Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-belt taʼ Astana

PAJJIŻI U POPLI

Żjara fil-Każakistan

Żjara fil-Każakistan

IL-​Każakistani normalment kienu jgħixu bħala nomadi. Sal-​lum il-​ġurnata, xi ragħajja Każakistani jieħdu l-​annimali tagħhom biex jirgħu f’postijiet differenti skont l-​istaġun. Is-​sajf iqattgħuh fuq għoljiet fejn ikun hemm il-​frisk u l-​ħaxix. Imbagħad, hekk kif toqrob ix-​xitwa li magħha ġġib il-​borra, iniżżlu l-​merħliet f’medda art iktar sħuna.

Xi Każakistani jgħixu fi bliet moderni u żviluppati. Madankollu, ħafna tradizzjonijiet, ikel, u affarijiet li jaħdmu b’idejhom jirriflettu l-​istil taʼ ħajja li kellhom l-​antenati tagħhom. Il-​Każakistani għandhom wirt kbir taʼ poeżiji, għanjiet, u mużika li tindaqq bi strumenti mużikali lokali.

Il-​yurt—it-​tinda tradizzjonali tan-​nomadi li tinġarr—saret simbolu taʼ kif il-​bniedem jgħix fin-​natura u jirrispettaha. Ir-​ragħajja għadhom jippreferu jużaw il-​yurt, u l-​Każakistani li jgħixu fil-​bliet spiss jużawhom għal okkażjonijiet speċjali. Dawn it-​tined jintużaw ukoll bħala akkomodazzjoni komda għat-​turisti. Il-​mod kif inhi minn ġewwa turi l-​kapaċità tan-​nisa Każakistani fis-​sengħa tagħhom tal-​irrakkmar, tal-​insiġ, u tat-​tapizzerija.

Yurt minn ġewwa

Familji Każakistani li jgħixu ’l bogħod mill-​bliet jgħożżu ż-​żwiemel tagħhom. Minn tal-​inqas hemm 21 kelma Każakistana għal żiemel, kull waħda b’xi ftit tifsir differenti, u hemm iktar minn 30 kelma u espressjoni biex tiddeskrivi l-​kulur tal-​pil taż-​żiemel. Żiemel tajjeb għadu rigal li jqum il-​flus u apprezzat. Fil-​kampanja, is-​subien jitgħallmu jirkbu ż-​żiemel minn età żgħira.

Ikla tradizzjonali Każakistana dejjem tinkludi l-​laħam u normalment ma tkunx taħraq fit-​togħma. Fost ix-​xarbiet favoriti tal-​Każakistani hemm xarba magħmula mill-​ħalib tad-​debba li jintqal li għandha ħafna benefiċċji għas-​saħħa, u xarba magħmula mill-​ħalib tal-​ġemel li hi sustanzjuża u ftit qarsa.

L-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Almaty jilqgħu lill-​viżitaturi u huma lesti li jagħmlulhom tur.

Il-leopard tal-borra li diffiċli biex tarah iqattaʼ s-sajf fuq il-muntanji fl-għoli fil-Każakistan