“Jinfetaħ” skroll tal-qedem
Minn meta ġie skopert il-framment maħruq sew t’Ein Gedi, fl-1970, ma kienx possibbli li jinqara. Imma riċentement l-iskenn 3-D wera li dan l-iskroll fih parti mill-ktieb tal-Levitiku, u li jinkludi l-isem personali t’Alla
FL-1970, xi arkeoloġi skoprew skroll maħruq sew f’Ein Gedi, Iżrael, ħdejn il-kosta tal-Punent tal-Baħar il-Mejjet. Huma sabu l-iskroll waqt li kienu qed iħaffru f’sinagoga li nħarqet meta nqered il-villaġġ, probabbilment bejn is-sena 500 u 550 wara Kristu (WK). Il-kundizzjoni tal-iskroll għamlitha impossibbli li jinqara; lanqas saħansitra jinfetaħ mingħajr ma ssirlu ħsara. Madankollu, grazzi għat-teknika tal-iskennjar 3-D, l-iskroll kien bħallikieku “nfetaħ.” U bis-saħħa taʼ digital imaging software ġdid, dak li hemm miktub fl-iskroll jistaʼ jinqara.
X’wera l-iskenn? L-iskroll hu test Bibliku. Dak li fadal mill-iskroll fih xi versi mill-bidu tal-ktieb tal-Levitiku. Dawn il-versi fihom l-isem personali t’Alla bl-Ebrajk, fil-forma tat-Tetragrammaton. Milli jidher, dan l-iskroll imur lura għaż-żmien bejn is-sena 50 u 400 WK, u b’hekk jagħmlu l-eqdem skroll tal-Iskrittura Ebrajka li ġie skopert wara r-Rombli tal-Baħar il-Mejjet (Qumran). Fil-gazzetta The Jerusalem Post, Gil Zohar jikteb li qabel ma setaʼ jinqara l-framment tal-ktieb tal-Levitiku li nstab f’Ein Gedi, kien hemm differenza taʼ madwar 1,000 sena bejn l-eqdem manuskritti tal-Bibbja, li huma r-Rombli tal-Baħar il-Mejjet (li nkitbu madwar is-sena 100 qabel Kristu [QK]) u l-manuskritti l-qodma taʼ warajhom, li huma l-Aleppo Codex (li nkitbu madwar is-sena 930 WK). Skont l-esperti, l-iskroll t’Ein Gedi juri li t-test tat-Tora * “ma nbidilx matul l-eluf taʼ snin li għaddew, u li l-iżbalji tal-kopisti ma biddlux it-test.”
^ par. 4 L-ewwel ħames kotba tal-Bibbja (Ġenesi, Eżodu, Levitiku, Numri, u Dewteronomju) il-Lhud isejħulhom it-Tora.