħna nħobbuhom.

KIF NISTGĦU NŻOMMU L-IMĦABBA TAʼ BEJNIETNA B’SAĦĦITHA?

12. (a) Għala rridu nibqgħu attenti biex l-imħabba taʼ bejnietna tibqaʼ b’saħħitha? (b) Liema mistoqsija se nikkunsidraw?

12 Aħna rridu “nkomplu nħobbu lil xulxin.” (1 Ġw. 4:7) Imma importanti niftakru li Ġesù qal li “l-biċċa l-kbira tan-nies ma jibqgħux iħobbu lil oħrajn.” (Mt. 24:12) Ġesù ma kienx qed jgħid li l-biċċa l-kbira mid-dixxipli tiegħu mhumiex se jibqgħu jħobbu lil xulxin. Imma aħna rridu noqogħdu attenti li ma nħallux l-attitudni tan-nies fid-dinja teffettwa l-imħabba taʼ bejnietna. B’dan f’moħħna, ejja nikkunsidraw mistoqsija importanti: X’se jgħinna nkunu nafu jekk l-imħabba għal ħutna hix b’saħħitha?

13. X’jgħinna nkunu nafu kemm hi b’saħħitha l-imħabba tagħna għal ħutna?

13 Mod wieħed kif nistgħu naraw jekk l-imħabba tagħna għal ħutna hix b’saħħitha hu billi naraw kif naġixxu f’ċertu sitwazzjonijiet. (2 Kor. 8:8) L-appostlu Pietru semma sitwazzjoni minnhom, meta qal: “Fuq kollox, ħa jkollkom imħabba profonda lejn xulxin, għax l-imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.” (1 Pt. 4:8) Għalhekk, dak li nagħmlu meta ħutna jiżbaljaw jew iweġġgħuna ħa jgħinna naraw kemm hi b’saħħitha l-imħabba tagħna għalihom.

14. Skont l-​1 Pietru 4:​8, x’tip taʼ mħabba għandu jkollna? Agħti eżempju.

14 Ejja naħsbu sew dwar il-kliem taʼ Pietru. L-ewwel parti taʼ vers 8 turi li għandu jkollna “mħabba profonda.” Il-kelma li uża Pietru għal “profonda” tfisser “titwessaʼ.” It-tieni parti tal-vers turi x’se nagħmlu meta jkollna mħabba profonda lejn ħutna. Din tgħatti d-dnubiet taʼ ħutna. Ejja nġibu eżempju: Immaġina wiċċ taʼ mejda li fih ħafna grif u tbajjaʼ. Jekk taqbad dvalja u titfagħha fuq il-mejda, mhux se tgħatti biss tebgħa waħda imma se tgħatti l-grif u t-tbajjaʼ kollha. B’mod simili, jekk ikollna mħabba profonda għal ħutna, aħna nistgħu ngħattu, jew naħfru, mhux dnub wieħed biss, imma “kotra taʼ dnubiet.”

15. Jekk l-imħabba għal ħutna tkun b’saħħitha, x’se jirnexxilna nagħmlu? (Kolossin 3:13)

15 L-imħabba għal ħutna għandha tkun b’saħħitha biżżejjed biex inkunu nistgħu naħfru n-nuqqasijiet tagħhom, anki meta jkun diffiċli ħafna. (Aqra Kolossin 3:13.) Meta naħfru lil oħrajn, nuru li l-imħabba tagħna hi b’saħħitha u nkunu qed nogħġbu lil Ġeħova. X’jistaʼ jgħinna wkoll biex jirnexxilna naħfru n-nuqqasijiet t’oħrajn u ma niħdux għalina malajr bl-affarijiet li jagħmlu?

Bħalma nżommu ritratti tajbin u nħassru l-ħżiena, aħna nibqgħu niftakru l-memorji sbieħ li kellna maʼ ħutna u ninsew il-koroh (Ara paragrafi 16-17)

16-17. X’se jgħinna biex ma nibqgħux niftakru l-iżbalji żgħar taʼ ħutna? Agħti eżempju. (Ara l-istampa.)

16 Iffoka fuq l-affarijiet tajbin li għandhom l-aħwa, u mhux fuq l-affarijiet ħżiena. Aħseb dwar dan l-eżempju. Immaġina li qiegħed f’get-together mal-aħwa. Qiegħed tieħu pjaċir u b’hekk tiddeċiedi li tieħu ritratt. Int tieħu iktar minn ritratt wieħed biex żgur ikollok ritratt tajjeb. Imma meta tibda tarahom tinduna li xi ħadd mill-aħwa ma ġiex sew. Allura dak ir-ritratt tħassru għax fl-oħrajn l-aħwa kollha ġew tajbin.

17 Nistgħu nqabblu dawn ir-ritratti mal-memorji. Ħafna drabi aħna jkollna memorji sbieħ tal-affarijiet li nkunu għamilna maʼ ħutna. Imma ejja ngħidu li darba minnhom, ħu jew oħt qalet jew għamlet xi ħaġa li weġġgħetek. X’għandna nagħmlu f’sitwazzjoni bħal din? Aħna għandna nħassru memorji koroh bħal dawn, eżatt bħalma nagħmlu b’dak ir-ritratt ħażin li nkunu ħadna. (Prov. 19:11; Efes. 4:32) Aħna nistgħu ninsew l-iżbalji taʼ ħutna għax niftakru l-affarijiet sbieħ li gawdejna magħhom. Dawn huma l-memorji li għandna nibqgħu nżommu f’moħħna.

GĦALA IMPORTANTI LI JKOLLNA L-IMĦABBA?

18. F’dan l-artiklu liema punti rajna dwar l-imħabba?

18 Għala hu importanti li l-imħabba taʼ bejnietna tkun b’saħħitha? Bħalma rajna f’dan l-artiklu, meta nuru li nħobbu lil ħutna, inkunu qed nuru li nħobbu lil Ġeħova wkoll. Aħna kif nuru li nħobbu lil ħutna? Mod wieħed kif nagħmlu dan hu billi ninkuraġġuhom. Dan nistgħu nagħmluh billi nħossu għal xulxin. Kif nistgħu nżommu l-imħabba taʼ bejnietna b’saħħitha? Dan nagħmluh billi naħfru l-iżbalji taʼ ħutna, anki meta jkun diffiċli.

19. Illum għala hu importanti li nuru kemm inħobbu lil ħutna?

19 Illum għala hu importanti iktar minn qabel li nibqgħu nuru mħabba lejn xulxin? Innota r-raġuni li tana l-appostlu Pietru: “Qorob it-tmiem taʼ kollox. Għalhekk, . . . ħa jkollkom imħabba profonda lejn xulxin.” (1 Pt. 4:​7, 8) Hekk kif it-tmiem taʼ din is-sistema qiegħed joqrob, x’għandna nistennew? Meta Ġesù tkellem dwar id-dixxipli tiegħu, hu qal: “Il-popli kollha se jobogħdukom minħabba ismi.” (Mt. 24:9) Biex jirnexxilna nissaportu, hemm bżonn li nibqgħu magħqudin. Jekk aħna nħobbu lil ħutna, Satana mhux ħa jirnexxilu jifridna, għax l-imħabba hi “rabta perfetta li tgħaqqad.”—Kol. 3:14; Flp. 2:​1, 2.

GĦANJA 130 Aħfer

a Issa hu importanti iktar minn qatt qabel li nuru mħabba lejn ħutna. Għaliex? U kif nistgħu nuru li nħobbu lil xulxin?