Kont Taf?
L-Iżraelin għala kellhom iħallsu prezz għall-għarusa qabel iż-żwieġ?
FI ŻMINIJIET Bibliċi, l-għarus jew il-familja tiegħu kellhom iħallsu lill-familja tal-għarusa jekk iż-żewġ familji jaqblu li l-għarajjes jistgħu jiżżewġu. Il-prezz li kienet titlob il-familja tal-għarusa setaʼ jitħallas permezz t’affarijiet taʼ valur, annimali, jew flus. Xi kultant, l-għarus kien iħallas dan il-prezz billi jagħmel xogħol għall-familja tal-għarusa, bħalma ġara fil-każ taʼ Ġakobb. Biex Ġakobb setaʼ jiżżewweġ lil Rakele, hu ħadem sebaʼ snin għal missierha. (Ġen. 29:17, 18, 20) Il-familja tal-għarusa għala kellha titlob prezz?
Studjuża tal-Bibbja, Carol Meyers, tgħid: “L-għarus jew il-familja tiegħu kellhom iħallsu l-prezz lill-familja tal-għarusa minħabba li huma kienu se jitilfu x-xogħol li kienet tagħmel hi. U dan kien importanti għall-familji li kellhom l-għelieqi.” Dan setaʼ jgħin ukoll biex il-ħbiberija taʼ bejn il-familji tal-għarajjes tissaħħaħ. Il-familji kienu se jgħinu lil xulxin matul żmien diffiċli. Barra minn hekk, il-prezz li kien iħallas l-għarus kien juri li issa huma għarajjes u li hi mhux se tibqaʼ taħt il-protezzjoni taʼ missierha, imma se tkun taħt il-protezzjoni tar-raġel tagħha.
Il-fatt li l-għarus kien iħallas prezz għall-għarusa ma kienx ifisser li l-mara kienet bħal xi oġġett li setaʼ jinbiegħ jew jinxtara. Il-ktieb Ancient Israel—Its Life and Institutions jgħid: “Din ir-responsabbiltà biex titħallas is-somma tal-flus jew jingħataw affarijiet li jiswew daqs is-somma lill-familja tal-għarusa, kienet tagħti l-idea li ż-żwieġ bejn familji Iżraelin kien qisu qed jinxtara. Imma milli jidher, il-prezz kien jingħata lill-familja tal-għarusa minħabba dak li kienet se titlef u mhux biex tinxtara l-mara.”
Illum, xi pajjiżi għad għandhom din l-użanza. Meta ġenituri Kristjani jitolbu prezz lill-għarus jew lill-familja tiegħu, kulħadd għandu jara li huma raġunevoli billi ma jitolbux iktar milli jkun hemm bżonn. (Flp. 4:5; 1 Kor. 10:32, 33) B’hekk, huma juru li ‘ma jħobbux il-flus’ u li mhumiex egoisti. (2 Tim. 3:2) Ukoll, meta ġenituri Kristjani ma jitolbux iżżejjed, l-għarus mhux ħa jkollu għalfejn idum biex jiżżewweġ. Jew mhux ħa jkollu għalfejn jieqaf minn pijunier għax ikollu jaħdem iktar jew jaħdem full-time ħalli jkun jistaʼ jħallas il-prezz.
F’xi pajjiżi hemm liġi kemm għandu jkun il-prezz li jħallas l-għarus jew il-familja tiegħu. F’dan il-każ, ġenituri Kristjani għandhom jobdu din il-liġi. Għala? Għax il-Kelma t’Alla tgħidilna biex inkunu ‘sottomessi lejn l-awtoritajiet superjuri’ u biex nobdu liġijiet li ma jmorrux kontra l-Kelma t’Alla.—Rum. 13:1; Atti 5:29.