Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova se jagħmel ċert li ismu jkun imfaħħar għal dejjem

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

L-artiklu “Ħa Jitqaddes Ismek” f’​It-Torri tal-Għassa taʼ Ġunju 2020, kif iċċara dak li nemmnu dwar l-isem t’Alla u l-mod kif imexxi?

▪ F’dak l-artiklu tgħallimna li hemm xi ħaġa importanti ħafna li taffettwa lin-nies u l-anġli kollha. Din hi li jitqaddes isem Alla. Il-kwistjoni jekk il-mod kif imexxi Ġeħova hux l-aħjar għandha x’taqsam maʼ li jitqaddes ismu. Bl-istess mod, li persuna tkun leali lejn Ġeħova jew le wkoll għandu x’jaqsam mal-iktar ħaġa importanti, li jitqaddes ismu.

Issa għala qed ngħidu li l-iktar kwistjoni importanti hi dwar isem Ġeħova u li jitqaddes ismu? Ejja neżaminaw tliet raġunijiet.

Satana ilu jigdeb dwar l-isem t’Alla minn żmien il-ġnien tal-Għeden sal-lum

L-ewwel, fil-ġnien tal-Għeden Satana attakka l-isem taʼ Ġeħova, jiġifieri r-reputazzjoni tiegħu. Bil-mistoqsija li Satana staqsa lil Eva, ried jgħid li Ġeħova ma kienx ġeneruż u li l-istruzzjonijiet li tahom ma kinux ġusti. Imbagħad Satana qal il-kontra taʼ dak li qal Ġeħova. Hu qal li Alla hu giddieb. B’hekk maqdar ir-reputazzjoni t’Alla. Hu sar “ix-Xitan,” li jfisser “wieħed li jaqlaʼ l-gideb.” (Ġw. 8:44) Minħabba li Eva emmnet lil Satana, hi m’obdietx lil Alla u wriet li ma tridux bħala l-mexxej tagħha. (Ġen. 3:1-6) Sal-lum, Satana għadu qed jigdeb dwar x’tip taʼ persuna hu Ġeħova. Dawk li jemmnu l-gideb tiegħu jkun iktar faċli għalihom biex ma jobdux lil Ġeħova. Għalhekk għan-nies t’Alla, il-gideb dwar l-isem qaddis taʼ Ġeħova hu l-agħar ħaġa. Din hi r-raġuni prinċipali għala fid-dinja hawn ħafna tbatija u ħażen.

It-tieni, biex jibbenefika kulħadd, Ġeħova se jneħħi t-tmaqdir kollu minn fuq ismu. Din hi l-iktar ħaġa importanti għal Ġeħova. Għalhekk hu jgħid: “Jien se nqaddes ismi l-kbir.” (Eżek. 36:23) Ġesù għamilha ċara x’kellha tkun l-iktar ħaġa importanti li l-qaddejja taʼ Ġeħova għandhom jitolbu għaliha meta qal: “Ħa jitqaddes ismek.” (Mt. 6:9) Il-Bibbja għal darba wara l-oħra wkoll turina kemm hu importanti li nqaddsu l-isem t’Alla. Aħseb dwar dawn il-ftit eżempji: “Agħtu lil Ġeħova l-glorja li tixraq lil ismu.” (1 Kron. 16:29; Salm 96:8) “Faħħru bil-kant lil ismu glorjuż.” (Salm 66:2) “Se nigglorifika lil ismek għal dejjem.” (Salm 86:12) Waħda mid-drabi meta Ġeħova tkellem mis-sema kienet fit-tempju taʼ Ġerusalemm, meta Ġesù qal: “Missier, igglorifika lil ismek.” Imbagħad Ġeħova wieġbu: “Jien igglorifikajtu u nerġaʼ nigglorifikah.”—Ġw. 12:28. a

It-tielet, l-iskop taʼ Ġeħova għandu x’jaqsam maʼ ismu, jiġifieri r-reputazzjoni tiegħu. Aħseb dwar dan: X’se jiġri fl-aħħar test wara t-Tmexxija taʼ Elf Sena taʼ Kristu? Kif se jħossuhom l-anġli u n-nies kollha dwar l-isem taʼ Ġeħova? Biex inwieġbu dawn il-mistoqsijiet, ejja nerġgħu naħsbu dwar il-kwistjoni jekk persuna tibqax leali lejn Ġeħova u jekk il-mod kif imexxi Ġeħova hux l-aħjar. Dak iż-żmien in-nies mhux se jkollhom bżonn juru li huma se jibqgħu leali. Huma se jkunu perfetti u għaddew mill-aħħar test. Huma se jkunu rċivew il-ħajja taʼ dejjem. Barra minn hekk Ġeħova mhux se jkollu bżonn juri li hu jmexxi bl-aħjar mod. Dak iż-żmien l-anġli u n-nies se jkunu magħqudin u se jaċċettaw it-tmexxija taʼ Ġeħova. Imma l-isem taʼ Ġeħova se jkun għadu importanti għan-nies tiegħu?

Sa dak iż-żmien kulħadd se jkun sar jaf dwar Ġeħova u ismu se jkun ġie mqaddes. Imma għall-qaddejja taʼ Ġeħova fis-sema u fuq l-art, ismu se jkun għadu l-iktar ħaġa importanti. Għala? Għax se jibqgħu jaraw lil Ġeħova jagħmel affarijiet tal-għaġeb. Aħseb ftit: Peress li Ġesù b’umiltà se jagħti lura t-tmexxija lil Ġeħova, Alla se “jkun kollox għal kulħadd.” (1 Kor. 15:28) Imbagħad in-nies kollha fuq l-art se jkollhom “il-libertà glorjuża taʼ wlied Alla.” (Rum. 8:21) U Ġeħova se jkun wettaq l-iskop tiegħu li jkollu familja magħquda fis-sema u fuq l-art.—Efes. 1:10.

Wara li jiġru dawn l-affarijiet kollha, kif se tħossha l-familja taʼ Ġeħova fis-sema u fuq l-art? Aħna żgur se jkollna xewqa kbira biex infaħħru isem Ġeħova. Is-salmista David kiteb: “Ħa jkun imfaħħar Alla Ġeħova . . . Ħa jiġi mfaħħar għal dejjem l-isem glorjuż tiegħu.” (Salm 72:18, 19) Aħna se nsibu modi ġodda u tal-għaġeb taʼ kif nibqgħu nagħmlu dan għal dejjem.

Isem Ġeħova juri min hu. Meta naħsbu dwar l-isem taʼ Ġeħova niftakru kemm iħobbna. (1 Ġw. 4:8) Meta naħsbu li Ġeħova ħalaqna u bagħat lil Ġesù biex imut għalina, dejjem se niftakru l-imħabba li wriena. U qatt mhu se ninsew li l-mod kif imexxi hu ġust u bi mħabba. Imma se nkomplu naraw l-imħabba taʼ Ġeħova għal dejjem. Aħna se nkunu nixtiequ nersqu eqreb tiegħu u nfaħħruh bil-kant għal dejjem.—Salm 73:28.

a Il-Bibbja turina li Ġeħova jaġixxi “minħabba ismu.” Pereżempju, hu jmexxi lin-nies tiegħu, jgħinhom, isalvahom, jaħfrilhom, u jżommhom ħajjin. Jagħmel dan kollu minħabba ismu l-kbir, Ġeħova.—Salm 23:3; 31:3; 79:9; 106:8; 143:11.