ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 32
GĦANJA 44 Talba taʼ min ikun imnikket
Ġeħova Jrid lil Kulħadd Jindem
“Ġeħova . . . ma jixtieqx li jkun hemm min jinqered imma jixtieq li kulħadd jindem.”—2 PT. 3:9.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Se nitgħallmu xi rridu nagħmlu biex nindmu, għala għandna bżonn nindmu, u kif Ġeħova għen lin-nies jindmu mid-dnubiet tagħhom.
1. X’inhi l-indiema?
META nagħmlu xi ħaġa ħażina hu importanti li nindmu. Il-Bibbja tgħid li xi ħadd jindem billi jiddispjaċih taʼ dak li jkun għamel u jagħmel kulma jistaʼ biex ma jerġax jagħmel dak l-iżball.—Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Indiema.”
2. Għala għandna bżonn nitgħallmu dwar l-indiema? (Neħemija 8:9-11)
2 Peress li kuljum nidinbu, kollha kemm aħna għandna bżonn nitgħallmu dwar l-indiema. Bħala t-tfal taʼ Adam u Eva, aħna writna d-dnub u l-mewt, u ħadd minna ma jistaʼ jeħles minn dawn l-affarijiet. (Rum. 3:23; 5:12) Anke nies li huma msemmijin fil-Bibbja għall-fidi b’saħħitha li kellhom, bħall-appostlu Pawlu, kellhom jiġġieldu kontra x-xewqat ħżiena. (Rum. 7:21-24) Imma dan ifisser li l-ħin kollu għandna nkunu mdejqin u skuraġġiti minħabba d-dnubiet li nagħmlu? Le, għax Ġeħova hu ħanin u jrid li nkunu ferħanin. Aħseb dwar il-Lhud fi żmien Neħemija. (Aqra Neħemija 8:9-11.) Ġeħova ma ridhomx ikunu mdejqin iżżejjed dwar id-dnubiet li għamlu fil-passat. Hu xtaq li jaqduh bil-ferħ. Ġeħova jaf li meta nindmu se nkunu ferħanin u għalhekk jgħallimna dwar l-indiema. Jekk nindmu, nistgħu nkunu ċerti li Missierna, peress li hu mimli ħniena, se jaħfrilna.
3. X’se nitgħallmu f’dan l-artiklu?
3 F’dan l-artiklu se naraw tliet punti dwar l-indiema. L-ewwel, se nitgħallmu Ġeħova x’għallem lill-Iżraelin fuq l-indiema. Imbagħad, se naraw kif Ġeħova jgħin lin-nies jindmu. U fl-aħħar, se naraw Ġesù x’għallem lid-dixxipli tiegħu dwar l-indiema.
ĠEĦOVA X’GĦALLEM LILL-IŻRAELIN FUQ L-INDIEMA?
4. Ġeħova x’għallem lill-Iżraelin dwar l-indiema?
4 Meta Ġeħova ta l-liġijiet lill-Iżraelin huma wiegħdu li se jobduhom, u Ġeħova wegħedhom li jekk jobdu dawk il-liġijiet kien se jipproteġihom u jberikhom. Dwar dawk il-liġijiet, hu qal: “Issa dan il-kmandament li qed nikkmandak illum la hu diffiċli wisq għalik, u lanqas mhu ’l bogħod minnek.” (Dewt. 30:11, 16) Imma jekk ma kinux se jibqgħu leali lejh, pereżempju billi jaqdu allat foloz, ma kienx se jibqaʼ jipproteġihom u kienu se jbatu. Però, anke kieku kellu jiġri dan, xorta setgħu jerġgħu jsiru ħbieb tiegħu. Huma setgħu ‘jerġgħu lura lejn Ġeħova l-Alla tagħhom u jisimgħu minnu.’ (Dewt. 30:1-3, 17-20) Dan ifisser li setgħu jindmu. B’hekk, Ġeħova kien jerġaʼ jersaq qrib tagħhom u jberikhom.
5. Ġeħova kif wera li ma qatax qalbu meta n-nies tiegħu m’obdewhx? (2 Slaten 17:13, 14)
5 L-Iżraelin, għal darba wara l-oħra, m’obdewx lil Ġeħova apposta. Huma kienu jaqdu lill-allat foloz u għamlu ħafna affarijiet ħżiena oħra. Minħabba f’hekk, batew. Imma Ġeħova ma qatax qalbu minnhom u baqaʼ jipprova jgħinhom. Hu kemm-il darba bagħtilhom profeti biex jgħinhom jindmu u jerġgħu jibdew jaqduh b’qalbhom kollha.—Aqra t-2 Slaten 17:13, 14.
6. Ġeħova kif uża l-profeti biex juri lill-Iżraelin kemm hu importanti li jindmu? (Ara l-istampa.)
6 Ħafna drabi, meta l-Iżraelin ma kinux jobdu lil Ġeħova hu kien jibagħtilhom lill-profeti biex jgħidilhom x’kien se jiġri jekk ma jinbidlux, u biex jgħinhom. Pereżempju, Alla qal lil Ġeremija biex lill-Iżraelin jgħidilhom: “Erġaʼ lura, O Israel ir-ribelluża . . . Ma nħarisx iktar b’wiċċ irrabjat lejkom, għax jien leali . . . M’iniex se nibqaʼ nżomm f’qalbi għal dejjem. Biss agħraf l-iżball tiegħek, għax int kontra Ġeħova Alla tiegħek dnibt.” (Ġer. 3:12, 13) Ġeħova qal lil Ġoel biex jgħidilhom: “Ejjew lura għandi b’qalbkom kollha.” (Ġoel 2:12, 13) Permezz taʼ Isaija qalilhom: “Tnaddfu; neħħu l-ħażen t’għemilkom minn quddiem għajnejja; tibqgħux tagħmlu l-ħażen.” (Isa. 1:16-19) U permezz taʼ Eżekjel, Ġeħova staqsa: “Jaqaw jien nitgħaxxaq b’xi mod bil-mewt taʼ xi ħadd ħażin, . . . u mhux li dan idur lura minn triqatu u jibqaʼ jgħix? Għax jien ma niħux pjaċir meta xi ħadd imut, . . . mela, duru lura u ibqgħu għixu.” (Eżek. 18:23, 32) Ġeħova jkun vera ferħan meta n-nies jindmu għax hu jixtieqhom jgħixu għal dejjem! Mela Ġeħova ma jistenniex lin-nies jindmu u mbagħad jibda jgħinhom. Ejja naraw xi eżempji oħra taʼ dan.
7. Ġeħova kif uża lil Ħosea u l-mara tiegħu biex jgħallem lill-Iżraelin?
7 Innota Ġeħova x’għallem lill-Iżraelin permezz tal-profeta Ħosea u l-mara tiegħu Gomer. Hi ma baqgħetx leali lejh, u telqitu biex tmur maʼ raġel ieħor. Ġeħova x’għamel? Peress li hu jaf kollox dwar kulħadd, qal lil Ħosea: “Erġaʼ ħobb il-mara li jħobbha raġel ieħor u li qed tagħmel adulterju, bħalma jien, Ġeħova, inħobb lill-poplu t’Iżrael waqt li huma jqimu allat oħrajn.” (Ħos. 3:1; Prov. 16:2) Innota li l-mara taʼ Ħosea kienet għadha qed tagħmel dnub serju, imma Ġeħova xorta qal lil Ħosea biex jaħfrilha u jerġaʼ jaċċettaha bħala l-mara tiegħu. a Bl-istess mod, Ġeħova ma kienx qataʼ qalbu mill-poplu tiegħu. Avolja kienu għadhom qed jagħmlu dnubiet serji, hu kien għadu jħobbhom, u allura baqaʼ jibagħtilhom il-profeti biex jgħinhom jinbidlu. Dan l-eżempju jurina li Ġeħova jaf kollox dwar kull persuna, u hu se jibqaʼ jipprova jgħin lil xi ħadd li qed jagħmel dnub serju biex jindem u jirranġa. (Prov. 17:3) Ejja naraw kif jagħmel dan.
KIF ĠEĦOVA JGĦIN LIN-NIES JINDMU
8. Ġeħova x’għamel biex jgħin lil Kajjin jindem? (Ġenesi 4:3-7) (Ara l-istampa.)
8 Kajjin kien l-ewwel tifel taʼ Adam u Eva. Bħat-tfal kollha taʼ Adam u Eva, hu wiret ix-xewqa biex jagħmel dak li hu ħażin. Imma Kajjin ma provax jikkontrolla dawk ix-xewqat. Fil-fatt, il-Bibbja tgħid: “Dak li għamel kien ħażin.” (1 Ġw. 3:12) Jistaʼ jkun li Ġeħova għalhekk “ma ħarisx b’approvazzjoni lejn Kajjin u l-offerta tiegħu” meta kien qed joffri sagrifiċċju. Minflok ma pprova jinbidel għall-aħjar, “Kajjin imtela b’rabja kbira u dwejjaq.” Ġeħova x’għamel? Hu tkellem maʼ Kajjin. (Aqra Ġenesi 4:3-7.) Innota li Ġeħova rraġuna b’qalb tajba maʼ Kajjin u qallu li jekk jagħmel dak li hu tajjeb kien se jbierku. Ġeħova qallu wkoll li r-rabja li kellu setgħet twasslu biex jagħmel xi ħaġa ħażina. B’dispjaċir, Kajjin ma semax minn Ġeħova u m’aċċettax l-għajnuna tiegħu. Imma avolja Kajjin ma semax minn Ġeħova, Alla ma ddeċidiex li mhu se jgħin lil ħadd iktar biex jindem!
9. Ġeħova kif għen lil David jindem?
9 Ġeħova kien iħobbu ħafna lir-Re David. Hu saħansitra qal li kien ‘raġel għal qalbu.’ (Atti 13:22) Imma David għamel xi dnubiet serji ħafna bħal adulterju u qatel. Skont il-Liġi taʼ Mosè, David kellu jmut. (Lev. 20:10; Num. 35:31) Imma, Ġeħova xtaq jgħin lil David jindem. b Allura, bagħat lill-profeta Natan biex jitkellem miegħu, avolja David kien għadu ma nidimx. Natan uża eżempju biex jgħin lil David jifhem kemm kienu gravi d-dnubiet li għamel. (2 Sam. 12:1-14) David fehem kemm kien weġġaʼ lil Ġeħova u nidem. Wara hu kiteb salm li juri kemm kien iddispjaċieh. (Slm. 51, sopraskrizzjoni) Dan is-salm illum jgħin lil ħafna nies li dinbu biex iħossuhom aħjar wara li jindmu. Kemm għandna napprezzaw li Ġeħova kien iħobb lil David u għenu jindem.
10. Kif tħossok dwar il-maħfra u l-paċenzja taʼ Ġeħova?
10 Ġeħova jobgħod kull tip taʼ dnub. (Slm. 5:4, 5) Imma hu jaf li aħna kollha nidinbu, u peress li jħobbna jixtieq jgħinna. Hu dejjem jipprova jgħin lin-nies jersqu qrib lejh, anke dawk li għamlu dnubiet serji ħafna. Kemm għandna napprezzaw li nafu li Ġeħova jixtieq jaħfrilna! Iżjed ma naħsbu dwar il-paċenzja u l-maħfra taʼ Ġeħova, iżjed inkunu mmotivati biex nibqgħu leali u meta nidinbu nindmu mill-ewwel. Issa se naraw Ġesù x’għallem lid-dixxipli tiegħu dwar l-indiema.
DAK LI ĠESÙ GĦALLEM LID-DIXXIPLI TIEGĦU DWAR L-INDIEMA
11-12. Ġesù x’eżempju ġab biex juri li Ġeħova hu lest li jaħfer? (Ara l-istampa.)
11 Meta kien wasal iż-żmien biex jidher il-Messija, Ġeħova uża lil Ġwanni l-Għammied biex jipprietka lin-nies u jgħidilhom jindmu. Meta Ġesù Kristu beda jipprietka, hu wkoll għallem lin-nies kemm kien importanti li jindmu.—Mat. 3:1, 2; 4:17.
12 Meta Ġesù kien fid-dinja, għallem lin-nies li Missieru jixtieq ħafna jaħfer lil dawk li jidinbu. Mod kif għamel dan hu billi qal storja dwar missier u t-tifel tiegħu. It-tifel kien iddeċieda li jitlaq mid-dar u jagħmel xi affarijiet ħżiena ħafna. Imma wara xi żmien hu “ġie f’sensih” u reġaʼ mar id-dar għand missieru. Il-missier kif ħassu dwar it-tifel? Ġesù qal li “waqt li kien għadu ’l bogħod, missieru rah u tħassru. Imbagħad ġera lejh, għannqu, u biesu b’tenerezza.” It-tifel staqsa lil missieru biex jaħdem bħala qaddej tiegħu. Imma missieru ried jaħfirlu u qallu “ibni” u riedu jerġaʼ jkun parti mill-familja tiegħu. Il-missier qal: “Hu kien intilef u nstab.” (Luqa 15:11-32) Meta Ġesù kien fis-sema żgur li kemm-il darba ra lil Missieru juri maħfra u qalb tajba maʼ dawk li nidmu. X’eżempju sabiħ qal Ġesù li juri kemm Ġeħova jaħfer!
13-14. L-appostlu Pietru x’tgħallem dwar l-indiema, u hu x’għallem lil oħrajn dwarha? (Ara l-istampa.)
13 L-appostlu Pietru tgħallem ħafna minn Ġesù dwar kif Ġeħova jaħfer lil dawk li jindmu. Pietru għamel ħafna żbalji u Ġesù kien lest li jaħfirlu. Pereżempju, meta Pietru qal li ma kienx jaf lil Ġesù tliet darbiet, ħassu ħażin ħafna. (Mat. 26:34, 35, 69-75) Imma wara li Ġesù ġie rxoxtat, deher lil Pietru waħdu biex ikellmu. (Luqa 24:33, 34; 1 Kor. 15:3-5) Ġesù żgur li kien jaf li Pietru kien nidem u riedu jkun ċert li kien ħafirlu.
14 Pietru kien jaf x’jiġifieri li tindem u kif tħossok meta Ġeħova jaħfirlek. Allura, setaʼ jgħallem lil oħrajn dwar dan. Xi żmien wara l-festa taʼ Pentekoste, Pietru spjega lil grupp taʼ Lhud li huma kienu qatlu lill-Messija. Imma hu qalilhom: “Indmu u duru lura lejn Alla biex hu jħassar id-dnubiet tagħkom, u b’hekk Ġeħova jagħtikom żmien taʼ serħan il-moħħ.” (Atti 3:14, 15, 17, 19) Pietru wriehom li xi ħadd jindem billi jdur lura. Dan ifisser li jibda jaħseb bħalma jridu Ġeħova, jieqaf jagħmel id-dnub, u jibda jagħmel dak li jogħġob lil Ġeħova. Pietru qal ukoll li Ġeħova kien se jaħfer għalkollox, bħallikieku jħassar id-dnubiet u jisparixxu kompletament. U ħafna snin wara, Pietru żgura lill-Kristjani: “Ġeħova . . . qed juri paċenzja magħkom, għax ma jixtieqx li jkun hemm min jinqered imma jixtieq li kulħadd jindem.” (2 Pt. 3:9) Kemm għandna tama sabiħa li meta nagħmlu d-dnubiet, anke serji ħafna, jekk nindmu Ġeħova se jaħfrilna għalkollox!
15-16. (a) L-appostlu Pawlu kif tgħallem x’inhi l-maħfra? (1 Timotju 1:12-15) (b) X’se naraw fl-artiklu li jmiss?
15 Sawl taʼ Tarsu għamel ħafna affarijiet ħżiena. Hu kien jippersegwita lill-Kristjani tal-bidu. Wisq probabbli, il-Kristjani kienu jaħsbu li hu qatt ma kien se jinbidel. Imma Ġesù kien jaf li Sawl setaʼ jinbidel u jindem. Ġesù u Ġeħova raw kwalitajiet sbieħ f’Sawl. Ġesù qal: “Jien għażilt lil dan ir-raġel.” (Atti 9:15) Biex jgħin lil Sawl jindem, Ġesù uża miraklu. (Atti 7:58-60; 8:1-3; 9:1-9, 17-20) Wara li sar Kristjan, Sawl beda jissejjaħ bl-isem Pawlu. Ġesù tah xogħol x’jagħmel bħala appostlu. (Aqra l-1 Timotju 1:12-15.) Pawlu taʼ spiss kien jgħid kemm japprezza l-qalb tajba taʼ Ġeħova u Ġesù. Pawlu qal: “Alla b’qalb tajba qed jipprova jgħinek tindem.”—Rum. 2:4.
16 Darba, Pawlu semaʼ li l-kongregazzjoni f’Korintu kienet qed tħalli ħu jgħix ħajja immorali. L-appostlu Pawlu x’għamel? Minn dak li qal nistgħu nitgħallmu kif Ġeħova juri mħabba meta jiddixxiplina u kif juri ħniena meta xi ħadd jindem. Fl-artiklu li jmiss, se nitgħallmu kif nistgħu nuru ħniena bħalu billi niddiskutu x’ġara fil-kongregazzjoni taʼ Korintu.
GĦANJA 33 Ixħet toqlok fuq Ġeħova
a Dan il-każ kien taʼ darba. Illum, Ġeħova ma jridx li xi ħadd innoċenti f’adulterju jibqaʼ miżżewweġ taʼ bilfors. Infatti, Ġeħova bi mħabba permezz taʼ Ġesù qal li raġel jew mara innoċenti jistgħu jiddivorzjaw jekk ikun sar adulterju.—Mat. 5:32; 19:9.
b Ara l-artiklu “Ġeħova Jistaʼ Jaħfer—Xi Jfisser Dan Għalik?” f’It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Novembru 2012, pp. 21-23, para. 3-10.