TITWILA LEJN IL-PASSAT
Alhazen
X’AKTARX li qatt ma smajt b’Abū ‘Alī al-Ḥasan ibn al-Haytham. Fl-Ewropa u fl-Amerika huwa magħruf bħala Alhazen, l-isem bil-Latin tal-ewwel isem tiegħu bl-Għarbi, al-Ḥasan. Però, x’aktarx qed tibbenefika mix-xogħol li għamel matul ħajtu. Hu ġie deskritt bħala “wieħed mill-aktar persunaġġi importanti u li ħalla impatt fl-istorja tax-xjenza.”
Alhazen twieled fil-belt taʼ Basra, li llum qiegħda fl-Iraq, madwar is-sena 965 WK (wara Kristu). Kien jinteressa ruħu f’diversi oqsma bħall-astronomija, il-kimika, il-matematika, il-mediċina, il-mużika, l-ottika, il-fiżika, u l-poeżija. B’mod partikulari, għal xiex għandna nirringrazzjawh?
ILQUGĦ GĦAX-XMARA NIL
Storja dwar Alhazen infirxet għal żmien twil. Din hi dwar il-pjan tiegħu biex jiġi kkontrollat kemm jgħaddi ilma mix-Xmara Nil, xi ħaġa li fir-realtà twettqet f’Aswân fl-1902, kważi 1,000 sena wara.
L-istorja tgħid li Alhazen kellu pjanijiet ambizzjużi biex itaffi l-problema taċ-ċikli tal-għargħar u n-nixfa fl-Eġittu billi jagħmel ilqugħ fin-Nil. Meta l-ħakkiem taʼ Kajr, il-Kalif al-Hakim, semaʼ b’din l-idea, hu stieden lil Alhazen biex imur l-Eġittu u jibni dan l-ilqugħ. Imma malli Alhazen ra b’għajnejh stess ix-xmara, hu induna li l-proġett kien wisq għalih. Peress li beżaʼ mill-kastig li setaʼ tah dan il-ħakkiem li kien magħruf li jaqbad u jbiddel fehmtu, Alhazen għamel tabirruħu li kien miġnun sakemm miet il-kalif xi 11-il sena wara, fl-1021. Sadanittant, Alhazen kellu ħafna ħin f’idejh biex jiffoka fuq affarijiet oħrajn waqt li kien maqful minħabba li għamilha taʼ miġnun.
IL-KTIEB TAL-OTTIKA
Sakemm wasal iż-żmien li jinħeles, Alhazen kien laħaq kiteb il-biċċa l-kbira mis-sett taʼ sebaʼ volumi tal-Book of Optics li hu meqjus bħala “wieħed mill-aktar kotba importanti fl-istorja tal-fiżika.” Fih hu kiteb bid-dettall dwar l-esperimenti taʼ kif jaħdem id-dawl, inkluż kif id-dawl jinqasam f’kuluri differenti, kif jirrifletti fuq il-mirja, u kif ibiddel id-direzzjoni meta jgħaddi minn ħaġa għal oħra. Studja wkoll kif l-għajn tirrikonoxxi l-affarijiet, kif inhi magħmula, u kif taħdem.
Sas-seklu 13, il-kitbiet taʼ Alhazen ġew tradotti mill-Għarbi għal-Latin, u għal mijiet taʼ snin, l-istudjużi Ewropej irreferew għalihom bħala awtorità. B’hekk, il-kitbiet taʼ Alhazen dwar kif jaħdmu l-lentijiet kienu pedament importanti għall-Ewropej li kienu jipproduċu l-lentijiet. Permezz t’hekk, huma ivvintaw it-teleskopju u l-mikroskopju billi poġġew lenti wara oħra.
IL-KAMERA TAR-RITRATTI TAL-QEDEM
Alhazen identifika l-prinċipji li huma l-bażi għall-fotografija meta għamel dik li tistaʼ tiġi meqjusa bħala l-ewwel kamera tar-ritratti fl-istorja. Din il-kamera, il-camera obscura, kienet tikkonsisti “f’kamra mudlama” li fiha kien jidħol dawl daqs t’għajn taʼ labra. Permezz taʼ dan id-dawl, fuq ġewwa tal-kamra kienet tidher stampa bil-maqlub taʼ dak li kien hemm fuq barra.
Fis-seklu 19, folji rqaq fotografiċi ġew miżjudin mal-kamera tal-qedem biex l-immaġni li tieħu jibqgħu permanenti. X’kien ir-riżultat? Il-kamera tar-ritratti. Il-kameras tar-ritratti li għandna llum—u saħansitra l-għajn infisha—jużaw l-istess prinċipji fiżiċi bħall-camera obscura. *
IL-METODU XJENTIFIKU
Xi ħaġa li kienet tispikka fix-xogħlijiet taʼ Alhazen kienet ir-riċerka li kien jagħmel bir-reqqa u b’mod sistematiku fuq fenomeni naturali. Il-mod kif kien jaħdem hu kien differenti għalkollox minn dawk taʼ żmienu. Kien wieħed minn tal-bidu li kien jagħmel l-esperimenti biex jara jekk it-teoriji kinux tajbin. Ukoll, jekk ma kienx ikun hemm evidenza taʼ xi ħaġa, ma kienx jiddejjaq iqajjem dubji, anki jekk din kienet tkun aċċettata.
Prinċipju bażiku tax-xjenza moderna jistaʼ jinġabar f’dan il-kliem: “Agħti prova taʼ dak li temmen!” Xi wħud iqisu lil Alhazen bħala “l-missier tal-metodu xjentifiku modern.” Minħabba f’hekk, għandna ħafna għal xiex nirringrazzjawh.
^ par. 13 Kien biss fis-seklu 17, meta Johannes Kepler spjega x’kien ix-xebh li hemm bejn il-camera obscura u l-għajn li l-Ewropej u l-Amerikani setgħu jifhmu aħjar x’kien ix-xebh.