Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

It-​2 Samwel 21:7-​9 għala jgħid li David “ħass mogħdrija għal Mefiboset” imma mbagħad ta lil Mefiboset għall-​mewt?

Xi wħud li jaqraw dan ir-​rakkont ta’ malajr spiss isaqsu din il-​mistoqsija. Però, f’dawn il-​versi jissemmew żewġt irġiel li t-​tnejn li huma jisimhom Mefiboset. Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu billi naraw x’ġara f’dan ir-​rakkont.

Is-​Sultan Sawl ta’ Iżrael kellu seba’ subien u żewġt ibniet. L-​ewwel tifel ta’ Sawl kien Ġonatan. Iktar tard, Sawl kellu tifel mit-​tieni mara tiegħu, Risfa, li semmieh Mefiboset. Ta’ interess li anki Ġonatan kellu tifel jismu Mefiboset. Għalhekk, is-​Sultan Sawl kellu tifel u neputi bl-​istess isem.

Maż-​żmien, is-​Sultan Sawl beda jobgħod lill-​Gibegħonin u pprova joqtolhom kollha. Milli jidher uħud minnhom ġew maqtula. Bla dubju, din kienet xi ħaġa ħażina. Għala? Għax lura fi żmien Ġożwè, il-​kapijiet ewlenin Iżraelin kienu wiegħdu lill-​Gibegħonin li se jżommu l-​paċi magħhom.—Ġoż. 9:3-​27.

Dan il-​ftehim kien għadu jgħodd fi żmien is-​Sultan Sawl. Però, hu injora dan il-​ftehim u pprova jeqred lill-​Gibegħonin. Dan wassal għall-​‘ħtija tad-​demm fuq Sawl u fuq taʼ daru.’ (2 Sam. 21:1) Meta fl-​aħħar David sar sultan, il-​Gibegħonin li baqgħu ħajjin tkellmu miegħu u qalulu dwar dak li għaddew minnu. David staqsa lill-​Gibegħonin x’seta’ jagħmel biex ipatti għal dak li ġralhom minħabba l-​pjan ta’ Sawl u biex Ġeħova jbierek l-​art tagħhom. Minflok ma talbuh il-​flus, il-​Gibegħonin talbuh li seba’ subien minn tas-​Sultan Sawl, li ‘għamel pjan biex iġibhom fix-​xejn,’ jingħatawlhom biex joqtluhom. (Num. 35:30, 31) David aċċetta t-​talba tagħhom.—2 Sam. 21:2-​6.

Sa dak iż-​żmien, Sawl u Ġonatan kienu mietu f’battalja, imma Mefiboset, it-​tifel ta’ Ġonatan, kien għadu ħaj. Meta kien żgħir Mefiboset kellu aċċident u baqaʼ jbati b’diżabilità ħajtu kollha u hu ma ħax sehem fl-​attakk li nannuh għamel kontra l-​Gibegħonin. David kien għamel ftehim mal-​ħabib tiegħu Ġonatan, li bih kienu se jibbenefikaw ukoll dawk li jiġu minnu, inkluż Mefiboset, it-​tifel ta’ Ġonatan. (1 Sam. 18:1; 20:42) Ir-​rakkont jgħid: “Is-​sultan [David] ħass mogħdrija għal Mefiboset, bin Ġonatan, bin Sawl, minħabba l-​ħalfa[li għamlu quddiem] Ġeħova.”—2 Sam. 21:7.

Però, David xorta aċċetta t-​talba tal-​Gibegħonin. Hu tahom żewġt itfal subien ta’ Sawl, li wieħed minnhom kien jismu Mefiboset, u ħames neputijiet. (2 Sam. 21:8, 9) Dak li għamel David temm il-​ħtija tad-​demm li kien hemm fuq l-​art.

Dan ir-​rakkont mhuwiex sempliċement storja tal-​passat. Il-​liġi t’Alla kienet ċara. Dewteronomju 24:16 jgħid: “L-​ulied m’għandhomx jingħataw il-​mewt minħabba l-​missirijiet.” Kieku ż-​żewġt itfal ta’ Sawl u n-​neputijiet tiegħu kienu innoċenti, Ġeħova ma kienx se jippermetti li jiġrilhom hekk. Il-​liġi tkompli tgħid: “Kull wieħed għandu jingħata l-​mewt għal dnubu stess.” Milli jidher, dawn it-​tfal u n-​neputijiet ta’ Sawl li ġew maqtula, b’xi mod kellhom x’jaqsmu mal-​pjan ta’ Sawl biex joqtol lill-​Gibegħonin. Għalhekk, is-​sebgħa li huma pattew għall-​ħażen li għamlu.

Dan ir-​rakkont jgħallimna li ħadd ma jista’ jġib skuża u jgħid li għamel jew qal xi ħaġa ħażina għax sempliċement segwa direzzjoni. Kulħadd hu responsabbli għal dak li jagħmel. Proverbju interessanti jgħid: “Witti t-​triq għal saqajk, u jalla triqatek kollha jkunu stabbiliti fis-​sod. Tilwix lejn il-​lemin u lanqas lejn ix-​xellug. Warrab sieqek mill-​ħażen.”—Prov. 4:24-​27; Efes. 5:15.